Din l-aħħar ġimgħa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu kelli esperjenza stramba. Ħassejtni lura aktar minn tletin sena ilu, meta fil-Kunsill tal-Ewropa ukoll fi Strasburgu, qamet kritika kbira kontra l-gvern Laburista ta’ dak iż-żmien. Kien hemm diversi raġunijiet għal hekk, uħud bla sens, oħrajn li dwarhom ċerta kritika setgħet issir. Tħejjiet mozzjoni ta’ ċensura fuq Malta. Karmenu Mifsud Bonnici dak iż-żmien Prim Ministru bagħtni Strasburgu (jien kont President tal-Partit Laburista) biex niddiskuti ma’ deputati Ewropej dwar il-kritika tagħhom.
Iltqajt ma’ numru minnhom u bqajt mistagħġeb bil-misinformazzjoni dwar il-gvern Laburista ta’ dak iż-żmien li bla skruplu ċerti Maltin kienu mexxew fosthom. Pereżempju deputat saħansitra stagħġeb miegħi kif qed inħallu lis-servizzi sigrieti tan-Nord Korea jmexxulna l-korp tal-pulizija tagħna. Tant kien hemm misinformazzjoni miżrugħa fost il-parlamentari li meta rnexxielna nwasslu biex ma jitteħidx vot dwar Malta imma li dan jiġi pospost, dehret bħala “rebħa”.

IN-NOMINA TA’ LEO BRINCAT

Meta Leo Brincat ġie nominat mill-gvern għal membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, wieħed kien jistenna li se jiġi kunsidrat mill-Parlament Ewropew fuq il-bażi tal-karriera u l-esperjenza tiegħu. Żgur li dwaru ħadd ma seta’ jgħid li kien bla esperjenza jew ħila fl-oqsma tal-amministrazzjoni publika u tat-tmexxija finanzjarja. Hekk qalli pereżempju l-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew meta kellimtu dwar li jgħin biex isiru laqgħat ma’ deputati tal-Partit tal-Popolari, li fil-Parlament għandu l-akbar numru ta’ membri.
Brincat nieda sensiela ta’ laqgħat ma’ deputati tal-Parlament Ewropew fl-uffiċċji tagħhom biex jippreżenta ruħu. Ħdimna miegħu f’dan jien u d-deputati sħabi Laburisti Marlene Mizzi u Miriam Dalli. Il-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew irranġalu l-laqgħat mitluba.
Għal xi żmien ġara kif kien mistenni; Leo Brincat tqies bħala professjonali tal-politika u tal-finanzi. Naf għax qaluli hekk deputati li kienu kellmuh. Wara xi ġimgħat iżda l-logħba nbidlet. Min kien kontra n-nomina… u kienu nies minn Malta… dawwarha billi ra kif iċappas lil Brincat mal-iskandlu tal-karti tal-Panama. Għamel dan billi xerred u kabbar l-istorja li hu kien ivvota fil-Parlament Malti b’mod li pproteġa lil min waqqaf kumpaniji fil-Panama u bil-vot tiegħu kien kruċjali biex din il-protezzjoni sseħħ.
Is-smigħ ta’ Leo Brincat kellha tieħu l-forma l-ewwel li jidher quddiem il-kumitat tal-kontroll buġetarju; u jekk dan jivvota favur, in-nomina tiegħu titla’ quddiem il-plenarja tal-Parlament. Id-deċiżjoni tal-Parlament skont it-trattati tal-Unjoni Ewropea hi konsultattiva, ta’ parir. Jiġifieri ma torbotx lill-gvernijiet u lilu; id-deċiżjoni finali tibqa’ f’idejn il-Kunsill tal-Ministri.
Ġara li l-laqgħa tal-kumitat biex tisma’ lil Leo ħabtet it-Tnejn ta’ wara r-referendum Brittaniku tal-Brexit. F’dik il-ġurnata, l-laqgħat kollha tal-Parlament Ewropew tħassru biex isiru diskussjonijiet dwar ir-riżultat tar-referendum. U s-smigħ tiegħu mill-kumitat ġie pospost għat-tieni ġimgħa li fiha l-Parlament kellu jiftaħ wara l-vaganzi tas-sajf. Sal-waqt meta kellu jsir is-smigħ, b’mod ġenerali l-impressjoni tiegħu li kellhom id-deputati Ewropej tal-kumitat tal-kontroll buġetarju kienet tajba għal tajba ħafna. Matul il-ġimgħat meta kulħadd tferrex għall-vaganzi tas-sajf, din l-impressjoni ċċaqalqet mhux ftit. Jien infurmat li fl-istess żmien, lill-biċċa l-kbira tad-deputati baqgħet titwassal informazzjoni malafamanti dwar ir-rabta tiegħu mal-iskandlu tal-Panama.

