Bħal kull pajjiż fil-bidu tal-presidenza tiegħu tal-Unjoni Ewropea, l-Awstrija ppublikat il-programm ta’ ħidma li tixtieq tmexxi matul s-sitt xhur li jmiss. Hu programm twil 70 paġna, jekk tgħodd dawk li mimlija b’ritratti. Il-preżentazzjoni hi attrajenti, mibnija taħt is-slogan ta’ “Ewropa li tipproteġi”. Hu slogan interessanti għax qrib ta’ dak li fl-aħħar xhur il-President ta’ Franza Emmanuel Macron ipprova jqanqal f’pajjiżu. Il-pożizzjoni politika ta’ Macron għalkemm leminija u liberali, tipprova turi li hi mnebbħa wkoll minn xejriet soċjali “progressivi”. Hu qiegħed jimbotta biex l-Ewropa terġa’ ssir tema popolari u nduna li biex dan iseħħ, l-Ewropa trid tassigura liċ-ċittadini li mhux se tħallihom jispiċċaw il-vittmi tal-kumpaniji l-kbar jew li jkunu minsija mill-istat, waqt li l-immigranti rregolari jingħataw kull attenzjoni.
Issa, il-gvern Awstrijakk hu magħmul minn koalizzjoni bejn żewġ partiti, wieħed tal-lemin “estrem” u l-ieħor taċ-ċentru lemin bil-kap tiegħu, Sebastian Kurz, iservi bħala l-kanċellier. Din hi t-tieni darba li koalizzjoni ta’ gvern bħal din qed tmexxi l-pajjiż. Xi ħmistax-il sena ilu, meta l-istess koalizzjoni kienet laħqet għat-tmexxija tal-pajjiż, il-bqija tal-membri tal-Unjoni Ewropea għamlulha speċi ta’ bojkott… li ma tantx irnexxa. Illum, kien hemm min fisser inkwiet għall-fatt li din il-koalizzjoni reġgħet spuntat. Imma ma tqajmet l-ebda protesta għall-fatt li mhux biss reġgħet twaqqfet, imma issa kienet dieħla għall-presidenza tal-Unjoni!

VALURI U IMMIGRAZZJONI

Fil-programm tal-Presidenza Awstrijakka jintqal ċar u tond li hi se tistinka biex fil-prattika jiġu rispettati l-valuri Ewropej. Għalhekk, se tkun ħaġa interessanti li wieħed jara x’pożizzjoni se tkun qed tieħu l-Awstrija fil-konfront li qed jiħrax bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-gvern Pollakk.
Fost affarijiet oħra, il-programm Awstrijakk jitkellem dwar ir-riformi fiż-żona tal-ewro u dwar il-Brexit. Fuq tal-aħħar, iċ-ċansijiet huma li n-negozjati jidħlu fi stadju deċiżiv matul is-sitt xhur li ninsabu fihom. Il-programm jistqarr b’mod ċar li l-emfażi tal-Awstrija se jkun biex, huma u jirrispondu għall-pożizzjoni tal-Brittaniċi, is-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jridu jsostnu għaqda sħiħa bejniethom.
Dwar ir-riformi meħtieġa fiż-żona tal-ewro, il-programm jispikka bil-prudenza li juri. Ma tantx hemm differenza bejn dak li jsostni, u dak li jisħqu fuqu ir-rappreżentanti Ġermaniżi. Il-programm jagħmilha ċara li fil-fehma Awstrijakka biex l-għaqda bankarja timxi ’l quddiem iridu l-ewwel jittieħdu aktar miżuri biex jitnaqqsu r-riskji finanzjarji li għadhom ibejtu fil-banek Ewropej, l-aktar bis-self mhux vijabbli li għadhom iġorru. Qabel iseħħ dan it-tnaqqis, l-Awstrija ma tarax li jista’ jkun hemm xi progress fuq il-miżura li kellha tikkappeġġja l-għaqda bankarja, jiġifieri l-ħolqien ta’ assigurazzjoni lid-depożitanti Ewropej kollha ħalli jekk ifalli bank fejn ikollhom id-depożiti tagħhom, huma ma jitilfux il-flus li jkunu ddepożitaw fil-bank.
Mill-programm, joħroġ ċar xinhi l-aqwa prioritá li l-Awstrija qed tara għall-Presidenza tagħha — ħidma fuq l-immigrazzjoni. Dwar hekk wieħed jista’ sempliċement jikkopja x’hemm miktub fid-dokument:
“Il-konsegwenzi tal-akbar kriżi Ewropea tal-immigrazzjoni mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn u d-dwejjaq taċ-ċittadini dwar aktar ċaqliq migratorju bla kontroll ta’ xejn saħħu l-importanza ta’ azzjoni konġunta fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni llegali u fis-salvagwardja tal-ħila tal-Unjoni Ewropea li taġixxi. Fil-qalba ta’ dawn l-isforzi, insibu r-riforma tas-sistema komuni Ewropea dwar l-ażil, kif ukoll ir-riorganizzar u t-tisħiħ tal-Aġenzija Ewropea dwar il-gwardja tal-fruntieri u tal-kosta, FRONTEX, biex din tiggarantixxi l-protezzjoni effiċjenti tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropa. Aktar minn hekk, l-għan hu li naħdmu aktar mill-qrib ma’ pajjiżi terzi biex nassiguraw li l-politika li biha l-immgranti jintbagħtu lura tkun effettiva…”
Naraw fix-xhur li ġejjin jekk il-presidenza Awstrijakka hux se jkollha aktar suċċess milli kellhom ta’ qabilha biex tlaħħaq ma’ dawn l-għanijiet.

