L-aħħar passi lejn it-tmiem tan-negozjati dwar il-Brexit qed ikunu ħafna aktar iebsa milli kien maħsub għall-bidu li se jkunu. Baqgħet mhux maħlula l-problema tal-Irlanda. Is-soluzzjoni proposta mill-Unjoni Ewropea xejn ma għoġbot lir-Renju Unit, speċjalment għax x’aktarx li ma tgħaddix mill-Parlament Ingliż. Ħaġa hekk tkun tfisser il-waqa’ tal-gvern Ingliż u l-kollass tan-negozjati kollha.
Imbagħad hemm il-fatt li bejniethom, minn ġewwa, l-Brittaniċi għad ma humiex ċerti kif u għaliex se jivvotaw dwar kwalunkwe ftehim finali. Mhux biss l-Oppożizzjoni Laburista u l-gvern Konservattiv se jkunu ma jaqblux dwar kwalunkwe ftehim li jintlaħaq. Talli fi ħdan l-istess partiti hemm firdiet kbar dwar il-materja.
F’dawn iċ-ċirkostanzi żewġ possibilitajiet li sa ftit ilu dehru mbiegħda bdew isiru anqas tabarraminnhawn. L-ewwel waħda u l-aktar li qed teżereċita l-imħuħ hi li n-negozjati jfallu u l-Brexit iseħħ bla ftehim. Iż-żewġ naħat telqu sew issa biex jagħmlu t-tħejjijiet tagħhom ħalli jilqgħu għal dil-ħaġa, anke waqt li jgħidu li ma jridux jaslu sa hekk għax se jitqanqal twegħir ekonomiku li jagħmel deni lil kulħadd. Il-previżjoni hi li fost il-konsegwenzi jinqalgħu tħarbit fil-vjaġġi bl-ajru, fabriki li ma jkunux jistgħu jkomplu bil-produzzjoni għax il-partijiet ma jaslux fil-ħin u kjus kbar fil-fruntieri ta’ żwiemel mgħobbija bil-provisti għas-super markets il-kbar tal-ikel u oħrajn.

REFERENDUM IEĦOR?
It-tieni possibiltà qed tinżamm ħajja min dawk li huma kontra għal kollox il-Brexit u għadhom ma qatgħux qalbhom li jistgħu jreġġgħuh lura. Ix-xenarju li jixtiequ jseħħ jiżviluppa hekk: fil-parlament Brittaniku ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar l-arranġament ta’ Brexit; il-gvern ta’ May jikkollassa imma ħadd ma jkun jista’ jdomm maġġoranza oħra biex tidderieġi l-Brexit. Allura l-biċċa jkollha tinqata’ b’referendum ieħor. U f’sitwazzjoni fejn issa l-eletturi jafu aħjar dwar xhiex qed jivvotaw, iċ-ċansijiet ikunu li l-vot favur il-Brexit jitreġġa’ lura.
Sa ftit taż-żmien ilu, dax-xenarju kien mitqies li hu mġebbed. Il-kapijiet tal-konservattivi u tal-laburisti saħqu li r-referendum ta’ sentejn ilu kellu jibqa’ l-aħħar kelma. Imma numri sostanzjali ta’ deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra għadhom ma qatgħux qalbhom dwar hekk. Uħud minnhom anke qed jagħtu pariri minn taħt lill-Ewropej biex ma jċedux għall-aħħar talbiet ta’ May, appuntu biex iwasslu l-biċċa kollha sal-punt ta’ kriżi sħiħa parlamentari f’Londra, li tiftaħ it-triq għal tieni referendum.
Interessanti kif waqt li baqgħu jiżviluppaw dawn il-kurrenti, il-gvern ta’ May ippreżenta baġit fejn ipprova jsostni l-wegħda tagħha li se ttemm l-awsterità, li r-Renju Unit ilu mgħobbi biha għal sitt snin jew aktar. Filfatt il-finanzi tal-gvern tjiebu fl-aħħar żminijiet kontra kull stennija; u dan anke waqt li t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż naqas fuq dak li kien mistenni jkun. Effettivament fil-baġit, tħabbru miżuri li jbattu l-awsterità, imma kulħadd – inkluż il-ministru tal-finanzi Ingliż Philip Hammond responsabbli mill-baġit – kellu jagħraf li ħafna mill-miżuri li tpoġġew fih setgħu jitħarbtu radikalment skont kif il-kwistjoni tal-Brexit se tintemm.
Hi ħaġa ċara li dil-klima ta’ inċertezza mhijiex tagħmel ġid lill-prospetti Brittaniċi għall-futur.

