Fi tmiem is-sajf tal-2014, tressqet proposta ewlenija għal inizjattiva Ewropea ġdida minn Jean Claude Juncker. Għamilha biex iżomm magħquda fil-Parlament Ewropew il-koalizzjoni bejn il-Partit tal-Popolari, u tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi ħalli l-Parlament Ewropew jivvota favur il-Kummissjoni Ewropea li kien se jmexxi. Fil-fatt kien minħabba din il-proposta l-aktar, li ħafna deputati soċjalisti pperswadew ruħhom biex jivvotaw favur il-Kummissjoni kif issettjata minn Juncker; ħassew li fil-kompożizzjoni tagħha, l-Kummissjoni kienet ixxaqleb wisq lejn il-partiti tal-lemin u kienu inklinati li jivvotaw kontra.
Il-proposta ta’ Juncker kienet li jitwaqqaf Fond ġdid Ewropew dedikat biex jippromwovi l-investimenti fuq skala kbira. Intqal li l-problemi tar-riċessjoni u tal-istaġnar ekonomiku fl-Ewropa kienu dovuti l-aktar għall-fatt li l-investimenti publiċi u privati fil-kontinent kienu waqgħu lura. Sena wara l-oħra, baqgħu anqas sew milli kienu jkunu qabel is-sena 2008. Dal-Fond il-ġdid, imwieżen bi flejjes publiċi imma li miegħu jingħaqdu fondi privati, kellu jgħin biex jiżdied l-investiment fi proġetti ġodda u tittaffa l-problema tal-istaġnar ekonomiku.
Issa għaddiet mas-sena minn meta beda jopera l-Fond “ta’ Juncker”, kif ġie mlaqqam. U l-kwistjoni saret: X’qed iwettaq tabilħaqq dal-Fond? Qed jirnexxi fl-għanijiet tiegħu?

KOMPROMESSI POLITIĊI

Juncker kien ħadem qatigħ biex iwaqqaf il-Fond. Biex jasal kellu minn naħa jissodisfa lill-Popolari, li ma kienx se jdaħħal obbligi ġodda ta’ nefqa għall-gvernijiet membri tal-Unjoni; u lis-soċjalisti, li kien tassew se jimmobilizza fondi qawwija u effettivi biex jistimola l-ekonomija kif is-soċjalisti kien ilhom żmien jippriedkaw li għandu jsir.
Mistoqsija diffiċli f’dan kollu kienet: minn fejn ġejjin il-fondi? Is-soċjalisti kienu qed jgħidu li l-bżonnijiet ta’ investiment ġdid kienu jlaħħqu t-triljun ewro u aktar. Il-Popolari, fuq quddiem nett il-Ġermaniżi, kienu qed jisħqu li fondi publiċi f’dan l-ammont ma setgħux jinstabu mingħajr ma jżidu fid-dejn tal-gvernijiet b’mod li ħadd ma kien se jkun jista’ jlaħħaq miegħu.
Biex jirnexxielu jzomm iċ-ċirku kemm tond, kemm kwadru, Juncker ippropona li jieħu ftit biljuni ta’ ewro mill-baġit tal-Unjoni Ewropea nnifisha, u jgħaqqadhom ma’ ftit biljuni ta’ ewro mill-fondi tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Fuqhom ried jgħabbi garanziji maħruġa mill-Unjoni u mill-Bank tal-Investiment Ewropew biex itella’ l-flus li jiddisponi minnu l-Fond il-ġdid sa ftit aktar minn 300 biljun ewro. Mal-Fond setgħu jingħaqdu bil-flus tagħhom, gvernijiet u banek oħra biex izidulu s-saħħa finanzjarja tiegħu.
Dan l-arranġament ġie kkritikat għal diversi raġunijiet. Il-fondi mill-baġit tal-Unjoni Ewropea kienu se jitnaqqsu minn proġetti oħra tagħha, u dawk mill-Bank tal-Investiment Ewropew diġà kienu disponibbli. Allura ma kienx veru li l-Fond Juncker se jkun qiegħed jimmobilizza kapital ġdid għall-investiment. Terġa’, lanqas kien minnu li l-Fond se jkun qiegħed jinqeda b’daqstant fondi publiċi ġodda. Il-biċċa l-kbira tal-flejjes se joħorġu minn banek privati taħt il-ħarsien tal-garanziji li l-Fond kien se jagħtihom.

KRITIKA

Ġiet kritikata wkoll il-parteċipazzjoni tal-Bank tal-Investiment Ewropew. Dan tqies bħala istituzzjoni li kellu esperjenza diretta l-aktar f’investiment għal proġetti li ma għandhom l-ebda riskju magħhom. Ma kienx se jkollu l-ħila, u l-anqas jista’ jekk irid, jinvesti fi proġetti li m’għandhomx ċertezza sħiħa li l-prospetti futuri tagħhom se jkunu ta’ success.
Minkejja dawn ir-rizervi u oħrajn, il-pressjoni politika biex jinstab qbil madwar il-proposti ta’ Juncker kienet kbira, mhux l-anqas fuq is-soċjalisti Ewropej. Huma kienu marbuta mal-partit tal-popolari biex jivvotaw għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea lil min ikun mexxa l-partit li eleġġa l-aktar deputati fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014. U dan kien appuntu Juncker.
Is-soċjalisti ma setgħux issa jivvotaw kontrieh. Il-Fond Juncker kellu jkun it-turija li hu se jqis il-pozizzjonijiet tas-soċjalisti fl-inizjattivi li jieħu bħala President tal-Kummissjoni. Is-soċjalisti kienu pproklamaw kif l-ekonomija Ewropea jeħtiġilha tingħata stimulu ġdid biex tirkupra u toħloq aktar impjiegi. Il-Fond ta’ Juncker kien qed juri qbil ma’ dil-pozizzjoni. Dan kien argument li s-soċjalisti uzaw biex jipperswadu lil dawk id-deputati soċjalisti (fosthom jien) li ma ħassewhomx komdi jivvotaw favur Jean Claude Juncker bħala President tal-Kummissjoni.
Hu x’inhu, il-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku (EFSI skont l-inizjali tiegħu bl-Ingliż) fl-aħħar twaqqaf b’bażi ta’ fondi ta’ aktar minn 300 mitt biljun ewro. Magħhom matul ix-xhur, żdiedu daqs tletin għal erbgħin biljun ieħor, f’fondi u garanziji li daħlu minn banek tal-investiment f’xi sitt pajjiżi.

