Id-diskussjoni li Jean Claude Juncker xtaq li titlaq mal-pubblikazzjoni tal-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-Ewropa telqet. Biss mhux bilfors qed tirrombla skont kif il-President Juncker xtaq li jiġri. Fil-White Paper ġew ippreżentati ħames xenarji differenti dwar il-modi li bihom l-Unjoni Ewropea tista’ tiżviluppa sas-sena 2025, skont l-għażliet li jsiru minn issa dwar x’direzzjoni għandha tieħu.
F’estrem wieħed, ix-xenarji jkopru linja li biha tittieħed id-deċiżjoni li l-Unjoni tnaqqas mill-ħidma tagħha u tikkonċentra fuq li s-suq wieħed Ewropew isir aktar effettiv fl-operat tiegħu.
Fl-estrem l-ieħor, ix-xenarju jkun ta’ deċiżjoni li biha l-Unjoni tibqa’ tifrex u tkabbar il-ħidma tagħha. Fl-aħħar, il-pajjiżi membri jiġu aktar qrib ta’ għaqda politika profonda bejniethom f’oqsma dejjem aktar mifruxa.
Minkejja dil-varjetá ta’ toroq li l-Unjoni tista’ titħajjar tieħu, il-kontroversja li tkebbset mill-ewwel kienet dwar proposta li dehret f’numru ta’ xenarji tal-Kummissjoni. Permezz ta’ dil-proposta, jista’ jiġri li diversi membri jaqblu biex flimkien isaħħu l-għaqda bejniethom f’ċerti oqsma. Waqt li kulħadd jibqa’ membru tal-Unjoni, uħud mill-membri jibqgħu barra dawn l-oqsma.

ANALIŻIJIET DIFFERENTI

Id-dubji u s-suspetti dwar proposti hekk qamu għax il-metodu ta’ Ewropa li timxi ’l-quddiem b’ħeffiet differenti kien tqajjem waqt laqgħa għolja bejn il-Franċiżi u l-Ġermaniżi. Il-proposta kienet diġá saret qabel. Did-darba, għax għamlitha l-Ġermanja (li dehret li tridha, speċjalment fil-qasam tad-difiża militari), ittieħdet b’serjetá kbira. Qam il-biża’ li l-mira kienet se tkun biex il-membri tal-Unjoni jinqasmu f’żewġ kampijiet, b’min tal-ewwel u min tat-tieni klassi.
Kien sentiment li tqanqal l-aktar fost il-pajjiżi tal-lvant. Fl-aħħar żminijiet dawn kienu qed jiddistakkaw ruħhom mill-pajjiżi tal-punent. Rawhom dominati wisq mill-Ġermanja. L-akbar differenzi sa issa nqalgħu dwar l-immigrazzjoni. Madankollu, hemm oqsma oħra fejn inħasset il-firda. Pereżempju, dan ġara dwar it-tmexxija interna awtoritarja fil-Polonja, fis-Slovakkja u fl-Ungerija.
Fil-Parlament Ewropew fl-aħħar ġimagħtejn, saret ħaġa frekwenti tisma’ deputati ta’ dawn il-pajjiżi jwissu kontra li l-pajjiżi membri jitpoġġew fi klassi jew oħra. Fil-maġġoranza tagħhom, il-popli ta’ pajjiżhom jinsabu diżillużi bl-esperjenza tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Jekk issa l-istess popli jifhmu li se jitqiesu bħala tas-sekonda jew terza klassi, dan se jissarraf fit-tmiem tal-Unjoni Ewropea kif nafuha llum.
Issa fil-fatt, l-Unjoni diġá hi maqsuma f’kampi differenti, b’min hu barra, min hu ġewwa. Iż-żona tal-ewro hi waħda minnhom, kif ukoll iż-żona ta’ Xengen. Ix-xenarju ta’ Ewropa li tiżviluppa b’ħeffa differenti minn pajjiż għal pajjiż m’għandu jqanqal l-ebda diżgwid. Imma mhux hekk qed jiġri. Diversi drabi, Juncker u oħrajn kellhom jikkummentaw fuq dil-ħaġa u jisħqu li ħeffa anqas jew aktar fid-direzzjoni tal-għaqda Ewropea ma għandha tfisser l-ebda tnaqqis ta’ prestiġju jew saħħa fi ħdan l-Unjoni.

