F’Marzu ta’ dis-sena, il-Kummissjoni Ewropea nediet id-diskussjoni tagħha dwar il-futur tal-Ewropa billi ħarġet White Paper fejn ippreżentat dawk li sejħet ħames “xenarji” dwar kif tista’ tiżviluppa l-Unjoni Ewropea, skont x’se jkunu x-xewqat tal-gvernijiet u tal-popli. F’dak l-istadju, il-Kummissjoni stqarret li ma kinitx se tesprimi l-preferenza tagħha imma tħalli lil ħaddieħor jgħid tiegħu.
Biss, qalet ukoll li kienet fil-ġimgħat ta’ wara, sejra tippublika dokumenti oħra b’riflessjonijiet dwar oqsma ewlenin tat-tmexxija Ewropea. Qasam imsemmi għal dan kellu jkun l-iżvilupp taż-żona tal-ewro. U d-dokument jew studju dwar das-suġġett fil-fatt ħareġ ġimagħtejn ilu. Tajjeb li nagħtuh ħarsa.

FEJN WASALNA

Id-dokument hu maqsum f’ħames kapitli, bl-ewwel wieħed introduzzjoni li tpoġġi sfond għall-ġrajja kollha tal-ewro. Mill-introduzzjoni, nifhmu sew li meta jiddiskuti l-futur, l-istudju tal-Kummissjoni se jdur ħafna lejn rapport ieħor dwar l-istess suġġett. Kien inħareġ f’Ġunju 2015 mill-presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew, tal-ewrogrupp u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Appuntu mlaqqam ir-rapport tal-ħames presidenti, dan kien poġġa miri biex iż-żona tal-ewro tilħaq għaqda ekonomika u finanzjarja totali sas-sena 2025.
Dan kellu jsir billi sal-aħħar tal-Ġunju li ninsabu fih, 2017, jintużaw il-mezzi li jipprovdu t-trattati eżistenti ħalli jittieħdu passi ċkejkna lejn konverġenza fiskali: jiġifieri, l-baġits tal-gvernijiet membri tal-ewro jkunu kollha qed jitmexxew fuq l-istess linja u jagħtu l-istess riżultati (pożittivi).
Wara, kellu jibda t-tieni stadju li seta’ jwassal sas-sena 2025, jew f’ċerti każi anki qabel. Jiddaħħlu b’bidla fit-trattati bejn il-membri, miżuri tassattivi f’sura legali biex jorbtu flimkien lill-pajjiżi membri f’konverġenza akbar u dejjem aktar soda. Iż-żona tal-ewro kellha tiġi ddotata b’teżorerija tagħha. It-tielet stadju wkoll kellu jwassal l-aktar sas-sena 2025, meta l-għaqda ekonomika u monetarja tkun kompluta.
Fil-fatt, id-dokument tal-kummissjoni jibni ħafna fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-ħames presidenti, waqt li jsemmi kif il-ħidma biex dawn jitwettqu waqgħet lura sew.

PASSI ’L QUDDIEM

Sadattant, it-tieni kapitlu tad-dokument tal-Kummissjoni jifli l-istorja taż-żona ewro mill-kraxx tas-sena 2008 ’il quddiem, kraxx li kien kixef beraħ id-dgħufijiet tas-sistema tal-ewro. Din resqet qrib il-kollass. Biex jevitawh, il-mexxejja taż-żona ħadu diversi miżuri ħarxa ta’ ħarsien. Irnexxielhom b’ħafna kompromessi u sagrifiċċji jżommu kollox fil-wiċċ. Ħolqu sensiela ta’ miżuri u proċeduri fil-pajjiżi membri biex jilqgħu għall-buffuri finanzjarji qawwija.
Fosthom insibu l-kordinament aqwa u aktar strett fit-tmexxija tal-baġits tal-pajjiżi membri skont il-kondizjonijiet maqbula fil-Patt ta’ Tkabbir (Ekonomiku) u Stabbiltá li minnu kienet telqet iż-żona tal-ewro fis-snin disgħin tas-seklu l-ieħor. Insibu t-twaqqif ta’ fond — il-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltá Ewropea — biex jagħti appoġġ lil gvernijiet li jkunu qed jaffaċċjaw għawġ finanzjarju. Iddaħlet sorvelja u regolamentazzjoni aktar stretta ta’ banek importanti Ewropej, ħalli ma jerġax jiġri li xi wieħed mill-banek il-kbar ikun se jerġa’ jfalli u jkollu jidħol il-gvern biex isalvah, b’sogru li anke l-gvern innifsu għoddu jfalli, kif ġara fl-Irlanda. Iddaħħlet skema mal-Ewropa li qed tiggarantixxi d-depożiti fil-banek taċ-ċittadini sa 100,000 ewro.
Dawn il-miżuri ttieħdu wkoll bħala parti minn sforz biex fi ħdan iż-żona tal-ewro, tinbena għaqda bankarja… jiġifieri li l-banek Ewropej ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ tmexxija. U magħha fl-istess żmien, biex tinbena unjoni tas-swieq kapitali: jiġifieri li jiddaħħlu regoli jixxiebhu fis-swieq ta’ kull pajjiż Ewropew fejn jinbiegħu l-ishma u ċ-ċedoli ta’ self.
Il-passi li ttieħdu rnexxew. Hekk tisħaq il-Kummissjoni. Mhux biss l-ewro ma kkollassax kif kien hemm min qed ibassar. Talli wara numru ta’ snin li l-investimenti naqsu mal-Ewropa kollha, issa qed jerġgħu joktru, għalkemm għadhom lura milli jilħqu l-livelli ta’ żminijiet oħra. L-istess ir-rata tal-qgħad, li għalkemm għadha għolja, fl-aħħar qed tbatti sew. Kemm ilha li tnediet il-Kummissjoni Juncker, issostni din fid-dokument tagħha (u hawn qed titkellem fuqha nnifisha), it-tmexxija tal-ewro qed tinżamm b’suċċess fuq tliet binarji: it-tkattir tal-investiment; it-twettiq ta’ riformi strutturali; u t-tbegħid tad-deficits fil-baġit tal-gvernijiet.
Madankollu, l-istudju tal-Kummissjoni jargumenta li l-istrutturi ta’ ħarsien li nbnew sa issa kollha kienu bi tweġiba għat-twegħir li nqala’. Huma strutturi ħafna aqwa minn dawk tal-bidu u saru kapaċi jilqgħu għall-gwaj… imma l-istat ta’ kriżi għadu ma ntemmx għal kollox.

