Wara li falliet l-“imħatra” tal-Prim Ministru Ingliża Theresa May biex b’elezzjoni bikrija żżid il-maġġoranza tagħha fil-Parlament, il-proċess li bih ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea se jsir aktar ikkomplikat. Dan għax jidher li mhux biss May issa għandha gvern ħafna aktar dgħajjef minn qabel biex jieħu deċiżjonijiet iebsa. Aktar minn hekk, l-appoġġ li qed tistrieħ biex tmexxi hu ta’ partit lemini minoritarju fl-Irlanda. Min-naħa hu “ewroxettiku”; mill-oħra jrid li l-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-repubblika Irlandiża tibqa’ għal kollox miftuħa. Il-kuntradizzjonijiet li dan jista’ jwassal għalih huma ċari.
Imma l-akbar inċertezza se tkun dwar kif se titfassal il-politika Ingliża għal waqt in-negozjati. May kienet favur pożizzjoni “iebsa” fis-sens li jekk hemm bżonn, ir-Renju Unit joħroġ għal kollox mill-Ewropa, sakemm l-aqwa importanza tibqa’ tingħata lill-ħarsien ta’ sovranità f’materji bħall-immigrazzjoni. Kien hemm ħafna politikanti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fir-Renju Unit li ma qablux ma’ dil-pożizzjoni. Iqisu li hu fl-interess nazzjonali Ingliż li jagħmel kompromessi mal-Ewropej. Iridu jżommu post tajjeb fis-suq kontinetnali Ewropew, u allura jaqblu li għandu jsir sforz biex ir-Renju Unit jrattab il-pożizzjoni tiegħu fin-negozjati u jkun lest “iċedi” anki dwar l-immigrazzjoni mill-Ewropa.
Il-Partit Laburista li mar ħafna aħjar fl-elezzjoni milli ħadd qatt ħaseb li se jagħmel, qed jisħaq li fin-negozjati dwar Brexit, l-ewwel priorità għandha tkun il-ħarsien u t-tkattir tal-impjiegi, mhux l-immigrazzjoni. Dan donnu jfisser li fil-parlament il-ġdid jista’ hemm issa maġġoranza assoluta favur Brexit “artab”. Qabel tiftaħ wisq in-negozjati mal-Ewropej, Mrs May jaqblilha tkun ċerta fejn qed jonfoħ ir-riħ fost id-deputati Ingliżi — u dan iqanqal diffikultajiet fit-tmexxija tad-diskussjonjiet.
Qatt qabel illum ir-Renju Unit ma deher f’qagħda ta’ instabbiltà politika daqstant kbira. Nissuspetta li fir-realtà, l-Ingliżi xebgħu jisimgħu dwar il-Brexit. Ivvotaw dwaru s-sena li għaddiet u għalihom il-biċċa hi deċiża. Jippreferu li jisimgħu dwar materji oħra li jaffettwawhom fil-ħajja ta’ kuljum u li dwarhom id-diskors politiku għoddu staġna. Jeremy Corbyn il-mexxej Laburista donnu ntebaħ b’dil-biċċa. Matul il-kampanja elettorali qanqal kwistjonijiet soċjali kważi minsija. Forsi għalhekk mar tajjeb.

