Ir-riżultat elettorali fil-Ġermanja għall-Bundestag il-ġdid qanqal sensazzjoni. Kif mistenni, Angela Merkel u l-partiti “tagħha” (miċ-ċentru-lemin, is-CDU, u s-CSU tal-Bavarja) rebħu maġġoranza relattiva. Se jerġgħu jidderieġu gvern ta’ koalizzjoni. Imma kisbu 10 punti ta’ persentaġġ anqas tal-voti minn erba’ snin ilu. Immexxija minn Martin Schulz, l-eks-President tal-Parlament Ewropew, is-soċjal-demokratiċi (ċentru xellug) spiċċaw bi ftit aktar minn 20 fil-mija tal-vot, kważi 4 punti ta’ persentaġġ anqas mill-aħħar elezzjoni – l-agħar riżultat tagħhom minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Schulz iddikjara minnufih li s-soċjal-demokratiċi mhux se jidħlu f’koalizzjoni oħra ma’ Merkel, kif kienu qabel l-elezzjoni.
Fil-Bundestag se jkun hemm issa sitt partiti: barra mit-tnejn li semmejna, il-Ħodor; il-Partit tax-Xellug; il-Liberali, li reġgħu lura fi wara li baqgħu barra fl-aħħar elezzjoni għax ġabu anqas minn 5 fil-mija tal-voti; u l-partit imsejjaħ AfD – Alternattiva għall-Ġermanja, li spiċċa t-tielet l-aqwa fil-Parlament, wara ta’ Merkel u ta’ Schulz, b’aktar minn 13.5 fil-mija tal-voti.
Kien is-suċċess, akbar milli mistenni, tal-AfD li qajjem rebus. Hu mitqies parti mil-lemin estrem, populist. Din l-ewwel darba li daħal fil-Bundestag, għalkemm jinsab f’diversi parlamenti tal-istati Ġermaniżi. Ħafna jqisuh bħala fl-istess linja tan-Nazi. U minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, l-ebda partit tal-lemin estrem qatt ma rnexxielu jasal sal-Bundestag. Minn hekk il-kjass.

IL-ĦSUS TAL-POPULIŻMU

Sa ġimagħtejn ilu, fiċ-ċrieki influwenti tal-politika Ewropea, is-sentiment kien li wara l-Brexit u l-wasla ta’ Trump fid-Dar il-Bajda, bir-rebħa ta’ Macron fi Franza u d-disfatta tal-partit populist fl-elezzjoni tal-Olanda mmexxi minn Gert Wilders, il-qagħda kienet iċċarat. It-theddida li l-Ewropa se tinqabad fl-għafsa populista kien twarrab. Għalhekk ukoll li fid-diskors tiegħu dwar il-qagħda tal-Unjoni Ewropea fil-Parlament tliet ġimgħat ilu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, wera ruħu fiduċjuż li l-Unjoni tista’ ttellaq proġetti ġodda ta’ għaqda. Tkellem kmieni wisq?
Biex tirrispondi tajjeb għal dil-mistoqsija, trid tqis x’jirrapreżenta l-populiżmu fl-Ewropa bħalissa. Inutli li turih bħalha forza mxajtna miexja fuq l-art. Żgur li hemm ħafna u ħafna ċittadini Ewropej diċenti, serji u qalbhom tajba li jivvotaw għall-populisti. Jarawhom bħala l-għażla t-tajba għalihom u għal familthom. Wieħed allura jrid jifhem għaliex qed jiġri hekk.
Il-ħsus tal-populiżmu modern fl-Ewropa tal-lum jinsabu fis-sens ta’ insigurtà li qed iġarrbu miljuni fuq miljuni ta’ ċittadini u familji. L-istess ġara f’epoki oħra tal-istorja Ewropea, għalkemm f’dawk il-waqtiet, ir-raġunijiet għall-insigurtà kienu jkunu differenti.
Illum, l-effetti tal-kriżi tal-2008 għadhom jinħassu, anke jekk l-ekonomija Ewropea tinsab għaddejja b’rankatura ġdida. Madankollu baqa’ wisq nies qgħeda jew b’xogħol prekarju jew bi dħul anqas minn dak li kienu mdorrija bih qabel. Tneħħa s-sens ta’ garanzija li l-prosperità se tissaħħaħ għal “kulħadd”. Minflok bħal kibret il-fehma li s-soċjetà Ewropea nqasmet wisq f’żewġ kampi tar-“rebbieħa” u tat-“telliefa”.
Dan kollu ġara u qed jiġri fl-isfond tal-globalizzazzjoni fejn tneħħew il-barrieri ekonomiċi. Biha, l-impjiegi, l-investimenti u l-fondi saru jitbandlu minn naħa għal oħra tad-dinja lejn fejn jinsabu l-aħjar profitti. Id-ditti l-kbar ma jimportahomx mid-dannu soċjali kbir għal komunitajiet li jitilfu l-fabriki “tagħhom” u għal impriżi iżgħar li jaqtgħu nifishom biex ilaħħqu mal-kompetizzjoni ġejja minn “barra”. Il-partiti politiċi l-kbar – tax-xellug, lemin, ċentru-lemin, ċentru-xellug – jidhru bla saħħa biex iħarsu lill-popli mill-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni.
Agħar minn hekk, donnhom qed jaċċettawhom. Filfatt, il-partiti “tradizzjonali” jidhru li tant saru jqarbu lejn xulxin, li m’hemmx x’tagħżel bejn il-proposti ta’ ħidma li joħorġu bihom. Kollha kważi l-istess – immirati biex iwittu t-triq għall-globalizzazzjoni, la ma tistax twaqqafha.

