SE JAQBLU?

Għalkemm konna resqin lejn deċiżjoni suppost, dwar kif l-Ewropa se tilqa’ għall-kriżi tar-refuġjati ġejjin lejha mis-Sirja u t-Turkija, id-diżgwid bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni baqa’ jikber mhux jonqos. Il-problema kienet u baqgħet li nfetħet distanza kbira bejn ir-retorika li l-Ewropej użaw dwar ir-refuġjati, u dak li setgħu jew riedu jwettqu fir-realtà. Matul ix-xhur, il-kliem sbieħ dwar il-valuri Ewropej tal-ħniena u tas-soldiarjetà ma naqsux. Min-naħa l-oħra, deher sew li bl-eċċezzjoni tal-kanċellier Merkel tal-Ġermanja, kull gvern aġixxa biex kemm jista’, jeħles lil pajjiżu mit-tagħbija tal-immigranti.
Waqt li kulħadd jaqbel li s-soluzzjoni għall-kriżi tal-immigranti tista’ tkun biss Ewropea, quddiem il-mewġa li donnha ma tistax tieqaf ta’ nies deħlin, u l-inkwiet taċ-ċittadini Ewropej, mexxejja raw kif itellgħu l-barrieri. Speċjalment fil-Balkani. Il-Greċja li tinsab fil-fruntiera ta’ barra tal-Unjoni fejn tħares lejn it-Turkija, inqabdet bħala l-pajjiż li qed jirċievi l-immigranti malli jaslu u ġiet mixlija li mhijiex tilqa’ tajjeb għalihom.
Il-pajjizi Balkani li jinsabu bejn il-Greċja u l-Awstrija għalqu l-fruntieri tagħhom. L-Awstrija qabdet u ddikjarat unilateralment kemm refuġjati lesta ddaħħal kull ġimgħa. B’hekk irnexxielha turta anki lill-Ġermanja. Sadattant, refuġjati li baqgħu jaslu fil-Greċja sabu ruħhom imsakkra f’dak il-pajjiz. Finanzjarjament u materjalment il-Greċja mhix imħejjija biex tlaħħaq sew ma’ dil-problema.
Sal-lum, kiber is-sentiment li l-Greċja tinsab iffaċċjata b’sitwazzjoni eċċezzjonali. Biss ftit deher li kien hemm min fost l-Ewropej lest jieħu inizjattivi konkreti biex jagħtiha sokkors.

AĦJAR JEW AGĦAR BL-IMMIGRANTI?

In-nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjizi membri tal-Unjoni ma setax kien aktar ċar. Jekk il-fruntieri jibqgħu magħluqa, il-futur taz-zona ta’ Xengen – li tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jmorru kullimkien fiz-zona bla ma jgħaddu minn kontrolli tal-fruntieri – jiddallam. B’insistenza tal-Ġermanja reġa’ sar qbil biex il-Kunsill Ewropew jiltaqa’ mat-Turkija. F’Diċembru kien sar ftehim mat-Turkija biex din iżżomm lura l-kurrenti ta’ immigranti u refuġjati deħlin fil-Greċja. L-Ewropej wegħduha s-somma ta’ 3 biljun ewro biex tkun tista’ tieħu ħsieb it-tliet miljun refuġjat mis-Sirja li jinsabu fit-Turkija. Il-ftehim ftit ħadem tajjeb sa issa, talanqas skont l-Ewropej. It-Torok mhux l-anqas per mezz tar-rappreżentant permanenti tagħhom fi Brussell igħidu mod ieħor.
Il-laqgħa mat-Turkija fl-ogħla livell se tkun maħsuba biex taċċerta kemm it-Torok huma tassew lesti li jzommu għandhom, f’kondizzjonijiet xierqa, lir-refuġjati ħerġin mis-Sirja. Jekk dan mhux se jiġri, l-periklu hu ċar li l-problemi tal-immigrazzjoni Ewropej se jaħarbu minn kull kontroll. L-għada tal-laqgħa mat-Turkija, l-Kunsill Ewropew se jerġa’ jiltaqa’ biex jipprova jsib qbil bejn il-pajjizi membri dwar kif se jaqsmu l-pizijiet bejniethom. X’jiddeċiedu jew ma jiddeċidux se jkun determinanti għaz-zona Xengen.
Sadattant, mistoqsija li baqgħet mhux imwieġba hi waħda li ilha prezenti sa minn qabel telqet il-krizi. L-Ewropa tmur għall-agħar jew għall-aħjar bir-refuġjati? Minkejja li n-numri tagħhom jidhru enormi, imqabbla mad-daqs sħiħ tal-popolazzjonijiet Ewropej prezenti, jammontaw għal ċifra li tista’ tiġi milqugħa. Fl-imgħoddi kien hemm okkażjonijiet fejn l-Ewropa rnexxielha tassorbi immigranti u refuġjati f’proporzjon simili u akbar għal dawk li qed jaslu issa, għalkemm dak iż-żmien, fil-biċċa l-kbira tagħhom, kienu ta’ oriġini Ewropew.
Barra minn hekk, hemm pajjiżi, speċjalment il-Ġermanja u oħrajn fit-tramuntana, li qed jaraw il-popolazzjoni tagħhom tixjieħ. Il-ħaddiema żgħażagħ se jkunu qed jonqsu fil-ġejjieni. Għandhom u se jkollhom bżonn ħaddiema minn barra biex isostnu l-ekonomiji tagħhom.
Jekk dan hu minnu, għaliex allura inħolqot din il-kriżi kollha?
Ġara li wisq nies waslu bla mistenni, fi żmien wisq qasir meta l-ekonomiji Ewropej għadhom f’sitwazzjoni diffiċli u l-qgħad għadu sostanzjali. Il-fatt li ħafna mill-immigranti ma kinux ta’ kultura Ewropea lanqas għen. Il-politika ta’ awsterità li ilha titħaddem fl-Ewropa mill-2008 ukoll ħalliet l-effetti tagħha. Wisq nies jinsabu f’qagħda agħar milli kienu xi snin ilu u kellhom jaċċettaw li se jibqgħu hekk għal aktar snin. Dan żied l-inkwiet soċjali u ma offriex sisien sodi minn fejn tintwera solidarjetà lejn l-immigranti skont il-“valuri” Ewropej. Ix-xenofobija, bħal fil-Ġermanja li l-aktar tista’ tagħmel użu tajjeb mill-immigranti, kiber minkejja l-isforzi tal-kanċellier Merkel biex turi lil pajjiżha bħala art ospitaljera.
Dan kollu żied u għadu jżid il-pressjoni politika fuq il-gvernijiet. Partiti hekk imsejħa “populisti” mix-xellug u l-lemin bdew jixorbulhom sew mill-appoġġ tal-votanti tradizzjonali tagħhom. Kellhom juru li jafu kif jiddefendu l-interess nazzjonali u lesti jagħmlu dak li hemm bżonn biex iwettqu din id-difiża.

