F’temp ta’ ftit xhur, il-Kunsill Ewropew magħmul mill-kapijiet tal-gvern u tal-istat tal-membri tal-Unjoni Ewropea, iltaqa’ darbtejn f’summit bla preċedent mal-Prim Ministru tat-Turkija. Bħal fl-ewwel darba, l-għan tal-laqgħa li saret fil-bidu ta’ dil-ġimgħa kien biex jinstab qbil dwar kif it-Turkija se zzomm għandha r-refuġjati deħlin mis-Sirja biex jibqgħu sejrin lejn l-Ewropa.
Fl-ewwel ftehim li ntlaħaq f’Diċmbru, it-Torok kellhom jirċievu 3 biljun ewro fuq sentejn u jerġgħu jibdew jinnegozjaw dwar it-talba tagħhom biex isiru membri tal-Unjoni Ewropea. Dal-ftehim baqa’ nej. Il-pressjoni ta’ refuġjati baqgħet tizdied fuq il-Greċja, waqt li fil-pajjizi Balkani sal-Awstrija, l-fruntieri bdew jingħalqu u r-refuġjati li waslu, sabu li qed jissakkru fil-Greċja.
Ir-refuġjati qed jaħarbu mill-gwerra ċivili tas-Sirja. It-tmiem tagħha ma jidhirx fil-qrib. L-Unjoni Ewropea ftit tista’ tagħmel biex twaqqafha. Min-naħa l-oħra, wara s-snin li ilhom jipproklamaw l-valuri tas-solidarjetà u tad-drittijiet tal-bniedem, l-Ewropej sabu diffikultà kbira biex iwaddbu lura r-refuġjati, aktar u aktar wara li l-kanċellier Merkel tal-Ġermanja tathom il-merħba f’pajjizha, ħaġa li kienet kompliet izzid fin-numru ta’ dawk li qed jaslu.
Skont il-ftehim ta’ dil-ġimgħa, dawk ir-refuġjati u immigranti li jaslu l-Ġreċja mit-Turkija “illegalment” se jintbagħtu lura u minflokhom, f’numru ugwali, it-Turkija tibgħat lura refuġjati li hi tkun ipproċessat u għarfet bħala refuġjati. L-Unjoni Ewropea qablet li tħaffef il-proċeduri li bihom ċittadini Torok jistgħu jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Qablet li se tara kif se zzid il-fondi li tgħaddi lit-Turkija biex din tkun tista’ tlaħħaq mar-refuġjati li għandha fostha. Qablet għal darb’oħra li tara kif se terġa’ ttellaq in-negozjati li kienu nfetħu snin twal ilu biex it-Turkija ssir membru tal-Unjoni Ewropea.

KRITIKA

Il-ftehim laqqat kritika mhux zgħira. L-istess kanċellier Merkel tal-Ġermanja qagħdet attenta kif titkellem: L-ewwel ħaġa qabel ngħidu li lħaqna ftehim, sostniet, hi li naraw kif se jaħdem. Kien hemm bosta li sostnew li l-ftehim ma jistax jaħdem u li hu mezz ieħor tal-Ewropej kif bħas-soltu, jipposponu l-problemi.
Kritika tal-ftehim kienet li mhux prattikament possibbli li jitwettaq. Filfatt, fil-jiem ta’ wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew mat-Turkija timijiet ta’ tekniċi kellhom jiltaqgħu biex ifasslu l-proċeduri li għandhom jintuzaw. Kemm se jaslu għal dan b’mod sodisfaċenti hi ħaġa dubjuza.
Ġie kritikat ukoll minn aġenziji, tal-Ġnus Magħquda u privati, li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ħafna deputati parlamentari parlamentari Ewropej, għar-raġuni li l-ftehim imur kontra t-trattati internazzjonali dwar id-dritt tal-azil għar-refuġjati. It-tweġiba għal din il-kritika sa issa kienet li bil-maqlub, il-ftehim qed jipprovdi triq legali li minnha jistgħu jgħaddu dawk li qed ifittxu l-azil fl-Ewropa. Minflok jitilqu llegalment lejn il-Greċja, jistgħu b’mod miftuħ, japplikaw għal dan l-azil fit-Turkija meta jaslu hemm u jiġu aċċettati mill-Ewropej skont proċeduri li jitmexxew bil-galbu. Imma dawk li jikkritikaw dan l-aspett tal-ftehim jinsistu li mhux sew li t-Turkija tingħata għarfien bħala pajjiz li fih refuġjat jista’ jħossu li qiegħed għall-kenn.
Fil-fatt, minn naħa oħra, saret kritika għall-fatt li l-Unjoni Ewropea qed tittratta ma’ gvern, it-Tork, li mhuwiex josserva l-valuri Ewropej. Fl-istess zmien li kienu qed isiru n-negozjati, b’deċizjoni tal-qrati, il-gvern Tork kien qed jieħu f’idejh wieħed mill-aqwa ġurnali tal-Oppozizzjoni, Zaman. Ftit wara, ħa f’idejh ukoll aġenzija privata oħra tal-aħbarijiet. Għal dil-kritika, kelliema għall-Unjoni Ewropea baqgħu jinsistu li huma pprotestaw mal-awtoritajiet Torok dwar dawn l-izviluppi u għamluhielhom ċara li mhumiex kompatibbli ma’ sħubija fl-Unjoni.