MAQTUGĦIN U ELITISTI

Il-proġett ta’ għaqda Ewropea usa’ – imtellaq b’ħerqa ġdida u qawwija f’nofs is-snin disgħin wara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika – beda jidher għal ħafna bħala parti minn din it-telqa politika quddiem l-effetti tal-globalizzazzjoni. F’Ewropa li hi magħmula fl-“essenza” tagħha minn nazzjonijiet, il-proċess ta’ għaqda imgħaġġla spiċċa jerġa’ jidher bħala sforz ieħor immirat biex il-ħajja tan-nies tinbidel b’mod li jibbenefika lil ħaddieħor, mhux lilhom. Dan l-effett inħass bil-kbir fil-każ tal-ewro, bi skoss differenti favur il-populiżmu, skont il-pajjiż. Fil-Ġermanja u l-Finlandja, il-populiżmu ħareġ kontra l-ewro, għax l-popli “bieżla” tat-tramuntana dehrilhom li qed jissusidjaw ta’ xejn b’xejn lil dawk “għażżenin” tas-sud. Fil-Greċja, l-Italja u Franza, il-populiżmu kien kontra l-ewro għax bih ħassew li qed tinqered il-fibra ekonomika tal-pajjiż, waqt li jitneħħa l-ħarsien meħtieġ għall-industrija lokali u għall-impjiegi.
F’das-sens għall-populiżmu, il-politiċi li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar kif titmexxa l-“Ewropa” huma maqtugħin mill-problemi u l-isfidi li ċ-ċittadini qed jaffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Jagħmlu parti minn elite privileġġjata li tpappiha tajjeb. Moħħhom biss filli jissodisfaw ir-regoli li bihom il-globalizzazzjoni u l-għaqda Ewropea jistgħu jsiru aktar effettivi bla ma jimportahom minn kif se jintlaqtu ż-żgħar. Fehmiet bħal dawn iqajmu dwejjaq, diżappunt, insigurtà u rabja. Tqum il-mistoqsija: lil min se nsibu biex jipproteġina?
Hekk jifhmu d-dinja ta’ madwarhom il-populisti.
It-tensjonijiet ħadu xejra splussiva fl-aħħar snin meta kompliet tiżdied l-immigrazzjoni lejn l-Ewropa (dan barra mill-immigrazzjoni fl-intern tal-Unjoni Ewropea nnifisha, li wkoll tqanqal digwid, kif rajna jiġri fir-Renju Unit.). Mill-Afrika, l-Lvant Nofshani, il-Lvant imbiegħed, kienu qed jaslu mijiet ta’ eluf – biex ma ngħidx miljuni – ta’ refuġjati, immigranti rregolari u aktar. Fil-biċċa l-kbira, kellhom imġiba u kultura differenti minn tal-Ewropej “indiġeni”. Għax foqra u ħerqana għal ħajja aħjar, kienu lesti jbigħu xogħolhom bi prezz li jaqta’ l-art minn taħt saqajn il-ħaddiema Ewropej.
Sadattant, skont il-partiti populisti, minflok jagħrfu l-problema u jilqgħu għaliha, id-diriġenti elitisti fl-Ewropa jaraw kif jiftħu aktar il-bibien u joħolqu aktar spazju għall-immigranti. Jiġu jitmejlu mill-problemi taċ-ċittadini tagħhom jew mill-fatt li dan se jkompli jiftaħ il-bibien għal aktar terroriżmu. Id-deċiżjoni li l-kanċellier Merkel ħadet ftit aktar minn sentejn ilu dwar l-immigrazzjoni lejn pajjiżha, meta “fetħet” il-fruntieri għall-mijiet ta’ eluf ta’ immigranti ġejjin mil-Lvant Nofshani, qabbdet in-nirien. L-AfD beda bħala partit li qed jipprotesta bil-kbir kontra l-ewro. Inbidel f’partit li qed jiġġieled bla waqfien kontra l-immigrazzjoni. U b’hekk għamel ir-rebħa tiegħu.

