Fl-aħħar sentejn jew kważi, ftit li xejn iż-żona tal-ewro (jew x’kien għaddej fiha) ma sabet ruħha fil-qalba tal-aħbarijiet. Wara s-snin li damet titqalleb minn kriżi għall-oħra, dan kien żvilupp li ngħoġob. Fl-aħħar l-ewro u l-pajjiżi li jħaddmuh donnhom setgħu jgħaddu minn żmien ta’ kwiet, ħielsa mill-gwaj li ġarrbu wara s-sena 2008.
Biss, baqgħu jsiru bla waqfien, sforzi biex il-finanzi tal-gvernijiet fil-pajjiżi tal-ewro jinġabu f’bilanċ. Dan kien mill-bidu nett il-mod kif il-pajjiżi membri tal-ewro raw kif jilqgħu għas-snin ta’ kriżi. Biex ma jħallux il-banek tagħhom jikkollassaw, numru ta’ gvernijiet kellhom jgħaddulhom fondi kbar. Il-gvernijiet spiċċaw se jegħrqu huma. Iż-żona tal-ewro m’għandhiex tmexxija ekonomika u finanzjarja magħquda. Ma tistax tissettja u tiġbor it-taxxi, b’baġit wieħed għaż-żona kollha, biex tkun tista’ tilqa’ għall-piżijiet li l-membri tagħha jidħlu għalihom. Hekk jiġri f’pajjiż li għandu l-istess munita. Anke l-Bank Ċentrali taż-żona ewro m’għandux is-saħħa biex jikkontrolla ċ-ċaqliq finanzjarju tal-gvernijiet, li jkollu Bank ċentrali ta’ pajjiż wieħed magħqud.

IL-ĦOFOR FINANZJARJI TAL-GVERNIJIET

Imgħobbija kif il-pajjiżi membri tal-ewro kienu bid-defiċits finanzjarji, u mingħajr l-għodda li jkollu pajjiż biex ilaħħaq iġorrhom, it-triq tas-salvazzjoni li nstabet kienet din: il-pajjiżi li kienu se jegħrqu bil-piżijiet finanzjarji li tgħabbew bihom, intrabtu li se jnaqqsu bil-kbir l-ispiża tagħhom. Biex iżommuhom fil-wiċċ, il-pajjiżi membri l-oħra li kienu għadhom ftit jew wisq ixxamplati, qablu li jsellfuhom biljuni ta’ ewro sakemm jiġu f’tagħhom. Is-self li tawhom kien imħawwar b’kundizzjonijiet iebsa.
Dan ġara minkejja li sa mit-twaqqif taż-żona ewro, il-ftehim kien li kulħadd irid ifendi għal rasu finanzjarjament. Kulħadd kellu jiżgura li se jlaħħaq mal-obbligi tiegħu u se jsostni baġit u finanzi sodi u b’saħħithom.
Kieku baqgħu fuq dil-linja, iż-żona tal-ewro kienet tikkraxxja. Allura pajjiżi bħall-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall li kienu qed jaffaċċjaw problemi enormi, ingħataw self minn sħabhom. Tpoġġew taħt sorvelja sħiħa dwar kif qed imexxu l-finanzi tagħhom. Fl-istess ħin, fuq l-insistenza l-aktar tal-Ġermanja, bdew jiddaħħlu regoli ġodda dwar kif il-pajjiżi membri kellhom jissettjaw kull sena il-baġit u kif imexxu l-ekonomiji tagħhom. (Fit-Torċa ta’ dawk is-snin, konna nsegwu dawn l-iżviluppi xahar b’xahar kważi, b’artikli li wara kont ippublikajthom fil-ktieb Malta u l-ewro.)
Kull sena, qabel jiffinalizzaw il-baġit, il-gvernijiet iridu jagħtu rendikont ta’ x’qed jagħmlu lill-Kummissjoni Ewropea. Din tibqa’ tifli regolarment l-andament tal-ekonomiji tagħhom. Tista’ tagħmel rakkommandazzjonijiet dwar id-deċiżjonijiet finanzjarji li għandhom jittieħdu minn gvern.
Meta gvern ma jirnexxilux jikkontrolla l-ispiża tiegħu u d-defiċit fil-baġit jikber, il-Kummissjoni tista’ tordnalu x’miżuri għandu jieħu u anke tibdillu d-deċiżjonijiet dwar il-baġit. Jekk jibqa’ jtella’ l-ispejjeż mingħajr ma jagħmel tajjeb għalihom, jiżdiedu l-kontrolli fuqu mill-Kummissjoni. Hi tista’ anke timponilu multi kbar. B’dal-mod, pajjiż wara l-ieħor inġab biex josserva dejjem aktar id-dixxiplina finanzjarja fit-tmexxija tal-fondi tal-istat.