ESIĠENZI DIFFERENTI

Waqt li dawn il-battibekki kienu għaddejja, diġá beda jidher li problema oħra se tkun il-varjetá sħiħa ta’ aspettattivi u esiġenzi dwar kif għandhom isiru l-affarijiet. Per eżempju, issib lil min jinsisti li tkun xi tkun it-triq li se ssegwi l-Unjoni Ewropea, il-metodu użat għandu jkun wieħed “komunitarju” — jiġifieri jintużaw l-istituzzjonijiet “komuni” (Parlament Ewropew, Kummissjoni Ewropea) biex jitwettqu. U ma jkunux l-istati membri li jiddeċiedu bejniethom. M’hemmx għalfejn tkun għaref kbir biex tifhem li huma l-aktar il-parlamentari Ewropej u l-membri tal-Kummissjoni li jimbuttaw dan l-argument; imma mhux huma biss.
B’kuntrast magħhom, issib oħrajn li jippreferixxu jew li ma jinbidel xejn fl-istrutturi eżistenti jew li jinħolqu strutturi ġodda. Dan ikollu l-effett, iridu jew ma jridux, li jdgħajfu s-saħħa tal-Kummissjoni Ewropea, fost oħrajn. Per eżempju, il-kandidat soċjalista għall-Presidenza ta’ Franza Benoit Hamon ippropona li ż-żona tal-ewro “tissaħħaħ” billi jkun hemm aktar kontroll demokratiku fuq il-funzjonament tagħha. Għandu jinħoloq, skont Hamon, parlament ġdid taż-żona, bil-membri tiegħu mtellgħa b’elezzjoni mill-pajjiżi bl-ewro jew mill-Parlamenti tagħhom. Il-proposta tiegħu xejn ma ntlqagħet tajjeb mill-mexxejja tal-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi fil-Parlament Ewropew; rawha bħala miżura li timmina l-Parlament tagħhom!
Bil-mod il-mod, jidher ukoll li lil hinn mit-tendenzi tal-“estremisti” u tas-“soveranisti”, hemm numru sostanzjali ta’ nies influwenti li jemmnu li l-istrutturi ta’ Brussell ħadu wisq affarijiet taħt idejhom u mhumiex iwettquhom tajjeb. Dil-ħaġa mhix qed tintqal fiċ-ċar imma anke mill-mod kif qed jitkellem dan l-aħħar il-President tal-Kummissjoni Juncker, jidher li qed tħalli impatt.
Hawn, x’aktarx il-biża’ hu li mal-ftuħ tan-negozjati tal-Brexit, jibdew jitqanqlu firdiet ġodda bejn il-pajjiżi membri hekk kif jaraw kif se jintlaqtu tajjeb jew ħażin, fl-oqsma differenti, bit-tluq tal-Brittaniċi. Fuq quddiem nett, se tqum il-mistoqsija: min se joħroġ il-fondi li se jonqsu bit-tluq tal-Brittaniċi? Sa issa dil-ħaġa ftit li xejn ħarġet fil-beraħ għax l-Ewropej qablu bejniethom, u żammew mal-qbil, li publikament ma jiddiskutux l-għażliet li se jqumu waqt in-negozjati. L-ewwel jistennew li r-Renju Unit ikun iddepożita formalment it-talba tiegħu biex joħroġ. Fl-aħħar il-Prim Ministru May se tagħmel dan fl-aħħar jiem ta’ Marzu, wara li minkejja r-reżistenzi li sabet, irnexxielha tgħaddi mill-Parlament Ingliż liġi li tippermettilha tinnegozja l-Brexit skont kif hi taħseb li jkun l-aħjar.
Il-proċess ta’ negozjati tal-Brexit x’aktarx li se jkollu impatt qawwi fuq id-dibattiti dwar il-futur tal-Ewropa. U dan lil hinn mill-biża’, pjuttost eżaġerat li ġieli tisma’, dwar kif il-ħruġ tar-Renju Unit jista’ jħajjar lil pajjiżi oħra biex jikkonsidraw li jagħmlu l-istess.

SE JIRNEXXIELHOM?

L-Ewropej se jirnexxielhom imexxu ’l quddiem dibattitu serju u ġenwin dwar il-futur tal-Ewropa? Naħseb li iva, aktar u aktar għax d-diskussjonijiet se jkunu xprunati mill-kampanji elettorali importanti li qed jinżammu dis-sena. Il-problema se tkun dwar kemm jista’ dan id-dibattitu jibqa’ koerenti.
Hemm fin-nofs wisq tendenzi u pressjonijiet imħallta. Hemm limitu sa fejn tista’ twassal il-Ġermanja biex jittieħdu deċiżjonijiet qawwija. Għalkemm baqgħet iżżid id-dominanza tagħha fit-tmexxija tal-Unjoni, anke dan il-pajjiż jinsab maqsum wara l-kriżi tal-immigrazzjoni. U terġa’ qed tikber reżistenza, mhux biss fost il-pajjiżi tal-lvant, kontra miżuri li l-gvern Ġermaniż jara bħala l-aktar raġonevoli (u x’aktarx ikollu raġun, jekk tħares lejn il-biċċa biss mil-lenti ta’ x’jistgħu jkunu l-miżuri l-aktar effettivi fiċ-ċirkostanzi).
Hu minnu li t-triq li biha partijiet diversi tal-Unjoni jimxu ’l quddiem lejn l-għaqda b’ħeffa differenti diġá qed tittieħed. U li l-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi modi raġonevoli dwar kif dal-moviment jista’ jitkompla. Imma kollox ma’ kollox, hu minnu li b’dal-metodu, jista’ jiddaħħal feles bejn il-membri tal-Unjoni. F’suq wieħed se jiżdiedu l-gruppi li jagħtu trattament speċjali lil xulxin, u ma jagħtuhx lill-membri l-oħra tas-suq (anke jekk dawn kienu huma li ddeċidew li jibqgħu “barra”). Ħaġa hekk twassal lejn firda akbar jew suspetti li l-firda se tikber. Uħud mill-membri jistgħu jitħajru jieħdu miżuri biex jipproteġu lilhom infushom.
L-Ingliżi hekk kienu jargumentaw dwar iż-żona tal-ewro. Kienu dejjem jisħqu fuq il-ħtieġa li xejn ma jsir mill-membri taż-żona ewro li jaffettwa ħażin il-ħila tal-pajjiżi mhux membri tagħha, biex jibbenefikaw bis-sħiħ mis-sħubija tagħhom fis-suq wieħed Ewropew. Il-prospett li dat-tip ta’ argument jimmoltiplika ruħu iddomina sa issa d-dibattitu dwar lejn fejn għandha tiġbed l-Ewropa.

Facebook Comments

Post a comment