Il-ġimgħa li għaddiet bdejna niddiskutu f’dil-paġna, t-tliet rapporti dwar il-futur tal-Ewropa li ġew approvati dan l-aħħar mill-Parlament Ewropew. Tajna ħarsa lejn ir-rapport ippreżentat mill-kap tal-Liberali fil-Parlament Verhofstadt, dwar kif l-istrutturi ta’ tmexxija tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu mkabbra u mwessgħa,
Illum tajjeb li nduru lejn it-tieni rapport, dwar it-tisħiħ taż-żona tal-ewro ppreżentat mid-deputati Beres (soċjalista) u Boge (liberali).
Għax fid-diskussjoni għaddejja dwar il-futur tal-Ewropa, post ewlieni qed jittieħed mill-mistoqsija fuq x’għandu jsir dwar l-ewro. Dan il-proġett li bih dsatax mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qed jużaw l-istess munita, sar bla dubju ta’ xejn l-aktar wieħed importanti fl-Ewropa wara dak tal-ħolqien ta’ suq wieħed Ewropew. Bil-Brexit, il-membri kollha li baqa’ fl-Unjoni — ħlief id-Danimarka — huma impenjati bit-trattati biex jidħlu fiż-żona.
Sal-2008, il-proġett tal-ewro kien mitqies bħala suċċess kbir tal-Unjoni. L-ekonomiji tal-pajjiżi membri imxew ’il quddiem, l-impjiegi u l-konsum żdiedu b’rata sodisfaċenti, u l-ewro dehret bħala munita stabbli finanzjarjament u ekonomikament. Il-kriżi tal-2008 farrket għal kollox din id-dehra u waddbet liż-żona ewro fi kriżi ta’ snin sħaħ.
Hemm min jgħid li għadha fi kriżi. Il-problema tad-djun tal-Greċja għadha ma nħallitx. Numru ta’ pajjiżi — bħall-Italja u Franza — donnhom baqgħu b’nifs ekonomiku maqtugħ. Inizjattivi meħuda fl-aħħar snin biex iwasslu għal fejqan taż-żona għadhom nofs leħja. Baqgħet issir kritika ħarxa dwar kif titmexxa ż-żona tal-ewro u dwar it-tbatijiet kbar li l-aħħar snin ġabu fuq saffi sħaħ tal-popli Ewropej.

ŻONA ŻBILANĊJATA

Fil-veritá, anke qabel l-2008, kien jintqal li l-mod kif inbniet iż-żona tal-ewro kien żbilanċjat. Iż-żona ma kinitx se tkun tista’ tilqa’ għall-maltemp. Sakemm kien għadu bnazzi, ħadd ma ta kas dil-kritika.
Territorju li jaħdem bl-istess munita, ġeneralment irid ikollu gvern wieħed li hu responsabbli għat-tmexxija ekonomika, billi jiġbor it-taxxi u jamministrahom. Bil-fondi li jiġma’, imexxi baġit li bih jintervjeni mat-territorju kollu biex jilqa’ għad-diffikultajiet li jqumu. Fi kliem ieħor, ikollu politika ekonomika magħquda u teżorerija tal-istat bħala awtoritá ċentrali li ssostni dil-politika.
Mentri le, fiż-żona tal-ewro kull pajjiż żamm il-poter tiegħu li jsegwi politika ekonomika nazzjonali. Għalkemm twaqqaf bank Ewropew ċentrali biex joħroġ u jmexxi l-munita tal-ewro, dan ma kellu maġenbu l-ebda teżorerija ċentrali li tiġbor it-taxxi biex bihom, titħaddem politika ekonomika effettiva maż-żona tal-ewro kollha, li tista’ tirrispondi għall-gwaj. Minflok, l-istati impenjaw ruħhom li jżommu tmexxija ekonomika u finanzjarja nazzjonali li ssegwi ċerti regoli. Pereżempju, li l-għoli tal-ħajja ma jitħalliex jaqbeż it-3 fil-mija, jew li d-dejn nazzjonali ma jitħalliex jaqbeż is-60 fil-mija tal-ġid nazzjonali (jew prodott domestiku gross).
Il-problema hawn kienet li ta’ spiss dawn ir-regoli ma kinux jiġu osservati. Meta nqala’ l-għawġ fl-2008, u kienu se jfallu bosta banek hekk li l-gvernijiet daħlu biex isalvawhom, ħafna mill-istess gvernijiet sabu li kien resqin lejn il-falliment. Skont ir-regoli stretti taz-zona ewro, kellhom ikunu l-istess gvernijiet li jsolvu kulħadd għalih, il-problemi tagħhom. Meta deher ċar li dan se jwassal biex diversi gvernijiet — fl-ewwel post il-Greċja — se jfallu, il-pajjiżi membri l-oħra ngħaqdu biex bi ftehimiet bejniethom, jagħtuhom għajnuna finanzjarja per mezz ta’ self. Ma’ dan bdew jorbtu kondizzjonijiet iebsa dwar kif il-pajjiżi li qed jingħataw l-għajnuna, kellhom imexxu l-finanzi tagħhom.

