Ġimgħa ilu tkellimna dwar kif inhuma magħmula l-gvernijiet ta’ pajjiżi “żgħar” membri tal-Unjoni Ewropea. Bħall-gvern Malti, huma jieħdu sehem fid-diskussjonijiet u n-negozjati bejn it-28 membru tal-Unjoni li jwasslu għad-deċiżjonijiet Ewropej. Nisimgħu ħafna dwar xi tkun il-qagħda tal-pajjiżi l-kbar bħall-Ġermanja u Franza, imma ftit li xejn dwar kif iż-“żgħar” ikunu qed jippożizzjonaw ruħhom. Rajna kif il-pajjiżi li semmejna (il-Greċja, is-Slovenja, ir-republika Ċeka, is-Slovakkja, il-Portugall u l-Irlanda) jinsabu mmexxija minn koalizzjonijiet jew jiddependu fuq appoġġ ta’ partiti oħra li mhumiex fil-gvern biex imexxu. Fis-Slovenja il-problema baqgħet fl-aħħar xhur li lanqas jista’ jiġi fformat xi gvern ta’ koalizzjoni.
Wieħed mil-qarrejja bagħat jgħidli: Tajjeb li niddiskutu kif inhuma magħmula l-gvernijiet li semmejt. Imma ma taħsibx li hu aktar importanti li nsegwu x’tip ta’ politika pajjiżi hekk qed imexxu fl-Ewropa nnifisha? Kelli nammetti li għandu raġun bil-kbir. Għalhekk illum se nerġgħu nżuru lil dawn il-pajjiżi biex inqisu fejn ipoġġu rwieħhom politikament il-gvernijiet tagħhom meta jiġu biex jagħmlu għażliet Ewropej.

GREĊJA
Maqbud kif kien fil-manglu tad-djun li l-Greċja kellha tħallas lura, u l-esiġenzi tal-Ewropej biex jekk se jsellfuh l-flus, irid jinforza politika ta’ dixxiplina u awsterità, il-gvern Grieg fl-aħħar snin kellu bilfors jikkonċentra fuq dil-problema. Ried jara kif se jissodisfa lill-Ewropej waqt li ma jispiċċax wisq imżeblah mil-poplu li kien qed jitgħabba b’piżijiet dejjem akbar. Minn naħa jipprova jikkonvinċi lill-Ewropej biex ibenġlu xi ftit it-talbiet tagħhom, mill-oħra jara kif waqt li jwettaq l-awsterità, jipprova jagħmilha ftit anqas ħarxa.
Minħabba f’hekk, il-Greċja żammet profil baxx f’ħafna oqsma ta’ tmexxija – ħlief wieħed ieħor: l-immigrazzjoni. Għax f’daqqa waħda, sabet ruħha fuq il-front li minnu għexieren ta’ eluf ta’ refuġjati u immigranti oħrajn riedu jaqsmu lejn l-Ewropa, kollha ġejjin mis-Sirja u l-Lvant Imbiegħed. Waqt li tat għajnuna kemm setgħet lil dawn l-immigranti, l-Greċja għamlet u għadha tagħmel pressjoni biex il-piż finanzjarju kollu li kellha ġġorr jitħaffilha. M’hemmx għalfejn ngħidu, hi waħda mill-pajjiżi li l-aktar huma favur li l-piżijiet tal-immigrazzjoni jinqasmu bil-fier fost il-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni (dak li jissejjaħ “burden sharing”).

