Is-suġġett ma jitqajjimx daqstant ta’ spiss (għalkemm aktar ta’ spiss dan l-aħħar), imma l-problema hemm tinsab. Ħafna jippreferu jwarrbu kull diskussjoni dwarha, sakemm ma tkunx tikkonċerna xi wieħed mill-pajjiżi ż-żgħar membri tal-Unjoni Ewropea, fejn allura dwaru, wieħed jista’ jitkellem bla kantunieri. Biss x’aktarx li mhux l-istess meta fin-nofs, ikun hemm imdaħħla l-pajjiżi l-kbar membri tal-Unjoni. Wieħed mistenni jkollu kull fiduċja li qed jagħmlu minn kollox biex jilqgħu għall-korruzzjoni fi ħdanhom.
Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapport dwar il-korruzzjoni fis-sena 2014. Kellha l-impenn li tibqa’ toħroġ rapport simili kull sentejn. Imma meta waslet is-sena 2016, ittieħdet id-deċiżjoni li ma jsirux aktar rapporti ta’ dat-tip. Minflok, il-Kummissjoni qalet li se tibda titratta s-suġġett, pajjiżi b’pajjiż, fir-rapport li tagħmel kull sena dwar l-andament ekonomiku fl-Ewropew u dwar kif il-pajjiżi membri jkunu qed imexxu l-finanzi tagħhom (il-proċess hekk imsejjaħ tal-“European semester”). Madankollu għas-sena 2017, fir-rapport tas-“semester” ftit li xejn kien hemm diskussjoni dwar il-korruzzjoni. Issa, tassattivamemt il-Kummissjoni impenjat ruħha li ddaħħal das-suġġett, speċjalment għal ċerti pajjiżi, fis-“semester” li jmiss… meta l-mandat tagħha jkun wasal biex jintemm.