L-GĦELUQ TAL-FRUNTIERI

L-aqwa miżura f’din id-direzzjoni kienet l-“għeluq” tal-fruntieri. Fi żminijiet oħra kienet tissejjaħ il-“push back” (bid-differenza li llum qed issir fuq art xitwija iffriżata, mhux f’baħar miftuħ). Kienet tqanqal skandli liema bħalhom. Imma issa mill-membri tal-Unjoni Ewropea, għamluha fost oħrajn l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-repubblika Ċeka, l-Awstrija, il-Belġju, u anki l-Ġermanja għal ftit taż-żmien. Fondamentalment, inħolqu miżuri ta’ kontroll li jibgħatu lir-refuġjati lura minn fejn ġew fit-territorju tal-ġirien.
B’din ir-rata, il-Greċja se tispiċċa “tikkalzra” għexieren ta’ eluf ta’ immigranti. Diġà l-pajjiż kien qiegħed jogħtor taħt il-piż tal-miżuri li għabbiet fuqu ż-żona ewro. Dan kien jonqsu! L-ilmenti tal-gvern Grieg ma naqsux. Il-kanċellier Merkel u l-Papa Franġisku kienu fost dawk li appellaw biex lill-Greċja jingħata malajr kemm jista’ jkun kull appoġġ materjali possibbli.
Qed issir ħaġa ċara li jekk ma tinstabx soluzzjoni li jkollha l-appoġġ reali ta’ kulħadd, u jekk l-affarijiet ma jinbidlux, iż-żona ta’ Xengen se tikkollassa. Il-Kunsill Ewropew li se jinżamm il-ġimgħa d-dieħla jrid jiddeċiedi hux se jafda lill-Greċja biex tikkontrolla sew il-fruntieri tagħha. Jekk le, taħt ir-regoli taż-żona Xengen, gvernijiet membri jistgħu jingħataw sa sentejn li matulhom jissospendu l-applikazzjoni ta’ Xengen u jdaħħlu kontrolli ġodda għad-dħul f’pajjiżhom.
It-tbassir hu li dil-ħaġa, jekk tiġri, tkun tfisser it-tmiem ta’ Xengen innifsu. Tkun daqqa qawwija kontra l-għaqda Ewropea. Aktar minn hekk ukoll, tfisser tqanqil ekonomiku kbir fit-tmexxija tal-Unjoni li jkompli jżid l-ispejjez tan-negozji u l-familji. Żgur tnaqqas il-fiduċja ekonomika, talanqas għall-ewwel snin. Hu f’dan l-isfond li se jkunu qed isiru d-diskussjonijiet mat-Turkija u fi ħdan il-Kunsill Ewropew ta’ dil-ġimgħa.
Ħafna qed ibassru li jekk ma jinstabx qbil li jagħmel sens għal kulħadd u li kulħadd se jwettaq, l-Unjoni Ewropea se tidħol fi twegħir li bħalu għadha ma ratx. Se tispiċċa mdgħajfa u mifruda għal kollox. Min qed ibassar hekk, x’aktarx li qed jeżaġera. Biss hu minnu li n-nuqqas ta’ qbil baqa’ jiżdied fl-aħħar ġimgħat, tant li qed jheżżeż il-pedamenti li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea.

Facebook Comments

Post a comment