MIN JIFRAĦ, MIN IMAQDAR

Sena wara li l-Fond kien beda jopera, il-Kummissjoni issa ħabbret li aktar minn mitt biljun ewro kienu diġà ġew allokati fi proġetti. F’konferenza għall-istampa, uriet is-sodisfazzjon kbir tagħha għal dak li qieset bħala s-suċċess tal-Fond li kien irnexxielu jiffinanzja numru sostanzjali ta’ proġetti f’diversi pajjiżi. Proġetti oħra jinsabu fil-pajplajn lesti biex jitwettqu, stqarret. Il-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll li qed tikkonsidra bis-serjetà biex tpoġġi l-Fond ta’ Juncker fuq bazi permanenti, minflok għal żmien ta’ tliet snin.
Il-partit tal-popolari — li għall-bidu kien wera ruħu biered dwar l-idea kollha ta’ dal-proġett — ukoll ħareġ ifaħħar is-suċċessi miksuba. Il-Fond ta’ Juncker kien telaq tajjeb u jixraqlu apprezzament sħiħ, sostna l-lemin, mhux l-anqas għax baqa’ jirrispetta l-linji ta’ prudenza ekonomika u finanzjarja stabbiliti fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar snin.
Biss min-naħa tal-partiti l-oħra fil-Parlament Ewropew il-ġudizzju dwar l-operat tal-Fond kien ħafna aktar negattiv, speċjalment fost is-soċjalisti u demokratiċi, u l-partiti l-oħra tax-xellug. Dan ħareġ ċar matul dibattitu li nżamm dil-ġimgħa fil-Parlament Ewropew.
Żgur li fost is-soċjalisti, d-diżullużjoni kienet kbira. Intqal li l-proġetti magħżula setgħu saru xorta waħda mingħajr l-EFSI. Waqt li l-Kummissjoni Ewropea saħqet fuq li impriżi żgħar u medji kienu wkoll gawdew mill-Fond, fil-verità l-fondi allokati għalihom kienu ċkejkna u proġetti dwarhom, kienu għadhom fuq il-karta.
Intqal ukoll li l-biċċa l-kbira tal-fondi maħruġa kienu marru lejn imprizi kbar, u lejn il-pajjiżi kbar u żviluppati tal-Unjoni, li kellhom l-anqas bżonn għajnuna, bħall-Ġermanja, ir-Renju Unit u Franza. Il-proġetti magħzula ma kellhomx bżonn tal-EFSI biex jitwettqu għax setgħu jiġu finanzjati kummerċjalment. Sadattant, il-pajjiżi ż-żgħar u l-aktar imqagħbra mill-kriżi ekonomika tħallew barra. (Malta sa issa għadha ma bbenefikat bl-ebda mod mill-EFSI.)

LEJN FEJN?

Minkejja l-kritika li qala’, l-EFSI se jibqa’ jopera. Il-Kummissjoni Ewropea hi politikament impenjata li tibqa’ ssostnih u tiftaħar li rnexxa. Il-mistoqsija tqum dwar jekk hix se taġġusta d-direzzjoni tiegħu. Hi ħaġa dubjuża kemm dan jista’ jsir. Il-Bank Ewropew tal-Investiment jinsab fiċ-ċentru tat-tmexxija tal-Fond. Il-Bank għandu l-obbligi u s-sistemi tiegħu dwar kif jopera; dawn inbnew matul is-snin. Ma jistax jibdilhom mil-lum għal għada.
Ukoll l-istruttura ta’ garanziji li fuqha l-Fond ta’ Juncker hu bbażat torbtu f’kemm jista’ jieħu proġetti ta’ sogru. Il-Fond ma jistax jiżżarma minn dawn il-garanziji għax inkella jispiċċa mneżża’ mill-biljuni ta’ fondi li suppost hu ddotat bihom.
Min-naħa l-oħra, se tkun ħaġa diffiċli għall-kritiċi tiegħu, l-aktar is-soċjalisti, biex iwasslu sal-aħħar il-kritika tagħhom. Fl-aħħar sentejn, kienu ppreżentaw il-proġett tal-EFSI bħala vittorja għall-politika tagħhom. Ftit jistgħu jsostnu issa li dir-rebħa kienet waħda tad-duħħan.
Fix-xhur li ġejjin il-Fond jista’ jinsaq lejn direzzjonijiet differenti minn dik li segwa fl-aħħar sena?

Facebook Comments

Post a comment