Ġieli jqum l-argument (jien insostnih ta’ spiss) li l-Ewropa hi kontinent magħmul min-nazzjonijiet u li għalhekk, ċertament sa issa, l-għaqda politika tagħha ma tistax tieħu b’suċċess is-sura federali. Filfatt, minkejja s-saħħa eżekuttiva li l-Kummissjoni Ewropea għandha f’numru mhux żgħir ta’ oqsma, u minkejja l-involviment akbar fid-deċiżjonijiet li sar ikollu l-Parlament Ewropew, l-aqwa vuċi għadha dik tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri. Hu mill-Kunsill fid-diversi forom tiegħu, fejn jiġu biex jiddiskutu u jaqblu l-gvernijiet rispettivi, li l-Unjoni Ewropea tieħu d-direzzjoni tagħha.
Hi ħaġa minn ewl id-dinja li bilfors hu proċess komplikat biex tasal iġġib f’għaqda flimkien tmienja u għoxrin (daqt seba’ u għoxrin) vuċi governattiva. Dawn l-ilħna jkunu mnebbħa mil-interess nazzjonali u partiġġjan tagħhom, daqskemm mill-interess “Ewropew”. Kull gvern ikollu jixprunawh għanijiet politiċi u ekonomiċi skont il-qagħda li jaffaċċja f’pajjiżu, mhux l-anqas hekk kif xi elezzjoni tkun qed toqrob. Terġa’, għadd sostanzjali ta’gvernijiet huma magħmula minn koalizzjonijiet, ħaġa li tkabbar it-taħbila ta’ proposti u interessi.
Quddiem din il-komplikazzjoni, kważi b’mod naturali, l-osservaturi l-aktar isegwu lil xi jkun għaddej fil-pajjiżi l-kbar – Ġermanja, Franza, l-Italja… Imma ma rridux ninsew li l-gvernijiet ta’ pajjiżi ż-żgħar se jersqu huma wkoll biex iwaddbu tagħhom fil-borma. (Forsi diffiċli għalina li ninsew dan għax naħbtu l-iċken fost iż-żgħar!)
Tajjeb li hawn taħt nagħtu ħarsa lejn il-qagħda tal-gvernijiet f’uħud mil-pajjiżi ż-żgħar (mhux iż-żgħar nett – mhux Malta, Ċipru u l-Lussemburgu).

FIL-GREĊJA

Tliet snin ilu, l-gvern ta’ Alexis Tsipras, mexxej tal-partit Syriza, beda bħala wieħed xellugi li ma riedx jaċċetta l-piżijiet impoġġija fuq il-Greċja miż-żona tal-ewro bħala kondizzjoni biex isellfuha l-fondi meħtieġa ħalli tilqa’ għad-djun enormi li kienet iġġorr. L-Ewropej ġagħlu lil Tsipras jibdel ir-rotta kompletament. Kellu jsostni u jżid fil-miżuri iebsa li qabel kien wiegħed li se jirrifjuta għal kollox. Soċjalment, il-mizuri għadhom iħarbtu lill-poplu Grieg. Imma talanqas issa l-Greċja resqet lejn qagħda fejn jidher li tista’ tiffinanzja is-self li tagħmel fis-swieq internazzjonali.
U resqin elezzjonijiet ġenerali fi ftit aktar minn sena. Wieħed kien jistenna li l-prospetti ta’ Tsipras għalihom ma jkunu xejn sbieħ. Għamel il-kuntrarju ta’ kull ma wiegħed. Jidher madankollu li l-biċċa mhijiex daqstant iddisprata. Għalkemm issoda, il-partit tal-lemin in-Neodemokratia donnu qed jitlef ir-rankatura. U x-xellug “moderat” minkejja li mmodernizza l-istrutturi tiegħu għadu wisq dgħajjef. Jintqal li numru sostanzjali ta’ Griegi ma jagħtux tort lil Tsipras u lill-gvern tiegħu għal dak li twettaq fl-aħħar snin: igħidulek li għamlu l-aħjar li setgħu u dak li kellhom jagħmlu.
Biss imbagħad hemm il-kritika ħarxa li qala’ l-Prim Ministru Tsipras għall-mod kif hu u l-gvern tiegħu ġabu ruħhom quddiem id-diżastru tan-nirien li ħakmu lill-Greċja ix-xahar li għadda…

FIS-SLOVENJA
Mill-ewwel deher li l-elezzjonijiet li nżammu xi xhur ilu, taw riżultat li ħalla kollox miftuħ. Fil-Parlament ġew eletti ruxxmata ta’ partiti żgħar li għal raġuni jew oħra, ma jaqblux bejniethom.
Il-partit taċ-ċentru lemin, l-SDS immexxi minn Janez Janso, hu kontra li jitħallew jidħlu l-immigranti fis-Slovenja. Rebaħ l-akbar numru ta’ siġġijiet fil-Parlament, imma xorta kellu biss ftit aktar mil-kwart tad-deputati. Mingħajr alleati biex jifforma koalizzjoni, ma kien se jasal imkien. Ma rnexxilux isibhom.
It-tieni partit fid-daqs, xellugi moderat, ipprova jagħmel l-istess ħaġa billi jgħaqqad koalizzjoni ta’ xi tmien partiti. Hu wkoll ma rnexxilux.
Jidher li Janso se jerġa’ jipprova jwaqqaf gvern. Iċ-ċansijiet huma li jfalli f’hekk. Ħafna jbassru li daqt se jkollhom jerġgħu jinżammu elezzjonijiet ġodda. Mhijiex ħaġa ċara kemm dawn jistgħu jagħtu riżultati differenti minn ta’ qabilhom.