FIL-PAJJIŻI DIFFERENTI

Veru li għaddew erba’ snin mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-korruzzjoni. Xorta jibqa’ interessanti li naraw fuq fuq x’inkiteb fih. Ir-rapport hu magħmul minnn analiżi u rakkomandazzjonijiet, preżentati alfabetikament pajjiż pajjiż, dwar x’għandu jsir ħalli l-opportunitajiet għall-korruzzjoni jitrażżnu. L-istil hu wieħed prudenti u kawt, imma fih insibu spunti siewja dwar l-ispazju miftuħ għall-korruzzjoni fl-Ewropa.
Hawn, se nġib fil-qosor il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni sakemm naslu sa Malta. (Il-konklużjonijiet dwar l-għaxar pajjiżi l-oħra narawhom xi darb’oħra.) Minkejja ż-żmien li għaddda minn meta tħejja r-rapport, ftit hemm dubju li l-affarijiet ma tantx inbidlu.
AWSTRIJA Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ġiet imsaħħa bi sforzi ta’ prevenzjoni u prosekuzzjoni. L-Awstrija għad baqalha tiżgura li jkun hemm riżorsi meħtieġa biex prosekuturi speċjalizzati jmexxu każi ta’ korruzzjoni ’l quddiem. Għandha ssir ħaġa aktar faċli biex tinġab informazzjoni mill-banek f’każi fejn iqumu suspetti ta’ korruzzjoni.
BELĠJU Għalkemm il-pajjiż għandu struttura tajba biex il-korruzzjoni tiġi investigata, jista’ jsir aktar. Minħabba li hu maqsum f’diversi partijiet fuq bażi federali u reġjonali, il-biża’ hu li l-korruzzjoni ma tiġix ittrattata b’mod konsistenti. Regoli ta’ etika għandhom jiddaħħlu għall-uffiċjali kollha, eletti jew maħtura, fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni.
BULGARIJA Minkejja r-riformi li ddaħħlu, il-korruzzjoni għadha rampanti. Il-Bulgarija għandha tħares lill-istituzzjonijiet li jaġixxu kontra l-korruzzjoni minn indħil politiku u jeħtiġilha tappunta l-mexxejja tagħhom b’mod trasparenti skont il-mertu.
ĊIPRU Għalkemm iddaħħlet liġi kontra l-korruzzjoni u twaqqaf korp biex jikkordina l-ħidma kontriha, in-numru ta’ każi li tressqu quddiem il-qrati baqa’ ċkejken wisq. Hemm bżonn li jissaħħu l-għodod ta’ investigazzjoni fi ħdan il-pulizija u jiddaħħlu kodiċi ta’ kondotta għal uffiċjali, eletti jew maħtura.
KROAZJA Minkejja li twettaq xi progress fit-trażżin tal-korruzjoni, il-Kroazja tagħti emfażi akbar lill-modi kif taqbad każi ta’ korruzzjoni, mentri għandha tikkonċentra wkoll fuq il-metodi meħtieġa biex ma jħalluhiex isseħħ. Il-pajjiż għandu jdaħħal strateġija maħsuba biex toħnoq abbużi fis-settur publiku meta jinxtraw materjali u servizzi (public procurement), inkluż fil-qasam tas-saħħa.
(REPUBLIKA) ĊEKA Baqgħu jippersistu problemi fil-prattiċi li bihom isir ix-xiri tal-gvern u fl-użu ta’ fondi publiċi. Xejn ma rnexxew liġijiet maħsuba biex jeliminaw konflitti ta’ interess fis-servizz publiku. Il-fondi li jużaw partiti politiċi fil-kampanji elettorali għandhom jiġu pubblikati.
DANIMARKA Il-pajjiż hu fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea għal trasparenza, integritá u kontroll tal-korruzzjoni. Baqa’ xi titjib ta’ kontrolli fuq il-finanzjament tal-partiti politiċi u fil-prosekuzzjoni ta’ kumpaniji involuti f’tixħim barra l-pajjiż.
ESTONJA Għalkemm paragunati ma’ pajjiżi oħra, l-livelli ta’ korruzzjoni huma baxxi, jistgħu jsiru aktar sforzi biex titjieb it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u fix-xiri ta’ materjal u servizzi li jagħmel il-gvern.
FINLANDJA Dan hu pajjiż ieħor li jinsab fil-quċċata tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea imma kien hemm xi każi ta’ korruzzjoni fuq livell għoli li nvolvew mexxejja ta’ biżness u ħlasijiet lil politikanti għal kampanji elettorali. Il-Finlandja għandha tobbliga kunsilli lokali u reġjuni li jkunu trasparenti meta jgħaddu kuntratti lis-settur privat.
FRANZA Iddaħħlu liġijiet li ċċaraw il-konflitti ta’ interessi li baqgħu jinqalgħu bejn politiċi, uffiċjali eletti u uffiċjali publiċi oħra. Imma baqgħu ma ġewx indirizzati problemi ta’ korruzzjoni fis-settur tax-xiri tal-gvern u fil-qasam ta’ negozji internazzjonali.
ĠERMANJA Mitqiesa hi wkoll bħala wieħed mill-aktar pajjiżi armati kontra l-korruzzjoni – skont il-Kummissjoni Ewropea – il-Ġermanja kienet tmur aħjar kieku kellha ddaħħal pieni stretti għal uffiċjali eletti li jinstabu ħatja ta’ korruzzjoni. Ukoll, għandha bżonn ta’ politika biex ma tħallix uffiċjali publiċi jmorru jaħdmu mal-kumpaniji privati li kienu jkunu ssorveljaw meta kienu għadhom fis-servizz pubbliku.
GREĊJA Il-korruzzjoni għadha tqanqal “sfidi konsiderevoli” bil-qasam tax-xiri tal-gvern li joffri l-akbar riskji. Hemm bżonn ta’ sorvelja aktar qawwija ta’ kif il-partiti jiġu finanzjati u tad-dikjarazzjoni tal-interessi tal-politiċi.
UNGERIJA Hemm numru ta’ mistoqsijiet dwar kif isiru ċerti affarijiet, bħal fir-rabtiet bejn negozjanti u politiċi lokali. Hemm bżonn ta’ ħidma aktar qawwija ta’ tisħiħ kontra l-korruzzjoni f’ħafna oqsma, fosthom fil-finanzi tal-partiti politiċi, is-sistemi ta’ xiri li jmexxi l-gvern, konflitti ta’ interess fost uffiċjali publiċi, u aktar kontabilità min-naħa ta’ uffiċjali eletti u mpjegati.
IRLANDA Waqt li twettqu riformi sostanzjali fil-politika ta’ kontra l-korruzzjoni, baqa’ xi jsir biex każi ta’ korruzzjoni fil-qrati jitmexxew malajr, u biex jiġu ċċarati l-modi kif jiġu finanzjati l-partiti politiċi, l-elezzjonijiet, kampanji tar-referendum, u kunflitti ta’ interess fl-amministrazzjoni publika.