***

TAXXI ĠODDA EWROPEJ?

Fid-diskussjonijiet li bdew dwar il-qafas finanzjarju tal-Unjoni Ewropea għas-snin għoxrin ta’ dan is-seklu, kulħadd jifhem li se jkun hemm piżijiet ġodda li se jkollhom jinġarru. Il-mistoqsija hi min se jġorrhom u kif.
Il-piżijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ tnaqqis fil-fondi li pajjiż jirċievi għall-proġetti tiegħu ipparagunat mal-aħħar snin. Jistgħu jieħdu l-forma ta’ aktar fondi li pajjiż ikollu jħallas fil-baġit Ewropew. U jistgħu jieħdu l-forma ta’ taxxi ġodda li jitwaħħlu mill-Unjoni. Anzi jista’ jiġri li pajjiż jintlaqat minn dawn it-tliet effetti f’salt (jekk mhux ukoll oħrajn li għadna ma semmejniex…)
Hi ħaġa ċara li mod kif jista’ jiżdied piż fuq il-pajjiżi hu billi jiżdiedu t-taxxi eżistenti jew jiddaħħlu taxxi ġodda. Fil-proposti tagħha dwar l-MFF (kif jissejjaħ il-pakkett finanzjarju għas-snin għoxrin – Multiannual Financial Framework) il-Kummssjoni Ewropea ma naqsitx li tipproponi dil-ħaġa. Wieħed mis-suġġerimenti tagħha pereżempju hu li parti akbar mid-dwana li jiġbru l-istati membri tibda tintbagħat fil-baġit ta’ Brussell, minflok tinżamm fil-pajjiż li jiġborha.
Suġġerimenti oħra tagħha jmorru lil hinn minn hekk u jiftħu l-prospett ta’ taxxi ġodda li jitwaħħlu mal-Ewropa kollha. X’għandha tkun ir-risposta għal dan? Għall-bidu t-tentazzjoni tkun li tgħid le, għax ma jaqbilx li mil-lat tal-interess nazzjonali (anke dak Malti jiġifieri) tagħti aktar poteri ġodda ta’ tassazzjoni fuq ċittadini nazzjonali lil Brussell. Imma meta wieħed joqgħod jirrifletti, jista’ jasal għall-konklużjoni li ma tistax taqta’ fuq t-taxxi kollha bl-istess mod.
Nieħdu ngħidu aħna, waħda mit-taxxi ġodda li l-Kummissjoni qed tissuġġerixxi: din tkun taxxa fuq il-materjal tal-plastik li jintuża, fil-fliexken, fl-ippakkjar tal-affarijiet, f’oġġetti ta’ użu kurrenti… Bħalissa, hi enormi l-kuxjenza li qamet fost ix-xjenzati u wkoll fost il-popli dwar il-ħsara li qed jagħmel dal-plastik li nfirex mal-artijiet u l-oċeani tad-dinja kollha. Hemm bżonn taxxa fuqu biex trażżan l-użu u biex minnha jiġu finanzjati ħidmiet meħtieġa biex l-ambjent jitnaddaf mill-plastik. Biss, kieku t-taxxa kellu jagħmilha