FIR-REPUBBLIKA ĊEKA

Hawn, bi ftit sa issa ġiet evitata l-istess qagħda bħal fis-Slovenja. Fl-aħħar elezzjonijiet li saru, l-ANO, il-partit li ġab l-aktar voti (imma dejjem bl-ebda mod ma kellu waħdu xi maġġoranza ta’ siġġijiet fil-Parlament) kien immexxi minn negozjant “biljunarju” Andrej Babis. Il-partit kellu pożizzjoni hekk imsejħa “ewro-xettika”, fehma li għandha għeruq qawwija fost iċ-Ċeki. Il-gvern minoritarju li Babis ifforma bħala Prim Ministru ġie sfiduċjat u hu mexxa lill-pajjiż għall-ewwel nofs ta’ dis-sena bħala “caretaker”. Minn Ġunju, bl-appoġġ tal-partit Komunista, Babis waqqaf koalizzjoni ġdida li forsi żżomm fil-wiċċ ftit aktar minn ta’ qabilha.
Imma l-mexxej tal-ANO ilu jiġi akkużat li kumpaniji tiegħu kisbu fondi allokati minn proġetti Ewropej bi frodi. Qabel tela’ fil-Parlament fl-aħħar elezzjonijiet u b’hekk kiseb l-immunità parlamentari, il-pulizija Ċeka kienet bdiet tieħu passi kontrih. L-aġenzija OLAF tal-Unjoni Ewropea li tinvestiga każi ta’ korruzzjoni u tmexxija finanzjarja kriminali fl-Unjoni, appoġġjat dawn l-akkużi. Ma jidhirx li l-biċċa hi magħluqa.

FL-ISLOVAKKJA

Il-qtil fi Frar tal-ġurnalist Jan Kuciak u ta’ ħabibtu qanqal splużjoni politika li wasslet biex il-Prim Ministru Robert Fico, li kien qed imexxi koalizzjoni ta’ gvern bejn tliet partiti, kellu jirriżenja. It-tmexxija tal-gvern ta’ koalizzjoni magħmula minn tliet partiti diretta mill-partit soċjal-demokratiku ta’ Fico, SMER, għaddiet għand Peter Pellegrini, li hu mitqies bħala abbatin ta’ Fico.
Saret pressjoni qawwija mil-midja u b’dimostrazzjonijiet fit-toroq biex il-gvern ta’ SMER jitlaq. Biss il-partiti l-oħra tal-Islovakkja, mil-lemin għax-xellug, huma ċkejkna. Jikkonsistu minn gruppi żgħar li telqu għal rashom b’ideoloġiji, programmi ta’ tmexxija, u klikek fejn ħadd ma jaqbel ma’ ħadd. F’dal-qafas, diffiċli biex wieħed jara kif SMER jista’ jitneħħa mill-poter, għalkemm jidher li ħafna Slovakki jixtiquha dil-ħaġa.

FIL-PORTUGALL

Il-gvern soċjal-demokratiku mmexxi minn Antonio Costa hu minoritarju imma għandu l-appoġġ “minn barra” tal-partiti xellugin l-oħra u tal-ħodor. Ħafna ħasbu li l-arranġament mhux se jirnexxi. Il-mexxejja taż-żona tal-ewro beżgħu li l-gvern ta’ Costa se jiftaħ idejh u jdaħħal lill-Portugall lura fit-twegħir finanzjarju li kien għadu kemm ħareġ minnu.
Minn dan kollu ma ġara xejn. Il-finanzi tal-gvern baqgħu għaddejja fuq bażi soda. Il-gvern daħħal numru ta’ riformi soċjali li sostnewlu l-appoġġ “minn barra” tax-xellugin, għalkemm mil-lat finanzjarju, x’aktarx li għamel dan billi kompla jnaqqas mill-investiment publiku. L-ekonomija irrankat. L-aqwa ironija forsi kienet li l-ministru tal-finanzi Portugiż Mario Centeno intgħażel ftit ilu bħala l-kap tal-ewrogrupp, il-kumitat li jmexxi ż-żona tal-ewro.

FL-IRLANDA
Wara l-elezzjonijiet ta’ Frar 2016, il-Partit tal-Fine Gael (li jiġi deskritt bħala liberali u demokristjan…) immexxi minn Enda Kenny baqa’ b’maġġoranza relattiva fil-Parlament Irlandiż u waqqaf gvern ta’ minoranza. Kenny rriżenja sena wara u postu ħadu Leo Vardakar, ta’ dixxendenza Indjana. Biex imexxi, il-gvern ta’ minoranza ikollu f’ħafna każi jiddependi jew fuq l-astensjoni jew fuq il-vot favur tat-tieni l-akbar partit, il-Fianna Fail li kien twaqqaf mill-fundatur tar-repubblika Irlandiża Eamon de Valera.
Xorta waħda, permezz ta’ referendum, twettqet bidla soċjali enormi fil-pajjiż bil-legalizzar tal-abort. Fuq kollox, l-inkwiet dwar kif l-Irlanda se tiġi affettwata mill-Brexit qed iwassal biex kemm jista’ jkun, il-partiti l-kbar iżommu bejniethom għalissa sens ta’ għaqda nazzjonali.

Facebook Comments

Post a comment