IS-SLOVENJA
Sa ftit ilu s-Slovenja kienet wieħed mill-aktar pajjiżi b’opinjoni publika favorevoli għall-Unjoni Ewropea. Saret membru tal-Unjoni u taż-żona tal-ewro bl-aktar mod “naturali” u bla intoppi. Kienet titqies bħala l-aktar “Ewropea” mill-pajjiżi Slavi u tal-lvant. Il-kriżi fiż-żona tal-ewro bl-istaġnar ekonomiku li ġabet magħha qagħbret lis-Slovenja. Dwarha għal xi żmien beda jintqal li hi wkoll se jkollha bżonn pjan ta’ salvataġġ. Dan madankollu ma kienx minnu.
Imbagħad fis-Slovenja wkoll, il-kriżi tal-immigrazzjoni qanqlet reazzjonijiet ta’ dwejjaq fost il-poplu hekk kif il-pajjiż sab ruħu f’parti mit-triq diretta li l-immigranti qabdu u ħadu mill-Greċja lejn il-Ġermanja. Qabel dan ġara, il-prioritajiet tal-gvern kienu ffokati fuq kif l-aħjar jinfilza ruħu fl-oqsma ekonomiċi Ewropej li l-aktar jistgħu jrendu lill-pajjiż, u kellu suċċess f’dan ir-rigward. Il-mewġa tal-immigrazzjoni ħadet xejra politika qawwija għax qajmet diżgwid fost is-Sloveni. Partiti li ħarġu favur ħarsien kontra l-immigrazzjoni sabu appoġġ ġdid u kbir. Dan ikkontribwixxa għall-iġġammjar li tinsab fih illum il-ħajja politika tal-pajjiż fejn, kif għedna, in-negozjati biex titwaqqaf koalizzjoni ta’ gvern ilhom ix-xhur għaddejja bla ebda riżultat.
Illum jintqal li s-Slovenja qed tibdel ir-rotta u se ssir tixbah sew f’għemilha lill-pajjiżi tal-Visegrad li sa issa, kienet baqgħet imbiegħda minnhom.

IR-REPUBBLIKA ĊEKA U S-SLOVAKKJA

Dawn huma tnejn mill-erba’ pajjiżi tal-grupp Visegrad (l-oħrajn huma l-Polonja u l-Ungerija). Jinsabu fiż-żona tal-ewro – it-tnejn l-oħra le, anzi donnhom iqisu li aħjar jipposponu kemm jistgħu d-deċiżjoni biex fl-aħħar jidħlu fiha.
B’modi mhux daqstant differenti minn xulxin, iċ-Ċeki u s-Slovakki, li wara kollox sa ftit taż-żmien ilu kienu parti mil-istess pajjiż, isostnu minkejja l-bidla fil-gvernijiet li ġarrbu, il-linji ewlenin tal-grupp tal-Visegrad. Dawk jiġifieri, li l-pajjiżi tal-lvant għandhom jingħataw l-importanza tagħhom, mhux ikunu mistennija jgħidu sinjur si għal kull ma jridu l-Ġermanja u Franza. Il-politika Ewropea bil-fondi li tħaddem, trid tfittex li tnaqqas id-distakk bejn il-lvant u l-punent tal-Ewropa: jiġifieri trid tkompli twieżen aktar lil-lvant bil-proġetti li tiffinanzja (kif effettivament ġara fl-aħħar snin). Din il-politika tidher mhedda bil-proposti li qed isiru għall-iffinanzjar tal-baġit Ewropew għas-snin 2020 sa 2027.
Fuq kollox il-linja tal-pajjiżi Visegrad tissejjes illum fuq żewġ proposti li xejn mhuma għall-gosti tal-Ewropej tal-“punent”.
L-ewwel punt hu li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tkompli tifrex il-poteri tagħha fejn dan inaqqas jew ixellef is-sovranità u l-poteri tan-nazzjonijiet membri.
M’hemmx sorpriża dwar it-tieni punt. Jikkonċerna l-immigrazzjoni li dwarha dawn il-pajjiżi baqgħu jisħqu li l-membri tal-Unjoni mhumiex marbuta li jaċċettawha jew li jaqsmu bejniethom il-piżijiet tagħha. Il-membri tal-Visegrad isostnu li fl-eżerċizzju tas-sovranità tiegħu, kull pajjiż jista’ jagħmel kif jidhirlu li jaqbel, inkluż li jagħlaq il-fruntieri għall-immigranti.