SE JITWETTAQ?

Tibqa’ l-mistoqsija: il-ftehim li ntlaħaq hu fattibbli? Jew se jispiċċa bla effett? Fuq quddiem biex timbotta favur il-ftehim kien hemm il-kanċellier Merkel li tinsab taħt kritika kostanti f’pajjizha minħabba kif idderiġiet sa issa fil-krizi tar-refuġjati. Dan qed ikollu effett politiku immedjat: fl-elezzjonijiet tal-istat ta’ Hesse, li jinkludi l-belt ta’ Frankfurt, il-partit tal-lemin estrem AfD, li hu kontra għal kollox il-wasla tal-immigranti kiseb aktar minn 10 fil-mija tal-voti.
L-istess pressjoni qed tinħass f’pajjizi oħra li jinsabu fit-triq tal-immigranti, bħas-Slovakkja. F’elezzjonijiet nazzjonali hawn, il-gvern soċjal demokratiku mmexxi mill-Prim Ministru Fico tilef 30 fil-mija tal-voti tiegħu u l-maġġoranza fil-Parlament. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-voti ħaduhom partiti ġodda zgħar li huma kontra l-immigrazzjoni. Issa Fico fl-aħħar zminijiet kien tkellem bil-kbir kontra l-immigrazzjoni f’pajjizu mill-Lvant Nofshani, tant li qajjem kritika sħiħa kontrih fl-Ewropa. Minkejja dan, ħafna votanti Slovakki ddeċidew li jippreferu rapprezentanti aktar estremi minn Fico.
Peress li huma maqsumin bejniethom, l-Ewropej m’għandhomx alternattiva ħlief li jiftehmu mat-Turkija. Iridu jrazznu l-wasla tar-refuġjati. Ma jistgħux jagħmluha huma bil-forza, jew jidhru li qed jagħmlu hekk. Jekk il-“push back” b’mod jew ieħor, issir mit-Turkija, ikun aħjar. Għall-ewwel darba, l-Ewropa teħtieġ lit-Turkija, ħafna aktar milli t-Turkija għandha bzonn tal-Ewropa. Din hi ħaġa li l-gvern Tork fehem sa mill-bidu nett.

GREĊJA

Sadattant, ir-refuġjati baqgħu jinġabru fil-Greċja għax it-triq lejn l-Awstrija u l-Ġermanja kienet ingħalqet għal kollox mill-pajjizi Balkani. Il-kondizzjonijiet li fihom qed jinzammu bdiet tieħu x-xejra ta’ krizi umanitarja. Għal darba wara l-oħra, il-gvern Grieg wissa li ma kienx qed jirnexxielu jlaħħaq mal-bzonnijiet jizdiedu ta’ refuġjati li bdew jinġabru wkoll fiċ-ċentri tal-bliet.
Imbuttata mill-Ġermanja, l-Kummissjoni Ewropea zblokkat aktar fondi ħalli l-Greċja tkun tista’ tiffinanzja l-isforzi tagħha biex tipprovdi kenn, ikel u kura. Għax fl-istess zmien, il-Greċja għadha tħaddem il-pjan ta’ awsterità impost fuqha miz-zona tal-ewro s-sajf li għadda. Fl-aħħar zminijiet, il-qagħda finanzjarja tal-Greċja kellha tiġi miflija mill-esperti taz-zona ewro u tal-Fond Monetarju Internazzjonali bi tħejjija għall-għoti lill-Greċja ta’ self ġdid, skont il-pjan tas-sajf li għadda. Dan ix-xogħol waqa’ lura. L-esperti tal-Fond Monetarju qed jgħidu li għadhom mhumiex konvinti li l-Greċja tista’ tkampa. Min-naħa taz-zona ewro qed ikunu aktar ottimistiċi.
Imma jista’ jkun li l-ġudizzju tagħhom hu influwenzat mill-ħsieb li l-Greċja diġà tinsab mgħobbija b’wisq problemi, u aħjar iqisu kif se jħaffuhomlha. Kellu raġun dan l-aħħar il-ministru tal-finanzi Grieg Tsakalotos jinsisti li l-finanzi tal-Greċja qed jiġu affettwati ħażin mill-krizi tal-immigrazzjoni u li dil-ħaġa ma tistax tintesa meta jsiru l-kontijiet mal-bqija taz-zona ewro.

Facebook Comments

Post a comment