Fl-aħħar ġimagħtejn, tajna ħarsa lejn tnejn minn tliet rapporti dwar il-futur tal-Ewropa li għaddew mill-Parlament Ewropew. Dan ġara ftit qabel il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-White Paper tagħha fuq l-istess suġġett.
L-ewwel rapport, imħejji minn Guy Verhofstadt, ittratta dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ tibdel l-istrutturi tagħha biex tippermetti lill-pajjiżi li jridu javvanzaw aktar lejn l-għaqda jagħmlu dan, waqt li dawk li ma jaqblux ma’ dil-ħaġa jkunu jistgħu jibqgħu magħqudin bejniethom b’mod anqas strett.
It-tieni rapport imħejji mid-deputati Beres u Boge, ddiskuta ż-żona tal-ewro u kif din tista’ tiġi ddotata b’teżorerija tagħha immexxija minn “ministru tal-finanzi” taż-żona tal-ewro.
It-tielet rapport kien ħafna aktar modest fl-iskopijiet tiegħu. Qies kif bit-trattati Ewropej li jeżistu bħalissa, l-Unjoni Ewropea tista ssaħħaħ l-operat tagħha biex tagħmlu aktar effettiv. Tħejja mid-deputati Mercedes Bresso u Elmar Brok. Uħud ta’ ċerta etá forsi jiftakaru lil tal-aħħar mis-snin tmenin. Brok kien jinġab Malta mill-PN dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni, biex jagħtihom palata fil-manifestazzjonijiet ta’ protesta li kienu jorganizzaw wara l-elezzjoni tal-1981. Minn dak iż-żmien lil hawn, Brok baqa’ attiv fil-Parlament Ewropew fejn hu wieħed mill-aktar deputati anzjani.

PARLAMENT

Fir-rapport tagħhom, Bresso u Brok jagħtu ħarsa lejn l-istituzzjonijiet kollha li jifformaw l-Unjoni u jressqu proposti dwar kif it-tmexxija tagħhom tista’ titjieb. Fuq quddiem nett ipoġġu lill-Parlament Ewropew. Huma jisħqu kif dan irid isostni u jifrex il-ħidma tiegħu, irid jieħu aktar inizjattivi u jrid jassigura li “l-poteri leġislattivi u d-drittijiet tiegħu għandhom jiġu garantiti, konsolidati u msaħħa”. Waqt li jżid il-kuntatti u koperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew irid jibqa’ attent biex kull parlament involut imexxi ħidmietu skont il-linji mfassla fit-trattati Ewropej.

KUNSILL EWROPEW

Meta jitkellem dwar il-Kunsill Ewropew, li jlaqqa’ flimkien lill-mexxejja tal-gvernijiet u kapijiet tal-istat tal-pajjiżi membri, ir-rapport ta’ Bresso u Brok jesprimi d-dispjaċir li dal-kunsill kważi qatt ma jieħu deċiżjonijiet b’maġġoranza kwalifikata, imma jibqa’ lura meta ma jkunx hemm unanimitá. B’hekk, ta’ spiss il-Kunsill ta’ spiss, minflok jiddeċiedi fuq kwistjoni, qed jgħaddiha lura lejn il-kunsilli tal-ministri. (U kif se naraw, skont ir-rapport, il-Kunsill tal-Ministri jagħmel l-istess ħaġa.)
Filfatt, kemm-il darba nsibu fir-rapport rakkomandazzjoni biex ir-regola tal-maġġoranza kwalifikata titħaddem aktar. Hi ħaġa ċara li l-kittieba tar-rapport iqisu li mingħajr it-tħaddim ta’ din ir-regola, ftit jista’ jsir progress. Fuq hekk, forsi għandhom raġun. Imma min-naħa l-oħra, jekk ikun hemm numru dejjem akbar ta’ deċiżjonijiet li jħallu warajhom togħma ħażina fosta dawk li jkunu f’minoranza, is-sens ta’ għaqda bejn il-pajjiżi membri malajr jista’ jispiċċa perikolat.
Sadattant, ir-rapport ta’ Brok u Bresso jissuġġerixxi li l-President tal-Kunsill Ewropew (kariga bħalissa li qed timtela’ minn Donald Tusk tal-Polonja) tista’ tingħaqad ma’ dik tal-President tal-Kummissjoni Ewropea

IL-KUNSILL

Imbagħad, meta jiġi biex jiddiskuti l-Kunsill tal-Ministri, ir-rapport jagħmel proposta interessanti. Din hi li minflok jibqgħu jinżammu ħafna kunsilli għal materji differenti (pereżempju, biedja, finanzi, enerġija eċċ.) ikun hemm kunsill wieħed u l-laqgħat tal-oqsma differenti jitqiesu bħala kumitati tiegħu. Il-Kunsill tal-Ministri, flimkien mal-Parlament Ewropew, jibda jiffunzjona bħala kamra leġislattiva, u flimkien mal-Parlament Ewropew, jopera b’sistema bi-kamerali. Il-Kummissjoni Ewropea tiffunzjona allura bħala l-veru gvern tal-Unjoni Ewropea.
Hawn ukoll, ir-rakkomandazzjoni tar-rapport hi li d-deċiżjonijiet kollha kważi, għandhom jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata. Hi rakkomandazzjoni li tintrabat mal-kritika li l-Kunsill tal-Ministri hu wkoll, minflok jiddeċiedi b’maġġoranza fi kwistjonijiet fejn ma jistax jasal b’mod unanimu, qiegħed jerġa’ jtellagħhom lura quddiem il-Kunsill Ewropew.