X’JAĦSBU N-NIES, X’JAFU N-NIES

LITWANJA Jeżisti qafas legali wiesa’ li twaqqaf b’impenn biex jipprevjeni u jikkombatti l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea hi tal-parir li jkun aħjar jekk l-Litwanja tagħti priorità lill-każi l-kbar u tikkonċentra fuq il-kontroll ta’ korruzzjoni fil-bejgħ u x-xiri tal-gvern, speċjalment fl-oqsma lokali u f’dak tal-saħħa.
LUSSEMBURGU Il-korruzzjoni “żgħira” prattikament mhijiex problema. Jeżistu sistemi effettivi biex irażżnu l-korruzzjoni fis-settur publiku. Madankollu, tgħid il-Kummissjoni, “iċ-ċokon u n-natura magħluqa tal-komunità tan-negozju, kif ukoll in-nuqqas ta’ regoli dwar il-lobbying… ikattru r-riskju ta’ konflitti ta’ interess”.
MALTA Ingħatat priorità lill-prevenzjoni tal-korruzzjoni u ddaħħlu riformi favur aktar trasparenza. Xorta waħda baqa’ problemi: fil-finanzjament tal-partiti politiċi; fil-kordinament bejn l-istituzzjonijiet ta’ kontra l-korruzzjoni: dan irid jitjieb; fit-trasparenza fil-ħatriet tal-ġudikatura; u fid-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar ambjentali u l-bini.

***

Għalissa, tajjeb li nħallu dan kollu bla kumment. Biss hemm informazzjoni oħra fir-rapport tal-Kummissjoni, li ta’ min isemmi. Waqt li r-rapport kien qed jitħejja, sar stħarriġ ta’ opinjoni fost iċ-ċittadini Ewropej tal-pajjiżi kollha. Għall-mistoqsija dwar jekk il-korruzzjoni hijiex mifruxa f’pajjiżhom, aktar minn tliet kwarti tal-Ewropej kollha qalu iva. Fil-Greċja, qalu iva 99 fil-mija; fl-Ungerija, 89 fil-mija; f’Malta, 83 fil-mija; fi Franza, 68 fil-mija; fil-Lussemburgu, 42 fil-mija; fid-Danimarka, 20 fil-mija.
Liċ-ċittadini Ewropej, għamlulhom il-mistoqsija dwar jekk fl-esperjenza tagħhom, huma ġewx mitluba jew mistennija jħallsu flus biex ixaħħmu. 4 fil-mija tal-Ewropej kollha, qalu iva. Qalu iva, fl-Ungerija 13 fil-mija; fil-Greċja, 7 fil-mija; fi Franza, 2 fil-mija; fil-Lussemburgu, 1 fil-mija; fid-Danimarka, anqas minn 1 fil-mija. Ma jidhirx li l-mistoqsija saret f’Malta.

Facebook Comments

Post a comment