Fid-diskussjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea, is-suġġetti li l-aktar iqumu jikkonċernaw il-politika “għolja” (kif hawn min isejħilha): dik jiġifieri li tittratta d-deċiżjonijiet li se jieħdu l-elettorati dwar min se jmexxihom; it-tensjonijiet bejn il-partiti; l-għażliet il-kbar li se jagħmlu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; l-iżviluppi li jħarbtu l-għaqda bejn il-pajjiżi Ewropej: bħall-kriżijiet tal-Greċja, il-kontroversji mar-Russja jew l-immigrazzjoni. Anke hawn, f’dis-sensiela “Dwar Malta, l-Ewropa u l-Bqija” li ilha għaddejja aktar minn tliet snin, ta’ spiss segwejna dit-triq.
Imma hemm Ewropa oħra: dik li qed twettaq jum wara l-ieħor il-proġetti u l-ħidmiet Ewropej biex ngħid hekk, “ordinarji”, fid-diversi oqsma li dwarhom l-Unjoni Ewropea ġiet fdata b’responsabbiltajiet u poteri. Fihom isiru ftehimiet u bidliet ta’ direzzjoni. Jinqalgħu kontroversji u problemi li għandhom l-importanza tagħhom għalkemm ma tantx jissemmgħu fil-wisa’ mal-midja u fit-taħdit tan-nies.
Forsi biex naraw aħjar kif jimxu l-affarijiet, tajjeb li nħarsu lejn xi żviluppi ta’ dat-tip li seħħew fl-aħħar ġimagħtejn. Wieħed jiftakar kif l-Unjoni Ewropea mhijiex binja waħda. Semmejna kemm-il darba li l-ħidmiet tagħha jitmexxew l-aktar minn tliet istituzzjonjiet kbar: il-Kunsill tal-Ministri u l-Kunsill Ewropew, li jirrapreżentaw lill-istati membri; il-Kummissjoni Ewropea, speċi ta’ gvern jew eżekuttiv tal-Unjoni; u l-Parlament Ewropew fejn deputati eletti mill-pajjiżi membri kollha għandhom ċerti poteri ta’ skrutinju fuq il-Kummissjoni Ewropea, waqt li ċerti liġijiet tal-Unjoni ma jistgħux jitwettqu jekk ma jkunux approvati wkoll mill-Parlament.
Biss apparti minn dawn it-tliet korpi, hemm istituzzjonijiet oħra li jmexxu l-ħidma tal-Unjoni – bħall-grupp tal-ministri tal-finanzi għaż-żona ewro, l-ewrogrupp; il-Bank Ċentrali Ewropew; il-Qorti tal-Awdtiuri…. u oħrajn.

MILL-AĦĦAR ĠIMAGĦTEJN

Mela mir-rassenja ta’ aħbarijiet dwar il-ħidma tal-Unjoni Ewropea tal-aħħar ġimagħtejn, magħżula bla ebda ordni, imma kif laqat laqat, wieħed seta’ jirreġistra dawn:
Affarijiet barranin: Ir-rappreżentanta għolja tal-Unjoni Ewropea għall-affarijiet barranin u l-politika tas-sigurtà Federica Mogherini ħabbret li l-Unjoni se tirrevedi l-impenn tagħha fit-territorji tal-Palestina. L-għan se jkun dak li tara kif fiċ-ċirkostanzi attwali l-Ewropa tista’ tikkontribwixxi aħjar għal soluzzjoni tal-problema tal-Palestina per mezz tal-ħolqien ta’ żewġ stati.
Biedja: Il-kumitat tal-biedja tal-Parlament Ewropew ħadem fuq dokument fejn saħaq li qabel l-Unjoni Ewropea tidħol f’xi ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Awstralja u n-New Zealand, trid tlesti arranġamenti biex tipproteġi setturi sensittivi bħal dawk tal-produzzjoni taċ-ċanga, vitella, laħam tan-ngħaġ u zokkor.
Tkabbir tal-fond hekk imsejjaħ “ta’ Juncker”. Dan hu l-Fond li twaqqaf sentejn ilu biex iħeġġeġ investimenti ġodda fl-Ewropa u hu nnifsu jinvesti fihom. Il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament flimkien mal-Kummissjoni Ewropea baqgħu jinnegozjaw bejniethom dwar kif se jitkabbar u kif se jkompli jaħdem dal-Fond. Il-proposta hi biex jibqa’ jopera għal aktar snin b’aktar finanzi. Imma r-rappreżentanti tal-Parlament insistew biex il-Parlament ikollu skrutinju ħafna aktar qawwi fuq it-tmexxija tal-Fond milli ngħata sa issa. Il-Kunsill irreżista dil-ħaġa. Inqala’ wkoll nuqqas ta’ qbil dwar kif se jinġabru l-flus ġodda li l-Fond se jkun iddotat bihom. F’nofs il-ġimgħa li għaddiet, tħabbar li fl-aħħar intlaħaq ftehim.