KEMM HU TABILĦAQQ QAWWI?

Biss tajjeb li wieħed iżomm sens ta’ proporzjon. Imqabbel mal-persentaġġ ta’ voti li partiti populisti oħra fl-Ewropa kisbu, u fejn fallew (bħal fi Franza bil-Front Nazzjonali li wasal sa aktar minn 33 fil-mija tal-voti), id-daqs tal-AfD ma jimpressjonax wisq. Veru li minħabba l-passat tal-Ġermanja, preżenza soda hemm tal-lemin estrem tqajjem inkwiet. Terġa’ il-pajjiż hu l-aktar wieħed importanti fl-Ewropa.
Il-populiżmu jinsab bogħod milli jkollu biżżejjed saħħa politika li tressqu lejn it-tmexxija tal-gvernijiet fil-punent tal-Ewropa. Għamel hekk xi snin ilu fl-Awstrija f’arranġament ta’ koalizzjoni li ma tantx dam ireġi. Mill-bqija, il-populisti għandhom it-tendenza li malajr jinqasmu u jiksruha bejniethom. Qed jiġri hekk bħalissa bil-Front Nazzjonali fi Franza u fl-AfD innifsu dil-ġimgħa, meta l-għada tal-elezzjoni, inqala’ l-inkwiet bejn l-ogħla diriġenti tiegħu.
Il-populiżmu qiegħed jagħti leħen lill-minsija u l-maqrusa fost il-popli. Qed jesprimi d-dwejjaq u r-rabja tagħhom. Biss ftit li xejn qiegħed iressaq proposti ta’ tmexxija li jistgħu jagħmlu d-differenza (qed naraw fl-Istati Uniti l-problemi li qed ikolli Trump biex iwettaq il-wegħdi li għamel). Fil-prattika, almenu sa issa, l-impatt ewlieni tal-populiżmu qed ikun li jniggeż lill-partiti l-kbar biex jieħdu pożizzjoni aktar qawwija, bħal fil-qasam tal-immigrazzjoni u dak tal-politika Ewropea – eqreb lejn dik tal-populisti. Hekk ġara fl-Olanda.
Min-naħa l-oħra – u din hi xi ħaġa li l-aktar se tinħass għall-bidu fil-Ġermanja – iqum dan il-kalkolu: Il-popli xejn mhuma kuntenti li l-partiti l-kbar jaħdmu flimkien qishom saru ħaġa waħda. Iridu li jkollhom għażla minn elezzjoni għal oħra. Il-partiti l-kbar jidhru li fehmu li koalizzjoni bejniethom saret iddejjaq. Imma f’Parlament maqsum bejn diversi partiti, u fejn il-populisti jieħdu aktar siġġijiet, biex iżommu gvern għaddej, jista’ jirriżulta li l-partiti l-kbar se jkollhom jibqgħu jikkollaboraw bejniethom biex jevitaw instabbiltà fit-tmexxija tal-gvern.
Ħadd mhu qed jieħu gost bil-prospett li l-politika Ġermaniża ssir instabbli.

Facebook Comments

Post a comment