Fil-ġimgħat li għaddew, tajna ħarsa lejn tliet rapporti mħejjija fil-Parlament Ewropew dwar xinhuma l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tissaħħaħ it-tmexxija tal-Unjoni Ewropea ħalli din tkun tista’ tilqa’ aħjar għall-isfidi tal-futur. Ir-rapporti li għaddew b’maġġoranza ta’ voti fil-plenarji tal-Parlament, tkellmu dwar l-istrutturi ġodda li bihom l-Unjoni għandha titmexxa; dwar tisħiħ fir-regoli u fid-direzzjoni taż-żona tal-ewro; u dwar miżuri ta’ titjib u tisħiħ li jistgħu jittieħdu minn issa, mingħajr bdil fit-trattati li fuqhom hi msejsa l-Unjoni Ewropea.
Ir-rapporti nkitbu bi tħejjija għas-sittin anniversarju dax-xahar mit-twaqqif tal-Unjoni. Imma kienu mnebbħa wkoll minn għarfien li bil-kriżijiet li laqtu lill-Unjoni Ewropea fl-aħħar snin (fuq quddiem nett il-Brexit), hemm bżonn ta’ riflessjoni ġdida dwar kif se jintlaqgħu l-isfidi tal-futur. Saru wkoll bil-ħsieb li jinfluwenzaw id-dikjarazzjoni li mistennija jiffirmaw il-pajjiżi membri tal-UE f’Ruma dax-xahar meta jiltaqgħu għall-kommemorazzjoni tas-sittin anniversarju. L-abbozz ta’ din id-dikjarazzjoni qed jitħejja mill-Italja.
Barra minn hekk, il-parlamentari Ewropej riedu jinfluwenzaw il-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa li l-Kummissjoni Juncker kienet hi ukoll qed tħejji. Fiha, kellha tippreżenta proposti għal kif fis-snin li ġejjin, l-Unjoni Ewropea għandha tfassal il-ħidmiet tagħha. Biss, il-Kummissjoni għaġġlet it-tħejjija tal-Karta tagħha u ppublikatha kważi fl-istess żmien mal-voti li l-Parlament Ewropew ħa fuq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu. Tajjeb illum li nqisu ftit uħud mill-“proposti” — jekk tista’ ssejħilhom hekk — tal-White Paper.

JUNCKER KAWT

Fil-fatt, il-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker ippubblika d-dokument waqt diskors li għamel fil-plenarja tal-Parlament, diskors li qata’ linja differenti mid-diskorsi li mdorrija nisimgħu dwar l-Ewropa. Kien prudenti ħafna, kważi pessimista. “Ejja nkunu onesti,” stqarr. “Għal wisq żmien daħal il-vojt bejn dak li n-nies jistennew mill-Ewropa, u dak li hi tista’ tipprovdilhom… M’għandniex inħallu lin-nies temmen li nistgħu nipprovdu x-xemx u l-qamar jekk kull ma nistgħu nagħtu se jkun teleskopju. Għandna nieqfu milli nitkellmu dwar x’biħsiebna nagħmlu u niffokaw aktar fuq fejn nistgħu naslu tassew b’riżultati konkreti…”
Kontra dak li kien mistenni minnu, Juncker ma ħariġx jipproponi pjan wieħed għall-futur. Kawt, hu saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ċċarati l-għanijiet u l-intenzjonijiet tal-pajjiżi u l-popli membri. Dwar jekk għandux ikun hemm xi bidla qawwija fit-trattati tal-Unjoni Ewropea lejn strutturi ġodda ta’ tmexxija qal li biex dan isir, irid ikun hemm rieda “kollettiva” sħiħa. Bħalissa din ir-rieda ma teżistix, sostna.
Allura li għamlet il-Kummissjoni fil-White Paper tagħha, kien li tippreżenta ħames xenarji differenti dwar x’jista’ jsir. Kull xenarju jagħti stampa dwar kif jistgħu jiżviluppaw l-affarijiet skont l-għażliet li jsiru, u skont iċ-ċirkostanzi u l-preferenzi dwar il-futur tal-Ewropa. Il-Kummissjoni xtaqet li tinżamm diskussjoni dwar ix-xenarji biex minnha mbagħad, wieħed ikun jista’ jara x’direzzjoni jista’ jieħu l-bastiment tal-Unjoni waqt li jżomm lil kulħadd (is-27 membru jiġifieri) abbord.

XENARJI

Juncker fisser li l-Kummissjoni kienet se toħroġ aktar dokumenti “ta’ riflessjoni” dwar aspetti tal-isfidi quddiem l-Unjoni. Saħaq fuq il-punt li element ewlieni f’dan kollu, jekk l-Unjoni se terġa’ tkebbes il-ħerqa tal-popli, kellu jkun impenn soċjali. Wiegħed li se jkun qed jippreżenta “ideat dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa – dibattitu,” qal, “li għalija hu essenzjali u li se niddedikalu l-attenzjoni kollha tiegħi”.
Il-ħames xenarji murija fil-White Paper diġà dehru b’ċertu dettall fil-gazzetti u midja oħra. Xorta ma nagħmlux ħażin li nerġgħu nsemmuhom hawn fil-qosor.