MINN PANELLI TAĊ-ĊINA SA GOOGLE

L-hekk imsejħa “posted workers”. Dawn huma ħaddiema li jintbagħtu jaħdmu fuq proġetti kbar li jkunu qed jitwettqu f’pajjiżi oħra. Franza fuq quddiem nett (imma hemm oħrajn magħha) qed tgħid li dan qed iwassal għal kompetizzjoni inġusta mal-ħaddiema tagħha għax il-ħaddiema barranin li jinġabu jkunu “irħas” sew minn tagħha. Qed jeħdulhom xogħolhom b’kompetizzjoni inġusta. Pereżempju, jitħallsulhom it-taxxi tas-sigurtà soċjali ta’ pajjiżhom, mhux tal-pajjiż fejn jiġu jaħdmu. Għalhekk jiġu “irħas”. Pajjiżi bħall-Polonja ma jridux jisimgħu b’bidla fir-regolamenti viġġenti. Il-pajjiż li jinsab fil-Presidenza tal-Unjoni, l-Estonja, issa ħareġ bl-aħħar proposta ta’ kompromess. Jintqal li ma tistax togħġob lill-Franċiżi.
Riforma tal-politika tal-biedja tal-Unjoni. Ix-xogħol fuq din ir-riforma ilu għaddej għax qajmet ħafna diffikultajiet bejn il-pajjiżi membri. Qanqlet diffikultajiet ukoll fi ħdanhom, bejn il-bdiewa u r-raħħala nfushom. Imma l-proposti jinsabu avvanzati ħafna. Madankollu, l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew, dak tal-Popolari, ħareġ bil-proposta li r-riforma kollha għandha titwaddab lura għal wara s-sena 2025 minħabba l-Brexit. Skont il-Popolari, jeħtieġ li qabel tiġi attwata r-riforma proposta, l-effetti tal-Brexit ikunu saru magħrufa u ġew kontrollati.
Il-kuntrabandu fis-sigaretti. Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet proposti għal regolamenti ġodda maħsuba biex irażżnu mal-Ewropa kollha, l-kuntrabandu tas-sigaretti li kompla jiżdied sew fl-aħħar snin. Skont l-abbozzi tal-Kummissjoni, għandhom jiddaħħlu standards tekniċi ġodda li jippermettu li s-sigaretti jistgħu jingħarfu b’modi elettroniċi; regoli ġodda dwar kif tinżamm l-informazzjoni dwar il-kuntratti għall-ħażna tas-sigaretti; u regolamenti tekniċi dwar sigurtà fil-produzzjoni u l-ħażna tas-sigaretti. Minkejja li t-telf ta’ flus f’taxxi mill-kuntrabandu jlaħħaq il-biljuni tal-ewro, diġà qamet kritika li l-proposti se jfissru piżijiet kbar ġodda fuq il-produtturi tas-sigaretti. Il-Kummissjoni stess għamlet stima li l-ispiża għall-introduzzjoni tal-bidliet proposti tista’ tlaħħaq talanqas biljun ewro.
Il-Kosovo. Permezz ta’ kelliema għas-servizz diplomatiku tal-Unjoni Ewropea, din ħarġet sejħa biex fil-Kosovo, il-gvern il-ġdid li għadu kemm twaqqaf wara l-elezzjonijiet parlamentari ta’ tliet xhur ilu, jibda jdaħħal minnufih ir-riformi ekonomiċi “meħtieġa” waqt li jiżgura li titwettaq ir-“rule of law”. Il-Kosovo hu l-aħħar pajjiż (ċkejken daqs Malta) li fforma mill-Jugoslavja tal-antik u għandu l-għedewwa fost il-ġirien tiegħu.
Il-multa lill-Google, il-kumpanija ġgant tal-internet. Mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ħarġet il-konferma li l-kumpanija Google appellat id-deċiżjoni li ħadet dwarha l-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju li għadda. Immultatha s-somma ta’ kważi żewġ biljun ewro u nofs talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Ewropew. Google qed titlob li l-multa tiġi kanċellata. Il-Qorti Ewropea issa trid taqtagħha jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun jew le tiċċarġja dis-somma rekord lil tal-Google.
Pajjiżi membri ngħaqdu bejniethom ħalli jmexxu ’l quddiem politika li jaqblu fuqha. L-erba’ li għamlu hekk kienu Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Italja. Ftehmu fuq dokument komuni li fih stqarrew li jħossu li għandu jkun hemm mal-Unjoni Ewropea kollha, l-istess għamla ta’ taxxa fuq bejgħ u xiri li jsir b’mezzi diġitali — jiġifieri bl-internet. Se jkunu qed iħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi membri l-oħra biex jingħaqdu magħhom fuq dil-ħaġa.
Panelli solari. Il-Kummissjoni Ewropea resqet lejn deċiżjoni biex tnaqqas il-prezz minimu li bih panelli solari maħduma fiċ-Ċina jistgħu jiddaħħlu l-Ewropa. Il-kwistjoni kienet taħraq ftit tas-snin ilu. Produtturi Ewropej akkużaw liċ-Ċina li kienet qed tbigħ panelli solari fl-Ewropa bi prezz sussidjat tant li anke wara li jħallsu t-tariffi Ewropej fuq il-prodotti tagħhom, esportaturi Ċiniżi kienu qed jeħdulhom il-bejgħ. L-Ewropej daħħlu sistema li biha fuq importazzjoni Ċiniża li tkun taħt ċertu prezz, jitpoġġa levy separat. Issa, dan il-levy se jitnaqqas.
Il-Burma. L-Unjoni Ewropea għamlet appell lil Aung San suu Kyl biex tieħu passi ħalli tittaffa t-tensjoni kkawżata f’pajjiżha bil-persekuzzjoni li qed issir tal-poplu Musulman tar-Rohingja minn tribujiet buddisti tal-post.

***

Joħorġu biżżejjed kuntrasti f’din l-għażla li ppreżentajna ta’ ħidmiet li kienu qed isiru mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar ġimagħtejn. Minflok l-eżempji li semmejna, setgħu jidħlu notizzji oħrajn, magħżula wkoll minn tal-istess ġimagħtejn.
Ħafna mill-ħidmiet tal-Unjoni Ewropea jsiru fuq livell tekniku dejjaq, madwar proġetti li jekk tqishom waħidhom, mhux se jqanqlu entużjażmi kbar. Meta tpoġġi dawn il-ħidmiet kollha flimkien, issib li jammontaw għar-rankatura li tkun qabdet l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.