***
IL-BAĠITS EWROPEJ

Fl-istess żmien li Hammond kien qed iħejji l-baġit tiegħu, l-istess kienu qed jagħmlu l-ministri tal-finanzi Ewropej, fosthom ta’ Malta. Hammond seta’ jfassal il-proposti tiegħu b’libertà sħiħa fl-għażliet li għamel – ħlief li kellu jilqa’ għall-problemi u l-isfidi li joħorġu mill-qagħda ekonomika fir-Renju Unit u mill-pressjoni tas-swieq finanzjarji. Il-ministri tal-finanzi Ewropej kellhom ukoll jissodisfaw ir-regoli dwar tmexxija tal-baġit li ddaħħlu fl-Unjoni Ewropea bit-trattati tal-aħħar għoxrin sena, u bil-miżuri li ttieħdu fiż-żona tal-ewro biex jirrispondu għall-kriżi finanzjarja li telqet wara s-sena 2008.
Fil-każ ta’ Malta, għal darb’oħra, mhux biss il-baġit għas-sena d-dieħla kien jaqbel għal kollox mar-regoli Ewropej: talli mingħajr ma żied fit-taxxi, seta’ jintroduċi benefiċċji soċjali ġodda u xorta jispiċċa minn fuq. Ftit ħafna kienu l-pajjiżi f’din is-sitwazzjoni. Uħud minnhom ma rnexxilhomx ilaħħqu mar-regoli Ewropej, jew għażlu li jiksru r-regoli. F’każi hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-poteri titlob aktar informazzjoni dwar xi jkun se jsir, u fl-aħħar tesiġi anke tibdil fil-baġits tal-gvernijiet jew addirittura li l-baġit jiġi rtirat.
Din id-darba, l-Kummissjoni Ewropea qanqlet mistoqsijiet dwar il-baġits ta’ ħames pajjiżi membri, fosthom Franza u l-Portugall. Setgħet tagħmel hekk għax qajmet oġġezzjonijiet per eżempju dwar li xi gvern kien qed jagħmel kalkoli li jidhrulha ottimistiċi wisq fir-rigward tal-andament ekonomiku tal-pajjiż; jew ressaq stimi dwar id-dħul li se jkollu mit-taxxi li l-Kummissjoni ma tarax bħala realistiċi. F’każi hekk, il-Kummissjoni tiddiskuti mal-gvern involut u tara ssibx mod kif l-affarijiet jiġu korretti.
Biss l-aqwa problema qalagħha l-gvern Taljan. Dan ħejja baġit li kiser bl-aktar mod ċar ir-regoli taż-żona tal-ewro u kien jaf li qed jagħmel hekk. Il-partiti fil-koalizzjoni ta’ gvern qiesu li l-pajjiż ħtieġlu spinta ’l quddiem biex joħroġ mill-istaġnar ekonomiku li jinsab fih. Dan kellu jiġri billi l-gvern jonfoq aktar fuq għajnuniet soċjali u fuq investimenti, bi ksur tar-regoli tal-ewro. Il-kontroversja li qamet kienet enormi u għadha għaddejja.
Kontra l-gvern Taljan jinsabu skjerati l-istituzzjonijiet Ewropej, fuq quddiem nett il-Kummissjoni Ewropea imma wkoll il-Kunsill bil-presidenza tiegħu immexxija mill-Awstrija – pajjiż bi gvern ta’ koalizzjoni li nofsu magħmul minn partit li jimxi fl-istess linja bħall-populisti tal-Lega Taljana. Il-Kummissjoni ċaħdet il-baġit Taljan waqt li l-gvern telaq biex jgħaddih mill-Parlament tal-pajjiż. Sakemm qed nikteb dan l-artiklu ssemma li l-ministru tal-finanzi Taljan Giovanni Tria kien qed jara kif jista’ jfaddal xi flus minn hemm u minn hawn fl-ispiża li jrid jagħmel, ħalli forsi jqarreb xi ftit lejn il-miri tar-regoli taż-żona tal-ewro. Wieħed isibha bi tqila jifhem kemm Tria se jirnexxielu jaqleb miċ-ċirku għall-kwadru.

IR-RIFORMI FIŻ-ŻONA TAL-EWRO

Il-kontroversja mal-Italja ħolqot theddida ġdida għar-riformi li sal-aħħar tas-sena suppost qed jitħasslu għall-ewro. Imbutatti mill-President Emanuel Macron ta’ Franza, il-proposti għal dawn ir-riformi diġà kienu traqqew… sakemm saru tassew ħfief. Ikopru fond żgħir li jista’ jintuża bħala bidu ta’ baġit għaż-żona tal-ewro u pass ċkejken timidu lejn it-twaqqif ta’ sistema ta’ garanzija għad-depożiti kollha li jitpoġġew fil-banek taż-żona tal-ewro. Minkejja li kellu jkun hemm ħidma flimkien bejn Franza u l-Ġermanja dwar dawn il-proposti, din tal-aħħar baqgħet tiġbed lura. Ma tridx li tidħol f’xi arranġament li bih ikollha tħallas għall-ħala ta’ ħaddieħor – dak baqa’ l-argument Ġermaniż, li jsib appoġġ kbir fost l-elettorat tal-pajjiż.
U l-Ġermaniżi saru aktar attenti dwar il-proposti tar-riformi hekk kif skatta l-każ tal-Italja taħt il-gvern tal-Lega u tal-Ħamest Ikwiekeb. Fih qed jaraw eżatt il-problema li dejjem tħassbu dwarha – li gvern Ewropew tan-nofsinhar jitlaq jonfoq il-flus u jistenna li ħaddieħor jiġborlu u jħallaslu l-kontijiet li jtella’. Servew biex ikomplu jsammru dal-biża’ elezzjonijiet reġjonali li nżammu dan l-aħħar fil-Ġermanja: fl-istati tal-Bavarja u ta’ Hesse, il-partiti li jinsabu fil-gvern hemmhekk (u li jinsabu fil-koalizzjoni li qed tmexxi l-Ġermanja) qalgħu tumakki kbar. Il-Kanċellier Merkel irrinunzjat li terġa’ toħroġ bħala kap tal-partit tas-CDU u wegħdet li wara li jintemm il-mandat preżenti tagħha bħala kanċellier, se tirtira.
Politikament il-gvern Ġermaniż se jsibha diffiċli ħafna biex jappoġġja sew anke parti mir-riformi li ried ivara l-President Franċiż Macron.

Facebook Comments

Post a comment