pajjiż wieħed waħdu, u l-oħrajn ma jagħmlu xejn, il-kriżi tal-plastik tibqa’ għaddejja u l-pajjiż li jkun daħħal it-taxxa jibda jġorr piżijiet li l-oħrajn ma jkollhomx. Mentri jekk il-pajjiżi tal-kontinent Ewropew jagħmluha flimkien, jirnexxielhom jagħmlu impatt fuq il-kriżi tal-plastik, u peress li kollha jkunu qed iġorru l-istess piż, ħadd minnhom ma jiġi żvantaġġjat. F’dal-każ, mela, taxxa fuq livell Ewropew tagħmel sens għal kulħadd. Issa jekk din it-taxxa titmexxiex direttament minn Brussell, jew jekk hux li kull gvern idaħħalha hu waqt li jagħti (parti mi)d-dħul tagħha lill-baġit Ewrpew, bħalma jiġri bit-taxxa tal-VAT, wieħed ikun irid jiddiskuti.
Min-naħa l-oħra mbagħad, il-Kummissjoni qed tipproponi li ddaħħal bażi komuni mal-Ewropa kollha għal kif id-ditti jikkalkolaw id-dħul u l-ħruġ tagħhom, u minnhom il-profitt. Hi tara dan bħala pass ewlieni biex tkun tista’ tiddaħħal l-istess taxxa mal-Unjoni fuq il-profitti tal-kumpaniji. Titneħħa dik li tissejjaħ il-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi dwar x’taxxi jiċċarġjaw. Issa, ħaġa bħal din tpoġġi fi żvantaġġ akbar lil dawk il-pajjiżi li minħabba ċ-ċokon tagħhom, jew il-fatt li huma mbiegħda miċ-ċentru tal-Ewropa, jew minħabba t-tnejn, jinsabu diġa żvantaġġjati. Bidla bħal din f’kif jiġu ssettjati t-taxxi f’livell Ewropew ma taqbilx għal pajjiżi bħal Malta, għax tneħħilhom il-fakoltà li jissettjaw it-taxxi tagħhom b’mod li jonqsulhom l-iżvantaġġi li jinsabu taħthom. Għalhekk għandha tiġi opposta.
Wieħed jista’ jagħmel l-istess tip ta’ analiżi dwar proposti oħra li ressqet il-Kummissjoni bħala parti mill-arranġamenti li jilqgħu għall-isfidi finanzjarji li l-Unjoni Ewropea se jkollha fis-snin għoxrin. Bħal per eżempju taxxa ġdida oħra fuq is-servizzi finanzjarji: biha, kull meta tixtri jew tbigħ xi ċedola ta’ self jew kwalunkwe forma ta’ valur finanzjarju, tħallas taxxa fuq is-somma involuta fin-negozju.
Il-pajjiżi membri tal-Unjoni qed jiflu t-tifsira u l-impatt fuqhom tal-proposti li għamlet il-Kummissjoni. Qed jiflu kemm se jiswewlhom, u kemm se jmorru tajjeb jew ħażin bihom. U mhux biss mil-lat ta’ taxxi ġodda jew qodma.

Facebook Comments

Post a comment