Kien hemm żmien meta l-Mediterran bħala żona ġeografika, politika u ekonomika kien ċentrali għall-politika barranija ta’ Malta. Il-gvern kien jissettja l-miri diplomatiċi tiegħu skont il-fehma li l-paċi u l-koperazzjoni bejn il-ġnus tal-Mediterran kellha tkun priorità fil-ħidma tal-Ewropa u tal-istess pajjiżi ta’ madwar il-Baħar. Dan ġara l-aktar matul is-snin sebgħin u parti mis-snin tmenin tas-seklu l-ieħor, imma mhux biss.
Għadhom jissemmew l-isforzi li kien għamel il-gvern soċjalista tas-snin sebgħin biex fil-ftehim dwar sigurta u koperazzjoni fl-Ewropa idaħħal referenza qawwija għall-ħtieġa li s-sigurtà fil-Mediterran titqies bħala parti essenzjali mis-sigurtà Ewropea. Għal das-suċċess li nkiseb b’ħafna tilwim diplomatiku, Malta wara ħallset prezz pjuttost qawwi. Kien għadu ż-żmien meta l-konfront bejn iż-żewġ Superpotenzi tal-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika kien qalil, imma t-tnejn ma xtaqux li jdaħħlu l-Mediterran fil-ftehim dwar sigurtà Ewropea.
Ġraw bidliet enormi minn dak iż-żmien lil hawn. L-Unjoni Sovjetika kkollassat u l-Unjoni Ewropea kompliet tinfirex. Il-globalizzazzjoni waslet f’kull rokna tad-dinja, waqt li t-teknoloġija – speċjalment dik diġitali – għamlet avvanzi liema bħalhom u bidlet il-mod kif in-nies tgħix u l-pajjiżi jitmexxew.
F’Malta, wara li l-gżira daħlet fl-Unjoni Ewropea, l-interess f’politika Mediterranea naqas. Jew aħjar, tant sirna mehdijin bil-politika Ewropea li konna ġejna parti minnha – mehdijin ukoll fuq kif kienet qed taffettwana – li l-gvern Malti ftit kien baqagħlu ħin, riżorsi u ħajra biex jagħtiha daqstant importanza. Dil-problema għadha magħna sal-lum.

IT-TRAMUNTANA
Biss ir-realtajiet ġeografiċi ma jinbidlux. Malta għadha fin-nofs tal-baħar Mediterran. Hu baqa’ baħar li jinsab bejn l-Afrika u l-Ewopa, u li mil-lvant tiegħu jiftaħ għal fuq l-Asja. Il-gvernijiet Maltin li nsistew fuq hekk, kellhom raġun jgħidu li s-sigurtà u l-paċi fl-Mediterran huma marbutin ċoff ma’ dawk tal-Ewropa. Il-punt għadu jgħodd sal-lum.
Aspett ieħor li jaffettwa x’seta’ jiġi propost, kien li n-naħa tat-tramuntana tal-Mediterran kellha sistemi ta’ tmexxija politika, ekonomiji, drawwiet u reliġjonijiet differenti minn dawk tas-sud. F’dan, donnu eżistiet fruntiera bejn tramuntana u sud li taqsam minn nofs il-baħar. Anki l-livelli ta’ għajxien kienu differenti. It-tramuntana, mitqiesa bħala parti sħiħa mill-Ewropa, kellha livelli tal-għajxien baxxi għal baxxi ħafna komparati man-nord u ċ-ċentru tal-Ewropa, imma xorta kienu ogħla sew minn dawk tal-Afrika ta’ Fuq. Storikament imbagħad, fl-aħħar sekli, uħud mill-ġnus tat-tramuntana kienu ħakmu l-ġnus tas-sud u mexxewlhom pajjiżhom bħala kolonja.
Jiġifieri, daqskemm seta’ kien hemm interessi li jixtiebħu bejn nord u sud tal-Mediterran, daqstant ieħor jekk mhux aktar, mill-bidu nett kien hemm diverġenzi. Mhux l-anqas fost id-differenzi, spikkaw il-modi ta’ tmexxija tal-pajjiżi rispettivi. Sas-snin sittin tas-seklu l-ieħor, forsi wieħed kien jista’ jargumenta li bejn Spanja (taħt Franco), il-Portugall li nqisuh bħala pajjiż Mediterraneu għalkemm jagħti fuq l-Atlantiku (taħt Salazar), u l-Greċja (taħt id-ditattura tal-kurunelli tal-armata) it-tmexxija kienet dittatorjali – mhux wisq differenti mit-tmexxija awtoritarja u militari li kellhom l-Eġittu, it-Tuniżija, il-Marokk u l-Alġerija.
F’temp ta’ għaxar snin, din l-istampa nbidlet u t-tliet pajjiżi Ewropej tat-tramuntana saru demokraziji parlamentari. Malajr indehsu aktar mal-Unjoni Ewropea sakemm f’qasir żmien daħlu membri sħaħ tagħha. Malta segwiethom ftit tas-snin wara.
B’riżultat ta’ hekk, il-firda bejn il-pajjiżi tat-tramuntana u tan-nofsinhar tal-Mediterran kibret, politikament u ekonomikament. Dan għax sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet tfisser fost affarijiet oħra, li r-rabtiet politiċi bejn l-istati membri jieħdu priorità fuq rabtiet oħra. Naqas l-ispazju li fih il-pajjiżi Ewropej tal-Mediterran setgħu jifirxu rabtiet mas-sud b’mod li jkun jaqbel mal-profil nazzjonali tagħhom. Ir-rabtiet imħassla kellhom ukoll ikunu konformi ma’ regoli u ħteġiet li jirriflettu l-interessi tal-Unjoni Ewropea bħala enti waħda.
L-istess ħaġa ġrat, u b’akbar qawwa, fil-qasam ekonomiku. B’akbar qawwa għax ir-regoli ekonomiċi u finanzjarji fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea huma aktar tassattivi u dettaljati minn kwalunkwe linja oħra ta’ tmexxija, speċjalment fiż-żona tal-ewro. U mill-Portugall sal-Greċja, in-nord tal-Mediterran malajr spiċċa parti miż-żona tal-ewro.
Wieħed jista’ jargumenta – kif nagħmel jien – li dan l-iżvilupp naqqas sostanzjalment mill-ħila u mill-ħeġġa tal-pajjiżi tat-tramuntana tal-Mediterran biex isostnu rabtiet effettivi mal-ġirien tagħhom fis-sud tal-Baħar. Bħal f’pajjiżna, kellhom jagħtu priorità lill-politika Ewropea, barra milli r-rabtiet Ewropej naqqsulhom mill-possibiltà li jagħmlu arranġamenti partikolari pajjiż ma’ pajjiż. Per eżempju, l-Unjoni Ewropea insistiet kemm-il darba biex hi tkun imdaħħla f’inizjattivi għal koperazzjoni fil-Mediterran li jkunu qed jiġu diskussi bejn gruppi ta’ pajjiżi tar-reġjun. Fost dawk li saħqu l-aktar dwar dil-ħaġa kien hemm il-Ġermanja.