L-GĦAQDA EKONOMIKA U MONETARJA

Allura, fit-tielet kapitlu tal-istudju tagħha, il-Kummissjoni tispjega għaliex… fil-fehma tagħha… jeħtieġ progress ġdid lejn għaqda ekonomika u monetarja sħiħa. Ir-raġunijiet li ġġib huma tekniċi. M’għandniex spazju hawn biex infissruhom fid-dettall.
Il-Kummissjoni targumenta li ż-żona tal-ewro teħtieġ li żżid fit-tkabbir ekonomiku tal-membri differenti tagħha. Fl-aħħar snin ta’ kriżi, l-istendards soċjali u ekonomiċi tal-membri tbiegħdu minn xulxin. Jeħtieġ li jerġgħu jinġabu qrib xulxin (jiġifieri f’konverġenza bejniethom). Dan jitwettaq, tgħid hi, billi kollha jkomplu jwettqu aktar riformi “strutturali” biex jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom u jagħmluhom aktar b’saħħithom ħalli jilqgħu għall-kriżijiet li jiġu fuqhom. (Personalment, din naraha bħala ħrafa perikoluża li sar jemminha kulħadd!)
Issa, l-iżviluppi msemmija jridu jsiru bħala parti minn progress lejn l-għaqda bankarja u l-għaqda tas-swieq kapitali li nbdew diġá imma li għadhom nofs triq jew anqas.
Fil-fehma tiegħi ftit hemm ġdid f’dan kollu. Il-proposti jmorru fis-sens li dak li nbeda, aħjar jitkompla sal-aħħar. Biss il-Kummissjoni tgħid ukoll li biex l-għaqda ekonomika u monetarja ssir torbot tassew, jeħtieġ tisħiħ fil-mod kif titmexxa – fil-governanza tagħha. Bħalissa l-istituzzjonijiet li jeżistu biex imexxuha jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom b’mod komplikat li ħafna ma jifhmux.
ILHOM JISSEMMEW

Is-suġġerimenti li tressaq il-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar żewġ kapitli tad-dokument tagħha, huma wkoll, ilhom jissemmew. Ikomplu jinforzaw l-ideat li pproponew il-ħames Presidenti. Fost uħud minnhom nerġgħu nsibu, barra naturalment mit-tkomplija sal-aħħar tal-għaqda bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali:

–il-ħolqien ta’ Fond Monetarju Ewropew, li jservi bħala l-bank ta’ salvataġġ għall-pajjiżi membri taż-żona ewro. Dan fil-fatt ikun tkomplija tal-fond li diġa jinsab imwaqqaf imma li qed jinbena bil-mod;
–il-ħolqien ta’ skema li tipprovdi assigurazzjoni lill-gvernijiet tal-ewro fuq is-servizzi soċjali li jagħtu għall-qgħad, u ta’ skema oħra li tiggarantixxi l-investimenti meta f’pajjiż jew ieħor jinqala’ saram ekonomiku;
–il-ħolqien ta’ Teżorerija ċentrali tal-ewro, li sservi bħala ministeru tal-finanzi għaż-żona;
–l-ewrogrupp, bħala l-kumitat li jidderieġi l-operat taż-żona, jingħata rikonoxximent fit-trattati Ewropej u jitmexxa minn Kummissarju fi rwol permanenti;
–jibdew jinħarġu ċedoli komuni ta’ self publiku li jkollhom il-garanzija tal-membri kollha taż-żona.
Il-Kummissjoni tpoġġi s-sena 2025 bħala d-data limitu għat-twettiq tal-inizjattivi li tipproponi, l-istess bħal ma għamlu l-ħames presidenti fil-programm tagħhom. Fuq hekk, hemm ħafna xi tgħid. Trid tgħidu mil-lat tal-interessi taż-żona tal-ewro kollha kemm hi, u mil-lat tal-pajjiżi indivdwali, kemm kbar, kemm żgħar. Ċertament, is-suġġett mhux għal snien kulħadd. Imma hu suġġett li llum u għada, se jolqot il-but ta’ kulħadd.
Kif ma nieqafx nirrepeti, l-ewro hi l-munita nazzjonali tagħna lkoll. X’qed jiġri minnha, jaffettwa l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Għalhekk id-dokument tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-ewro, minkejja li hu tekniku ħafna – ħaġa li biex inkun ġust magħha, l-Kummissjoni Ewropea tammetti – mhux talli m’għandniex ninjorawh, talli għandna nifluh u niddiskutuh b’mod aktar serju u qawwi milli għamilna sa issa f’Malta fir-rigward ta’ materji tal-akbar importanza li għandhom x’jaqsmu mat-tmexxija taż-żona ewro.

Facebook Comments

Post a comment