***

L-EKONOMIJA ĠERMANIŻA

Mhux biss l-ekonomija Ġermaniża hi l-akbar waħda fl-Unjoni Ewropea imma għadha wkoll waħda milli sejra l-aħjar. Dan qed iwassal biex fil-livell tal-baġit tal-gvern, id-dħul baqa’ ogħla sew mill-ħruġ u biex l-esportazzjoni Ġermaniża lejn il-bqija tal-Ewropa u tad-dinja baqgħet tiżdied. It-Teżor Ġermaniż għandu mġemmgħa biljuni ta’ ewro mis-“surpluses” jew kważi tal-aħħar snin. Mistoqsija akuta hi: x’biħsiebu jagħmel bihom? Jagħtihom lura liċ-ċittadini billi jnaqqsilhom it-taxxi? Jifdi d-dejn tal-Ġermanja?
Il-pajjiżi Ewropej l-oħra, inkluża fl-aħħar żminijiet il-Kummissjoni Ewropea, ilhom jagħmlu pressjoni fuq il-Ġermanja biex “tiftaħ” idha. Jekk tibqa’ timla’ t-teżorerija tagħha bl-ewro bla ma tonfoq kemm imissha, se tispiċċa tifga lill-pajjiżi sħabha. Tkun qed toħloq żbilanċi fiż-żona ewro mhux bil-ħofor finanzjarji tagħha, imma għax tkun qed trekken wisq fondi li messhom qed jintużaw fl-ekonomija “reali” — jiġifieri bħala investiment fi djar fabriki eċċ. Fil-fatt, partijiet kbar tal-infrastruttura Ġermaniża, bħal toroq u skejjel, jinsabu nieqsa minn investimenti. Sena wara l-oħra l-ministru tal-finanzi Schauble baqa’ jwarrab il-proposti li jsirulu biex il-Ġermanja żżid fin-nefqa tagħha.

***

L-ISFIDA KATALANA

Qed titkewwes kriżi mhux tas-soltu fi Spanja. L-isforz ta’ mexxejja Katalani biex jiksbu l-indipendenza għar-reġjun tagħhom, l-aktar wieħed għani fi Spanja, imdawwar kif inhu mat-tieni l-akbar belt Spanjola Barcellona, reġa’ qed jikseb rankatura. Il-gvern reġjonali qed jimbotta bil-kbir ħalli jiġi organizzat referendum dwar il-biċċa. Il-gvern Spanjol ta’ minoranza mmexxi minn Mariano Rajoy tal-partit tal-Popolari, baqa’ jirrifjuta dil-proposta. Ftit tas-snin ilu, proposta simili li kienet qed titmexxa mill-gvern reġjonali ta’ qabel dan, ukoll intlaqgħet b’rifjut kategoriku. Il-qrati Spanjoli kkonfermaw li l-kostituzzjoni tal-pajjiż ma tippermettix referendum dwar it-tluq ta’ xi parti minn Spanja. Il-gvern reġjonali kien organizza referendum “mhux uffiċjali”. Xorta l-mexxejja ta’ dil-ħidma ttellgħu l-qorti.
Imma issa, għalkemm jaf li se jkompli jintlaqa’ bl-istess rifjut, il-gvern reġjonali biħsiebu jmexxi r-referendum sal-aħħar. Tant li qed jorganiżża r-reklutaġġ ta’ kummissarji elettorali ħalli jieħdu ħsieb il-votazzjoni u qed jagħtihom taħriġ. Sfida aktar ċara lill-gvern ċentrali ma jistax ikun hemm.
Ħafna barra Spanja ma jifhmux għaliex il-gvern ċentrali għandu jkun daqshekk iebes kontra t-talba Katalana. Isemmu kif fir-Renju Unit, tħalla jsir referendum fl-Iskozja biex dan il-pajjiż ukoll jitlaq mir-Renju Unit. Ir-riżultat kien li l-Iskoċċiżi ppreferew li jibqgħu parti mill-Gran Brittanja. Aktar ma jkun hemm bixra iebsa kontra xewqa popolari, aktar tħarrax il-kilba għaliha. Sadattant, jidher mis-sondaġġi tal-opinjoni publika, li m’hemmx maġġoranza ta’ Katalani li lesti jagħżlu l-indipendenza.
Jista’ jkun li l-gvern ċentrali jibża’ li jekk jibdel il-kostituzzjoni biex jippermetti referendum, reġjuni oħra ta’ Spanja bħal dak Bask, jitħajru jagħmlu l-istess. B’hekk l-integrità tal-pajjiż tisfa mminata. Għalina li nafu lil Spanja “minn barra”, l-idea li hi pajjiż li jista’ jinqasam f’biċċiet differenti, x’aktarx li tidhrilna bħala stramba.