L-ewwel xenarju. L-Unjoni tibqa’ għaddejja kif inhi bħalissa, tikkonċentra fuq impjiegi, tkabbir ekonomiku u investiment fis-suq wieħed Ewropew. Deċiżjonijiet oħra jittieħdu f’oqsma differenti mill-istati membri skont meta jaslu għal qbil bejniethom, bid-dewmien u l-eżitazzjonijiet li rajna fl-aħħar snin.

It-tieni xenarju. L-Unjoni tiddeċiedi li tikkonċentra biss fuq is-suq wieħed Ewropew u tkompli ttejbu, waqt li twaqqaf u tneħħi kull ħidma f’oqsma oħra. B’hekk, id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu aktar sempliċi, anke jekk tista’ ssir ħaġa aktar diffiċli biex id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod kollettiv.

It-tielet xenarju. Dawk il-pajjiżi li jixtiequ jagħmlu hekk, jikkollaboraw u jingħaqdu aktar bejniethom f’oqsma differenti, bħad-difiża, sigurtà u ġustizzja, tassazzjoni. Il-preżenza u l-impatt tal-Unjoni Ewropea tkun differenti minn pajjiż għal pajjiż skont l-għaqda akbar jew anqas fid-diversi oqsma bejn il-pajjiżi differenti.

Ir-raba’ xenarju. L-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li se jkun hemm oqsma fejn se ttejjeb il-ħidma tagħha, oħrajn fejn m’għandhiex għalfejn tibqa’ tindaħal u toħroġ minnhom waqt li “tagħtihom” lura lill-pajjiżi membri. Eżempji ta’ oqsma fl-ewwel kategorija jistgħu jkunu riċerka u żvilupp ta’ teknoloġiji għolja, koperazzjoni fuq pulizija u sigurtà, u l-kontroll tal-fruntieri tal-Unjoni. Oqsma li minnhom l-Unjoni tista’ toħroġ ikunu per eżempju, l-iżvilupp reġjonali u s-saħħa.

Il-ħames xenarju. L-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li twessa’ u ssaħħaħ il-ħidma tagħha. iż-żona tal-ewro titwassal sal-aħħar, ikun hemm unjoni militari, u politika barranija komuni.

Il-White Paper tbassar kif l-Unjoni tista’ tkun qed tidher fis-sena 2025 bl-andament ta’ dawn ix-xenarji wieħed b’wieħed. Tagħmel dan b’mod pjuttost realista. Fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew, Juncker wissa li ma jkunx għaqli jekk id-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa ssir bil-lingwaġġ ta’ min qed jgħix fil-“bużżieqa ta’ Brussel”. Inutli li wieħed jintilef f’ħafna diskors dwar istituzzjonijiet u proġetti li ma jinteressaw lil ħadd barra Brussell, sostna.

JAGĦMLU SENS?

Tqum il-mistoqsija: ix-xenarji li ppreżentat il-White Paper ta’ Juncker jagħmlu sens? Jew huma kawlata oħra msajra fi Brussell?
Il-kap tal-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi Gianni Pitella kkritika l-White Paper għax ma teħux pożizzjoni imma tpoġġi ’l quddiem alternattivi differenti u tiftaħ diskussjoni dwarhom. Issa, argumenta Pitella, il-Parlament Ewropew diġà ddiskuta das-suġġett u per mezz tat-tliet riżoluzzjonijiet li għadda wera xinhuma t-toroq li jippreferi għall-futur. Dwar dan, Juncker irrisponda li l-Kummissjoni qed tagħmel minn kollox biex tevita li titqies bħala li trid timponi soluzzjonijiet fuq il-membri. In-natura tiegħu personalment ma hijiex dik ta’ dittatur, saħaq il-President tal-Kummissjoni. U hemm bżonn ta’ diskussjoni miftuħa u mifruxa dwar il-futur tal-Unjoni li ma titlaqx minn xi deċiżjoni diġà meħuda.
L-argumenti ta’ Juncker huma siewja u interessanti. Lili ma tantx jikkonvinċuni. Mhux għax kien ikun aħjar kieku l-Kummissjoni ħarġet bil-proposta tagħha. Fuq dal-punt, Juncker għandu raġun li jħalli d-dibattitu miftuħ. Żgur li ma naqbilx li bil-voti tal-Parlament Ewropew fuq it-tliet riżoluzzjonijiet, ingħalaq xi bieb fuq dibattiti li għad iridu jsiru. Min-naħa l-oħra lanqas naf kif diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa tista’ ssir mingħajr ma tinfetaħ l-ewwel diskussjoni serja dwar l-imgħoddi tal-Unjoni.
X’sar tajjeb? X’sar ħażin? X’kienu ċ-ċirkostanzi li wasslu għal ċerti deċiżjonijiet? X’kien l-effett tagħhom? Kif jista’ t-tajjeb li sar jissaħħaħ? Kif jista’ jinstab rimedju għall-iżbalji li saru? Fuq kollox: x’wassal u x’qed iwassal għall-firda ekonomika u soċjali bejn reġjuni u pajjiżi differenti tal-Unjoni? Kif tista’ dil-firda tingħalaq?
Mingħajr sforz sinċier biex dawn il-mistosijiet jiġu ffaċċjati, niddubita kemm id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa se jwassal bogħod

Facebook Comments

Post a comment