BIDLIET LI SARU

Dawn il-ftehimiet intlaħqu jsiru per mezz ta’ negozjati diretti bejn il-gvernijiet, għalkemm fit-tmexxija tas-self li ħareġ u fis-sorvelja tal-qagħda finanzjarja ta’ kull pajjiż, ġiet involuta bil-kbir il-Kummissjoni Ewropea. Minn hekk, l-aktar fuq insistenza Ġermaniza, bdew jittieħdu passi biex iż-żona tal-ewro tifli t-tmexxija ta’ kull pajjiż b’mod aktar tassattiv. Ġie ffirmat dak li ssejjaħ il-“patt fiskali”. Fost affarijiet oħra, dan daħħal eżami regolari tal-finanzi u l-ekonomija ta’ kull membru; u anki multi għal dawk il-pajjiżi li ma josservawx ir-regoli tal-patt.
Fuq linja oħra, kien hemm qbil li l-pajjiżi taż-żona ewro għandhom iġibu lill-banek il-kbar kollha tagħhom taħt is-sorvelja ta’ awtoritá waħda. Twaqqfet awtoritá Ewropea oħra bil-mezzi biex tiddeċiedi jekk bank li jkun fid-diffikultajiet għandux jiġi salvat u fil-każ li iva, biex issalvah hi. B’hekk l-ebda gvern ma jkollu għalfejn iżid fid-dejn tiegħu biex isalva xi bank li fl-interess nazzjonali, iqis li għandu jsalvah.
L-inizjattivi li ttieħdu kienu parti minn politika maħsuba biex tinħoloq għaqda bankarja Ewropea. Din kellha tinkludi wkoll skema Ewropea li tipprovdi insurance għad-depożitanti fil-banek Ewropej kollha. Biss meta wasal iż-żmien biex tiddaħħal din l-iskema, il-Ġermanja bdiet taqla’ l-oġġezzjonijiet, ma ridithiex, u naturalment il-biċċa waqfet…
Hu f’dal-qafas li wieħed irid iqis ir-rapport għall-Parlament Ewropew mid-deputati Beres u Boge dwar bidliet fl-istrutturi ta’ tmexxija taż-żona tal-ewro. L-għan ewlieni tagħhom kien li jissuġġerixxu modi kif dawn l-istrutturi jistgħu jissaħħu.

BIDLIET PROPOSTI

Għalhekk il-pern tal-proposti ta’ Beres u Boge jdur madwar l-idea li ż-żona tal-ewro għandu jkollha l-fondi tagħha. Fil-kliem li juża r-rapport, iż-żona għandha tingħata “kapaċitá budgetarja” tagħha. Għall-ewwel dawn il-fondi joħorġu mill-baġit tal-Unjoni Ewropea nnifisha. Aktar tard, ikun hemm taxxi Ewropej li jiffinanzjawhom. Il-fond jitqies bħala t-Teżorerija taż-żona ewro u jkollu Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex imexxih. Min iġorr dil-kariga — effettivament jispiċċa l-Ministru tal-Finanzi taż-żona ewro — jitpoġġa ukoll fir-ras tal-ewrogrupp, il-kumitat tal-ministri tal-finanzi taż-żona ewro li fl-aħħar snin ħa f’idejh it-tmexxija taż-żona.
Ir-rapport jipproponi li l-membri taż-żona ewro, għandhom jiftehmu fuq kodiċi ta’ konverġenza li bih jaqblu li fi żmien ta’ ħames snin, ikunu laħqu bejniethom, livelli simili fir-rigward ta’ tassazzjoni, is-suq tax-xogħol inkluż dwar paga minima, u l-investiment, speċjalment fi żvilupp u riċerka. Sadattant, il-korpi li twaqqfu fiż-żona ewro biex iħarsuha mill-iskariġġi finanzjarji għandhom jiddaħħlu kollha fit-trattati tal-Unjoni Ewropea u mhux jibqgħu maqtugħa għal rashom fi ftehimiet separati bejn il-pajjiżi membri taż-żona ewro.
Kollox ma’ kollox, ir-rapport ta’ Beres-Boge kien insodisfaċenti ħafna. Għalija ma ffaċċjax il-problema fondamentali taż-żona tal-ewro: dik li qed tiżdied il-qasma bejn il-membri taż-żona li sejrin tajjeb, u dawk li sejrin ħażin. U li kif inhuma r-regoli u l-arranġamenti issa, ma jistax jiġri mod ieħor. Qabel kull bidla fl-istrutturi tat-tmexxija taż-żona ewro, biex dil-bidla ssir għall-aħjar, l-ewwel irid ikun hemm ftehim biex id-diverġenzi li qed jinqalgħu jissewwew b’mod konkret — jiġifieri, bi ftehim politiku.
L-istrutturi li ġew proposti, jekk jitħallew jaħdmu “waħidhom”, kif żgur jiġri, se jfissru li f’rabta federali, se jkomplu jissaħħu dawk li huma diġá qawwija u se jiddgħajfu dawk li huma diġá dgħajfa. Ftit se jagħmel differenza dwar hekk jekk iżżommhomx għaddejja skont trattati separatament konklużi bejn il-pajjiżi, jew jekk iddaħħalhomx fit-trattati tal-Unjoni Ewropea. Għal dawn ir-raġunijiet, bħal fil-kaz tar-rapport Verhofstadt, anke dwar dan ir-rapport jien ivvotajt le.
Tajjeb jekk il-ġimgħa d-dieħla allura, nagħtu ħjiel fil-qosor tat-tielet rapport dwar il-futur tal-Ewropa li ħareġ mill-Parlament Ewropew.

***

Imbagħad la se nkunu wasalna sa hemm, ikun jagħmel sens li niddiskutu l-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa li l-Kummissjoni Ewropea għadha kemm ħarġet. Kellha tippublikah matul it-tieni nofs ta’ Marzu. Minflok, ħarġitu nhar l-Erbgħa li għaddew.

Facebook Comments

Post a comment