Ħabat tajjeb li fl-artiklu tal-ġimgħa li għaddiet dwar “Malta, l-Ewropa u l-bqija”, semmejna uħud mill-kwistjonijiet li għadhom imdendla dwar kif iż-żona tal-ewro tista’ tkompli tiżviluppa fiż-żmien li ġej. Kif għedna, għall-bidu ta’ dax-xahar, il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tlesti l-proposti tagħha dwar x’għandu jsir u wieħed seta’ jara meta ppublikathom, kif ħafna minnhom komprew punti li lħaqna semmejna.
Fil-verità, ma setax jonqos li dan jiġri. Kien il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk li poġġa l-ewwel nofs ta’ Diċembru bħala ż-żmien li fih il-Kummissjoni messha tressaq il-proposti tagħha. Fiċ-ċirkostanzi politiċi attwali, kien prevedibbli kif dawn il-proposti (“pakkett” qed jissejħu) kienu se jitpoġġew. Il-Kummissjoni Ewropea għandha kull interess, issa li tinsab fl-aħħar fażi tal-mandat tagħha, li tressaq proposti fejn jista’ jinstab qbil ta’ malajr fuq ħafna punti, waqt li jħejju l-għerq għal żviluppi aktar qawwija fiż-żmien ta’ wara. Skont hi, dan hu żmien tajjeb għal dan l-eżerċizzju wkoll għax ekonomikament l-Unjoni Ewropea sejra tajjeb u nfirex sens ta’ ottimiżmu fost il-popli Ewropej.

“ROAD MAP”

Fuq quddiem nett tal-pakkett li ħarġet il-Kummissjoni, hi poġġiet “road map”. X’inhi din?
Sempliċement kalendarju li jħares lejn iż-żmien li ġej u jiffissa dati għal meta għandhom jitwettqu l-bidliet proposti. Naturalment, naraw emfażi fuq miżuri li għandhom iseħħu sa nofs is-sena 2019, meta jispiċċa l-mandat kurrenti tal-Kummissjoni. Imma l-kalendarju mbagħad iħares ’il quddiem biex jgħid kif l-iżviluppi tat-tmintax-il xahar li ġejjin, iridu jħejju ħalli sas-sena 2025 ikunu saru aktar bidliet li jwasslu għal għaqda ekonomika u monetarja sħiħa fl-Ewropa.
Skont dal-kalendarju, sa nofs is-sena d-dieħla, l-Kummissjoni trid li fost oħrajn, ikunu daħlu l-liġijiet kollha meħtieġa biex l-għaqda bankarja li bdiet tinbena fl-aħħar snin titlesta, u biex ikun jista’ jaħdem sew il-Fond li twaqqaf ħalli jieħu ħsieb banek li jkunu qrib il-falliment.
Imbagħad, sa tmiem is-sena d-dieħla, l-Kummissjoni trid li bħala parti mill-għaqda bankarja tkun ġiet maqbula proposta li biha mal-Ewropa tidħol skema li tipprovdi garanzija lid-depożitanti kollha. Jekk ifalli l-bank fejn poġġew flushom, huma ma jitilfu xejn mid-depożiti tagħhom. Ma’ dan, trid li l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jkunu ftehmu dwar kif se jissorveljaw it-tmexxija taż-żona ewro, ħalli din taġixxi b’mod aktar miftuħ u “demokratiku”.
Sa nofs is-sena 2019, il-Kummissjoni trid li jkun twaqqaf il-Fond Monetarju Ewropew. Sadattant, it-Trattat dwar kordinament u stabbiltà bejn l-istati membri taż-żona ewro li ġie ffirmat fl-agħar żminijiet tal-kriżi finanzjarja, ma jibqax biss trattat bejn il-gvernijiet li ffirmaw. Isir parti sħiħa mill-liġijiet li jmexxu l-Unjoni Ewropea. Ukoll, fost proposti oħra, ir-rappreżentanza tal-pajjiżi membri fil-Fond Monetarju Internazzjonali tgħaddi għand rappreżentant wieħed għaż-żona kollha. Barra minn hekk, tkun intlaħqet “fehma komuni” dwar ir-rwol li għandu jingħata Ministru Ewropew għall-ekonomija u l-finanzi.

IL-PAKKETT

F’linja ma’ dal-kalendarju ta’ żviluppi, il-pakkett li ppubblikat il-Kummissjoni kellu numru ta’ dokumenti li jipproponu regolamenti u direttivi biex l-inizjattivi msemmija jsiru liġi. Insibu Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Fond Monetarju Internazzjonali u jagħmlu parti mill-qafas legali tal-Unjoni Ewropea. Insibu proposta għal “Direttiva tal-Kunsill biex tintegra s-sustanza tat-Trattat dwar Stabbiltà, Kordinament u Governanza fil-qafas legali tal-Unjoni, waqt li ssostni il-flessibiltà xierqa mibnija fil-Patt, kif għarfet il-Kummissjoni sa minn Jannar 2015.”
Dokument ieħor fil-pakkett jirrigwarda “għodod ġodda ħalli parti mill-baġits Ewropej” jintużaw biex iżommu liż-żona tal-ewro stabbli fil-qafas tal-Unjoni (Ewropea). Aktar minn hekk, fil-pakkett insibu dokument imsejjaħ “Kumnikazzjoni dwar Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi”.
Anki mill-ismijiet tad-dokumenti, tifhem li hemm ħsus tekniċi komplikati fil-pakkett ta’ proposti. Imma fl-aħħar mill-aħħar, l-intenzjoni warajhom hi politika. Tajjeb li mingħajr ma nintilfu fil-foresta tal-argumenti tekniċi, nipprovaw nifhmu din l-intenzjoni. Il-Kummissjoni tispjega li hemm ħtieġa li l-għaqda ekonomika u monetarja tal-Ewropa ssir f’qasir żmien. Tgħid ukoll li għaqda bħal din, trid tkun mezz biex naslu bħala għan aħħari, lejn qagħda fejn ikunu qed jinħolqu aktar impjiegi, fejn ikun hemm żieda fit-tkabbir ekonomiku, fl-investimenti u fil-ġustizzja soċjali. Kollha sentimenti sbieħ, li ma tistax ma taqbilx magħhom.
Lanqas irridu ninsew madankollu li fil-fond tagħhom il-miżuri kollha għandhom it-tifsira li qed iressqu lejn għaqda aqwa fl-Ewropa, li mhijiex biss ekonomika imma wkoll politika. Hu minnu li t-tisħiħ taż-żona tal-ewro jaħbat fl-interess tal-membri taż-żona. Kif jista’ jkun mod ieħor, jekk l-ewro hu l-munita nazzjonali tagħhom?
Min-naħa l-oħra, l-istess tisħiħ qed iservi biex iridu jew ma jridux, l-istati membri jintrabtu dejjem aktar ma’ xulxin, fi proċess li għandu jispiċċa b’għaqda politika sħiħa.