SE TINĦALL?

Madankollu, għalkemm rari tissemma, naħseb li l-aqwa xkiel għall-iżvilupp ta’ politika Mediterranea aktar dinamika ġie mill-fatt li l-pajjiżi ta’ fuq tal-Mediterran kienu fost l-agħar li ntlaqtu mir-riċessjoni tal-2008 u wara. Kważi kollha kienu fost l-istati membri li kellhom isostnu politika ħarxa ta’ awsterità biex iżommu fil-wiċċ fiż-żona tal-ewro. Dan il-proċess baqa’ għaddej għal snin twal. F’ċerti aspetti tiegħu għadu ma ntemmx.
Quddiem ċirkostanzi hekk, hi ħaġa ċara li l-impenn ta’ dawn il-pajjiżi biex jistinkaw favur politika Mediterranea se jixxellef. Kienu jissemmew inizjattivi ġodda biex f’għaqda bejn il-pajjiżi tal-Mediterran jikber il-kummerċ u l-investiment komuni imma f’ħafna każi l-proposti baqgħu fuq l-ixkaffa. Anki t-tkomplija ta’ proġetti mibdija tkarkar, mhux l-anqas għax fit-twettiq tal-awsterità, il-pajjiżi tat-tramuntana tal-Mediterran naqqsu ħafna mill-impenji tagħhom ta’ investiment fl-istess pajjiżhom. Ukoll, minħabba li kienu magħdura ekonomikament, is-saħħa u l-prestiġju tagħhom fi ħdan l-Unjoni waqgħu lura. Kollha raġunijiet dawn li jispjegaw għaliex (minkejja li jintqal mod ieħor) inħallu ħafna mill-isforzi li setgħu ġew żviluppati mill-pajjiżi tat-tramuntana, biex titfassal politika Mediterranea li tmur lil hinn minn kliem sabiħ.
Intesew jew tħallew fil-ġenb ħafna mill-proposti għal koperazzjoni bejn it-truf kollha tal-Mediterran li kienu saru fid-deċennji ta’ qabel, bħal f’dak li kien jissejjaħ il-proċess ta’ Barcellona. Il-pass li bih kienu jitfasslu l-proġetti u jibdew jitwettqu (qatt ma kien wisq ħafif) tilef ir-ritmu. Hu minnu li l-ftehimiet ta’ “assoċjazzjoni” bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq baqgħu jitħaddmu. Permezz tagħhom, l-Unjoni kienet u għadha tagħti dħul preferenzjali (bla ma twaħħal dazji) fuq prodotti industrijali li jesportaw il-pajjiżi tal-Afrika… imma m’hemmx daqstant minnhom. Tagħti dħul preferenzjali wkoll fuq ċerta esportazzjoni tal-biedja minn dawn il-pajjiżi. Biss baqgħet attenta biex b’dawn l-arranġamenti ma jintlaqtux ħażin il-bdiewa tagħha.
Dan kollu qatt ma seta’ jammonta għal xi fawra ta’ politika Medierranea fuq l-iskala li fl-imgħoddi kienu joħolmu dwarha gvernijiet bħal dawk ta’ Malta. Biex inkunu għedna kollox, ir-raġunijiet li jaħtu għal dan ma kellhomx kollha x’jaqsmu mal-“bruda” tan-naħa tat-tramuntana tal-Mediterran. Fil-pajjiżi tas-sud ukoll, fl-Afrika ta’ Fuq, seħħew bidliet li daħħlu inċertezzi ġodda u żammew lura kwalunkwe rankatura fil-koperazzjoni Mediterranea. Ġrajjiet qliel li seħħu fil-Lvant Nofshani komplew isostnu dan l-istaġnar.
Għalhekk meta nerġgħu nkomplu nitkellmu fuq kif żviluppaw ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Mediterran, ikun jaqbel li nagħtu ħarsa lejn x’kien qed jiġri sadattant fil-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Baħar l-Abjad, kif isejħulu l-Għarab.

Facebook Comments

Post a comment