PORTUGALL

Bħall-Greċja, l-Portugall għadda miż-żmien li fih matul snin, kellu jwettaq politika ta’ awsterità maħsuba biex teħilsu mid-djun li l-gvern kien tgħabba bihom, tant li kien se jispiċċa fixxa. Il-pajjiż ħareġ minn dil-ħidma ħafna qabel il-Greċja imma hawn ukoll, id-dannu soċjali – speċjalment fost il-familji bi dħul baxx u fost iż-żgħażagħ – kien enormi. L-ewwel waqa’ l-gvern soċjal demokratiku li kien vara r-“riformi”. Warajh daħal gvern lemini li baqa’ sejjer fl-istess triq – xprunat mil-pajjiżi l-oħra taż-żona tal-ewro li sellfuh aktar flus. Anke hu mbagħad, tilef l-aħħar elezzjoni li saret.
Issa, bil-gvern ta’ minoranza soċjalista li qed iħoll iċ-ċintorin xi ftit, in-naħat politiċi kollha qed joqogħdu b’seba’ għajnejn ħalli ma jagħmlu xejn li jista’ jerġa’ jdaħħal lill-Portugall fi gwaj finanzjarju. Is-sitwazzjoni ekonomika qed titjieb u l-istess dik soċjali. Għal li ġej, l-għan strateġiku tal-forzi politiċi kollha hu li jaraw li t-titjib jitkompla, li jieħdu il-kredtu huma għalih u li l-Portugall iżomm linja qawwija favur aktar għaqda fl-Ewropa. F’dal-qafas, l-immigrazzjoni mhi qed tqajjem l-ebda problema politika fil-pajjiż.

L-IRLANDA

Bi gvern ta’ minoranza ieħor hawn ukoll, kif għedna ġimgħa ilu, donnu hemm kunsens fil-pajjiż fuq x’għandu jkun l-aqwa għan politiku: dak li bil-Brexit ma terġax tinbena fruntiera li tifred lill-Irlanda ta’ “Fuq” minn dik ta’ “Isfel”. Kemm ir-Renju Unit u kemm il-bqija tal-Unjoni Ewropea jappoġġjaw din il-mira b’mod ferventi. Imma soluzzjoni “teknika” dejjiema għal dil-problema għad trid tinstab. U m’hemm l-ebda ċertezza li n-negozjati dwar il-Brexit se jintemmu bi ftehim, ħaġa li tkun ta’ dannu kbir għall-Irlanda.
Biss jeżisti tħassib ukoll dwar l-intenzjonijieet tal-Ewropej l-oħra dwar il-politika tat-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea. L-Irlanda ilha tiġi kkritikata li żżomm il-livelli tat-taxxi tagħha fuq il-kumpaniji wisq baxxi biex b’hekk tħajjarhom jistabbilixxu rwieħhom għandha u allura jevitaw li jħallsu t-taxxi fil-pajjiżi Ewropej l-oħra fejn jagħmlu l-profitti. Is-servizzi finanzjarji huma qasam importanti tal-ekonomija.
Meta l-pajjiż, bħall-Portugall u l-Greċja, ħtieġlu jissellef miż-żona ewro, inkella jfalli, saret pressjoni qawwija fuqu biex jibdel il-politika tat-tassazzjoni. Ma aċċettax imma l-pressjoni fuqu dwar dil-ħaġa għadha ssir. Tista’ tgħid li l-partiti politiċi kollha tal-Irlanda huma magħquda fil-ħsieb li għandhom jirreżistu dil-pressjoni. Bir-Renju Unit barra mill-Unjoni Ewropea, żgur li se tkompli tiżdied.

***
Kif wieħed malajr jifhem, kull pajjiż – skont iċ-ċirkostanzi tiegħu – jkollu għanijiet ewlenin partikolari. Ikun irid jiżgura li kwalunkwe politika Ewropea li tiġi miftehma ma xxellifhomlux ħafna jew ftit. Dan japplika kemm għall-membri kbar u għaż-żgħar.
Għalhekk, biex tifhem fejn x’aktarx se jinstab bilanċ fid-deċiżjonijiet iebsa Ewropej li jkollhom jittieħdu (bħal ngħidu aħna, l-qafas finanzjarju tal-Unjoni għas-snin 2020/2027), ikun jaqbel li jkollok idea pajjiż pajjiż fejn u kif qed jonfoħ ir-riħ tal-politika interna tiegħu.

Facebook Comments

Post a comment