SUĠĠETT JAĦRAQ

Żgur li bħalissa ma hemmx materja aktar taħraq minn din fil-Parlament Ewropew. Qed taffettwa lill-gruppi parlamentari kollha fis-sens ta’ polemika sħiħa biex dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Panama jiġi ttrattat bin-nar.
Meta spiċċaw il-vaganzi tas-sajf u Brincat resaq għas-smigħ, is-sitwazzjoni kienet inbidlet. Hu ta wirja tajba, skont il-punt għall-biċċa l-kbira mill-ħin u konvinċenti. Il-mistoqsijiet li tqanqlu kienu f’parti sħiħa minnhom dwar l-imġiba tiegħu fir-rigward tal-kontroversja tal-Panama f’Malta. Il-vot ġie favur in-nomina tiegħu, imma b’maġġoranza relattivament żgħira.
Fil-qafas tal-Parlament Ewropew, id-deċiżjonijiet fil-maġġoranza tagħhom huma determinati mill-gruppi politiċi l-kbar. L-aktar tal-Popolari, u tas-soċjalisti u d-demokratiċi, it-tieni l-akbar. Jekk wieħed minn dawn it-tnejn joħroġ kontra nomina, għandha ċans qawwi li ma tgħaddix. Is-sinjal tal-ewwel votazzjoni kien ċar: il-Popolari daru kontra in-nomina ta’ Leo.
Iltqajt mal-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista jumejn wara s-smigħ u kkonferamli dil-ħaġa; qalli li kien minħabba l-istorja tal-Panama. Kien iltaqa’ l-grupp tiegħu u waslu biex jiddeċiedu. Hu madankollu ħeġġiġhom, qalli, biex jipposponu d-deċiżjoni sat-Tnejn ta’ wara — dan kien il-Ħamis li segwa l-vot fil-kumitat — ħalli sadattant forsi jibirdu.
It-Tnejn erġajna rajna lil xulxin. Qalli kif wara kollox, il-PN kien iddeċieda li bid-deputati Ewropej tiegħu, jivvota kontra n-nomina ta’ Brincat. Ir-raġuni kienet il-konnessjoni ta’ Brincat mal-iskandlu tal-karti tal-Panama (!). Kienet ħaġa ċara minn hekk li l-Popolari se jivvotaw kontra n-nomina, li se jsegwu l-passi tal-PN.
Dwar x’ġara wara, m’hemmx aktar x’tirrakkonta. Ktibtha u qed nerġa’ niktibha hawn: il-biċċa kollha ma kienet xejn ħlief xempju tal-akbar viltà.
Qatt qabel fil-Parlament Ewropew, deputati Maltin ma ħarġu biex jivvotaw kontra nomina ta’ Malti. L-aġir tagħhom kien mhux biss tal-mistħija. Ta ukoll il-ġustifikazzjoni kollha lill-grupp politiku tagħhom u lil oħrajn biex jagħmlu l-istess. Kompla jbaxxi l-isem ta’ pajjiżna f’istituzzjoni fejn diġà isimna ma tantx ifuħ… u m’inix se noqgħod ngħid aktar. Ħlief dan: m’inix qed naħseb fl-iskandlu tal-Panama jew xi ħaġa oħra li ġrat fl-aħħar tliet snin.
Il-gvern Malti aħjar ikun imwissi: l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun lesta tuża l-istess metodi u l-istess strateġiji ta’ ħidma bħal ma għamlet ma’ Brincat fis-sitt xhur li matulhom Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Se tipprova timmina l-Presidenza. Ma jimportaha xejn mill-isem u l-ġieħ tal-pajjiż. L-aqwa jibqa’ l-kalkoli meskini li tagħmel…
Mhux ta’ b’xejn ħassejtni lura tletin sena… u x’kien isir fil-Kunsill tal-Ewropa biex jitbaxxa isem il-gvern Laburista ta dak iż-żmien, u fil-fatt il-ġieħ ta’ Malta.

***

JUNCKER U L-QAGĦDA TAL-UNJONI

Kieku ma kinitx għall-ġrajja tan-nomina ta’ Leo Brincat, kont nitkeb aktar illum dwar id-diskors li għamel Jean Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qagħda llum tal-Unjoni Ewropea. Kien diskors mistenni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew. Wara l-Brexit, kulħadd jifhem kif l-isfidi u l-problemi quddiem l-Unjoni Ewropea għaqdu qatigħ. X’se jiġri? Kif se jinħallu? Il-kapijiet tal-gvernijiet se jkunu qed jiltaqgħu fi Bratislava biex jiddiskutu l-futur. Imma għandhom xi proposti? U tal-Kummissjoni Ewropea x’inhuma?
Bl-istil biered tiegħu, Juncker għamel diskors twil u dettaljat dwar kif jara li l-affarijiet għandhom jimxu ’l quddiem. Semma tista’ tgħid it-temi kollha li l-Unjoni Ewropea trid tittratta u għamel hekk b’mod ċar, ġieli dettaljat. Semma kif il-Fond imsejjaħ ta’ Juncker għall-investiment, se jiġi kważi rdoppjat. Qajjem il-prospett li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa politika tad-difiża tagħha, u mhux biss biex tikkombatti t-terroriżmu.
Ma tistax tgħid li kien diskors ħażin. Imma fid-dettall sħiħ tiegħu, forsi wassal biex tintilef il-viżjoni… jekk kien hemm waħda. Uħud qalu li mill-ġdid, il-Kummissjoni qed tipproponi li nkomplu sejrin kif morna sa issa. Oħrajn saqsew: imma x’inhuma l-prioritajiet li jrid jipproponi Juncker? U oħrajn terġa’ sostnew li l-Kummissjoni Ewropea taf li l-ballun mhux f’riġlejha, u l-logħba tinsab f’idejn il-kapijiet tal-gvenrijiet. U allura qed turi li kwalunkwe logħba li dawn jixtiequ jilagħbu, hi se tkun lesta għaliha.

Facebook Comments

Post a comment