IL-KUMMISSJONI U Ż-ŻONA TAL-EWRO

Uħud mill-proposti oħra li tressqu kienu li: għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament fl-għażla tal-President tal-Kummissjoni Ewropea wara l-elezzjonijiet Ewropej; il-pajjiżi membri għandhom iressqu tliet suġġerimenti ta’ nies (irġiel u nisa) li jixtiequ jingħażlu bħala Kummissarji, biex b’hekk il-President elett ġdid tal-Kummissjoni jkun jista’ jasserixxi aħjar l-indipendenza tiegħu; il-Kumissjoni għandha tirrapreżenta lill-Unjoni Ewropea u liż-żona tal-ewro f’għaqdiet internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Mondjali.
Fl-istess linja, ir-rapport jitkellem dwar il-ħtieġa li ż-żona tal-ewro ssir aktar effettiva billi jkollha baġit bit-teżorerija tagħha, kif ukoll “ministru tal-finanzi” tagħha. Dan imexxi l-grupp tal-ministri tal-finanzi taż-żona, u jkun membru tal-Kummissjoni Ewropea. Hawn ir-rapport qed jirrepeti għal kollox ir-rapport l-ieħor dwar iż-żona tal-ewro ta’ Beres u Boge.
Mhux biss; hu wkoll isemmi l-ħtieġa li jitwaqqfu taxxi Ewropej. Id-dħul minnhom imur fit-teżorerija tal-ewro biex din titmexxa mingħajr ma jkollha għalfejn tiddependi mill-kontribuzzjonijiet tal-istati membri. Jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-mekkaniżmi li ż-żona tal-ewro waqqfet biex iħarsuha mill-kriżijiet, jitkomplew sal-aħħar. Dan għandu jsir billi fost oħrajn, l-għaqda bankarja tibqa’ tinbena, mhux titħalla nofs leħja kif tinsab bħalissa.
Fil-fatt, ir-rapport jitkellem fit-tul dwar il-politika ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Kif għedna, jipproponi li l-għaqda ekonomika u monetarja titwessa u tingħata għerq aqwa. Barra minn hekk, jinsisti wkoll biex il-mod li bihom l-ekonomiji u l-baġits tal-pajjiżi membri jiġi mifli fis-“semester” Ewropew taħt il-patt fiskali, jsir aktar sempliċi, konċentrat u “demokratiku”. Isemmi l-ħtieġa ta’ “kodiċi” li bih it-tmexxija ekonomika tal-pajjiżi membri tinġab qrib il-waħda tal-oħra (“tikkonverġi”).

ASTENSJONI

Mhux possibbli nsemmu hawn il-proposti kollha li saru fir-rapport. Uħud minnhom ma tistax tmaqdarhom – bogħod minn hekk. Bħal meta jisħqu fuq il-ħtieġa ta’ miżuri soċjali ġodda u aktar sodi fid-difiża tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-familji (bl-introduzzjoni ta’ paga minima nazzjonali fil-pajjiżi membri, jew il-ħtieġa ta’ patt soċjali ġdid biex jiġġieled kontra l-inugwaljanzi soċjali fl-Ewropa). Aktar diskutibbli huma l-proposti dwar it-tmexxija tal-politika barranija tal-Unjoni, jew ta’ miżuri fil-qasam tad-difiża, li jimxu skont il-fasla tal-federaliżmu.
Hemm proposti oħra li jitkellmu dwar titjib fl-operat ta’ istituzzjonijiet importanti tal-Unjoni Ewropea li ftit inqajmu hawn f’dil-paġna, l-aktar minħabba nuqqas ta’ spazju. Korpi bħall-Kumitat tar-Reġjuni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u aġenziji oħra tal-Unjoni…
Huma proposti interessanti, anke meta uħud minnhom jien personalment ma stajtx naqbel magħhom. Effettivament fuq ir-riżoluzzjoni kollha iddeċidejt li nastjeni għax minkejja li fiha ideat progressivi u li jagħmlu sens, magħhom daħlu oħrajn – bħal dawk li jorbtu mal-federaliżmu, l-użu tal-maġġoranza kwalifikata (li hi formola biex il-pajjiżi l-kbar jirromblaw minn fuq iż-żgħar) jew mal-qasam tad-difiża – li magħhom ma nistax naqbel.

***

Meta l-Parlament Ewropew għadda b’maġġoranza t-tliet riżoluzzjonijiet tiegħu, il-ħsieb kien li dawn se jkollhom impatt fuq il-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa tal-Kummissjoni Ewropea. Il-fehma kienet li l-Kummissjoni se toħroġ bi proposta qawwija u diretta dwar x’għandu jsir biex il-proġett ta’ għaqda Ewropea jerġa’ jikseb ir-rankatura.
Biss il-Kummissjoni fid-dokument tagħha għażlet triq oħra. Dan ħalla ħafna nies diżappuntati.
Niddiskutu wkoll dwar hekk bħal-lum ġimgħa meta nħarsu lejn il-Karta l-Bajda tal-Kummissjoni.

Facebook Comments

Post a comment