GĦAŻLIET POLITIĊI JEW TEKNIĊI?

Biżżejjed naraw id-dokument dwar il-Fond Monetarju Ewropew u xinhi tgħid il-Kummissjoni dwar il-Fond. Fi żmien qasir, dal-Fond skont hi, għandu jispiċċa bħala l-leħen waħdieni tal-pajjiżi membri taż-żona ewro fi ħdan il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Jitkellem għalihom hu. Wieħed jimmaġina li dan ifisser li l-pajjiżi membri jitilfu l-libertà tal-vot fil-Fond Monetarju Internazzjonali, libertà li pajjiż bħal tagħna kiseb meta sar membru tal-FMI wara li ħa l-Indipendenza. Ħaġa tajba, ħaġa ħażina din? Inħallu lil kulħadd jasal għad-deċiżjoni tiegħu jew tagħha.
Fl-istess waqt imma, wieħed ikollu wkoll jammetti li l-ħolqien ta’ dal-Fond Monetarju Ewropew jagħmel sens. Hu Fond li diġà twaqqaf bil-lest ħalli jekk il-gvernijiet membri taż-żona ewro jiddamdmu finanzjarjament, isibu fejn jistkennu, waqt li l-għajnuna li jingħataw tkun marbuta ma’ kondizzjonijiet li jassiguraw li jmexxu l-finanzi publiċi tagħhom b’għaqal u prudenza. F’dal-Fond, Malta wkoll qed tipparteċipa skont is-saħħa finanzjarja tagħha. Jekk allaħares qatt, insibu ruħna f’xi gwaj, dal-Fond (suppost) ikun hemm għalina wkoll. Mela li l-Fond ikompli jissaħħaħ u jingħata aktar għarfien sod fil-liġijiet Ewropej hu pass li għandu jkun ta’ siwi.
Terġa’ l-Kummissjoni qed tipproponi li l-Fond ikun jista’ jibda jwieżen Fond ieħor importanti li qed jinbena bit-tlikki t-tlikki. Dan it-tieni Fond hu maħsub biex skont iċ-ċirkostanzi li jinqalgħu, iwieżen banek Ewropej li jsibu rwieħhom f’diffikultajiet finanzjarji kbar u qrib il-falliment. Imma l-Fond dwar il-banek, parti mill-għaqda bankarja li ż-żona tal-ewro qiegħed timmunta, baqa’ jtul biex jirranka.
Jekk se jkun effettiv, irid ikollu riżorsi qawwija li suppost qed jingħatawlu mill-banek infushom… bin-nifs u bil-mod. Jekk tinqala’ xi kriżi, jista’ jogħtor, sakemm ma jidħlux l-istati membri fin-nofs, ħaġa li hu suppost qiegħed hemm biex jevita. Jekk il-Fond Monetarju Ewropew, li sa issa għandu saħħa finanzjarja wisq aqwa mill-fond dwar il-banek, jidħol biex jgħin lil dan tat-tieni, il-ħarsien tal-banek isir aktar żgur. Hekk qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea.

***

Fil-pakkett ta’ proposti għall-futur li ressqet, il-Kummissjoni qagħdet attenta biex ma timmirax fil-għoli wisq. Kif naraha jien, ipprovat ma tnaffar lil ħadd. Imma f’kull waħda mis-suġġerimenti tagħha, anke għas-sena u nofs li ġejjin, hemm iż-żerriegħa ta’ żviluppi li jistgħu jibdlu bil-kbir il-qafas tal-Unjoni Ewropea fil-futur. M’għandix dubju li din kienet l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’diversi oqsma oħra li ma semejniex fid-dettall hawn, bħal fil-proposta biex tiġi kunsidrata l-ħatra l-ġdida ta’ Ministru Ewropew tal-finanzi u l-ekonomija. Dwar din ukoll għad ikollna aktar xi ngħidu fil-futur.
Forsi jkun xieraq li fil-ġimgħat li jmiss, nibqgħu nagħtu ħarsa lejn il-pakkett ta’ proposti li għamlet il-Kummissjoni biex inqisu sa fejn iwassal. Kif nifhimha jien, irridu nagħmlu dan ukoll, anzi l-aktar, bil-ħsieb li nqisu kif inhu affettwat l-interess ta’ Malta mit-tagħbija ta’ dokumenti tekniċi li ġew pubblikati. Ħafna se jqisu li din mhijiex diskussjoni interessanti, u ma nlumhomx. Imma ċert li hi u għad tibqa’ diskussjoni vitali għalina.

Facebook Comments

Post a comment