***

MINN FRANZA

Anqas minn sena ilu, fi Franza, kulħadd kien jaħseb li l-ministru tal-ekonomija Emmanuel Macron fil-gvern ta’ Francois Hollande (b’Manuel Vals Prim Ministru), kien qed jilgħab logħba li ma setgħetx tirnexxi. Kien qed iwaqqaf “moviment” tiegħu u jdur ma’ Franza jiltaqa’ man-nies. Jekk Macron, li qatt ma ħareġ għal elezzjoni, ħaseb li kellu xi ċans jitla’ President kontra l-kandidati tal-partiti l-kbar, kien qed jiżgarra bil-kbir.
Macron baqa’ sejjer bil-proġett tiegħu, irriżenja minn Ministru ta’ Hollande u ftit wara ddikjara li se jkun kandidat għall-Presidenza. Il-moviment li waqqaf, baqa’ jinfirex. Xorta l-fehma ġenerali kienet li m’għandux ċans jasal. U l-kampanja presidenzjali telqet. Il-President Franċiż Hollande iddeċieda li ma jikkontestax; ta’ qablu fil-Presidenza, Sarkozy, ma ntgħażilx bħala kandidat tal-partit tiegħu. L-istess ġara min-naħa tas-soċjalisti għall-eks Prim Ministru Vals wara li dan irriżenja mill-kariga u ħareġ bħala kandidat.
Hawn dehret bħala ħaġa ċara li l-kandidat li kellu l-aktar probabiltà li jasal kien Francois Fillon, il-kandidat tal-lemin, li kien għeleb lil Sarkozy. Imma Fillon tkisser quddiem l-opinjoni publika meta ġie żvelat li għal snin, kien iħallas minn fondi parlamentari, somom sbieħ lill-mara tiegħu biex din tibqa’ d-dar. U hawn Macron telaq fis-sondaġġi bħala l-kandidat li se jiġi wara, imbagħad qabel, Marine Le Pen, il-mexxejja tal-lemin estrem li għall-bidu, kienet mistennija ġġib l-akbar għadd ta’ voti.
Beda jintqal li anke jekk Macron jirbaħ il-presidenza, se jispiċċa fuq sieq waħda. Għax minnufih wara l-elezzjoni presidenzjali, kellha tinżamm oħra għall-Parlament. U l-partit ta’ Macron kien għadu ġdid u bla għeruq. Il-partiti l-qodma se jispiċċaw jikkontrollaw il-Parlament u jkunu jistgħu jipparalizzaw il-ħidma tal-President il-ġdid.
L-elezzjoni presidenzjali ġiet u marret. Macron rebaħha. L-ewwel miżuri li ħa impressjonaw sew. Telqet l-elezzjoni għall-Parlament. Ħareġ ċar li l-moviment jew partit ta’ Macron kien se jikkontesta ma’ Franza kollha. Is-sondaġġi bdew juru li l-opinjoni publika qed iddur favorih, allavolja kien lanqas ilu sena għaddej u ħafna min-nies li qed joħorġu miegħu bħala kandidati qatt ma kienu involvew ruħhom fil-politika qabel.
L-ewwel rawnd tal-elezzjoni parlamentari ta rebħa kbira lill-partit ta’ Macron. Il-partiti l-qodma spiċċaw sfrakassati. Il-pronostku kien li Macron se jkollu Parlament fejn maġġoranza enormi ta’ deputati qed jappoġġjah. Hawn beda diskors kif ma jaqbilx għad-demokrazija li l-President il-ġdid Franċiż jingħata dawn il-poteri kollha u jispiċċa qisu sultan.
Din hi ġrajja ta’ veru, aktar gwappa minn ta’ Trump fl-Istati Uniti, għax tagħti perspettiva kurjuża dwar kif qed tiżviluppa l-politika moderna fl-Ewropa.

Facebook Comments

Post a comment