L-EFFETTI TAL-AWSTERITÁ

Fi żmien l-amministrazzjoni Gonzi, Malta wkoll għaddiet minn dan il-manglu. Id-deficit finanzjarju fil-baġit Malti kien wieħed li mhux permess mir-regoli taż-żona ewro. U allura l-Kummissjoni Ewropea bil-qbil tal-Kunsill Ewropew, issettjat miżuri ġodda li l-gvern Malti kellu jdaħħal fl-ibbaġitjar tiegħu. Darba minnhom, il-Kummissjoni Ewropea saħansitra ġagħlet lill-gvern Malti ta’ dak iż-żmien, inaqqas mill-ispiża li kien diġà ppjanta fil-baġit tiegħu u li kien għadda mill-Parlament.
Fl-aħħar żminijiet, bħall-pajjiżi l-oħra taż-żona ewro, Malta baqgħet sena wara l-oħra, taħt is-sorvelja tal-Kummissjoni Ewropea. Biss bil-bidla fit-tmexxija ekonomika li seħħet wara l-elezzjoni tal-2013, u bit-tkabbir ekonomiku li ġarrabna minn hemm lil hawn, il-finanzi publiċi tal-pajjiż irpiljaw bil-kbir. Il-miri li r-regoli taż-żona tal-ewro jitolbu mit-tmexxija ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiż bdew jintlaħqu hawn bla ebda problema. Mhux il-pajjiżi membri l-oħra kollha taż-żona setgħu jgħidu l-istess dwar dak li għaddew minnu.
Madankollu, kollox ma’ kollox, il-miżuri biex isostnu l-binja tal-ewro, taw riżultat, mhux ma tawx. Irnexxew fis-sens li bil-mod, sena wara l-oħra, numru dejjem akbar tal-pajjiżi membri taż-żona ewro, komplew inaqqsu d-defiċit tagħhom u allura jxejnu l-biża’ li l-finanzi tal-gvern se jikkrollaw, jew li magħhom se jikkrolla l-ewro. L-Irlanda, il-Portugall, Ċipru (li wara l-Greċja l-aktar li tqagħbret bil-miżuri li ttieħdu) waslu f’pożizzjoni fejn finanzjarjament irkupraw. Reġgħu jistgħu jissellfu l-flus li kellhom bżonn mis-swieq finanzjarji, u mhux aktar mill-pajjiżi membri l-oħra taż-żona ewro. (Kien hemm raġunijiet oħra għaliex setgħu jagħmlu dan aktar faċilment milli kien maħsub għall-bidu… bħall-fatt li l-imgħaxijiet fuq self fl-aħħar snin, tbaxxew bil-kbir. Allura l-ħlasijiet fuq dejn, ċkienu. Imma ma nistgħux niftħu fuqhom hawn.)
U minn dan kollu, irridu nżommu barra l-kwistjoni tal-Greċja – il-pajjiż li ntlaqat l-agħar mill-kriżi tal-ewro. Fuq bosta punti ta’ tmexxija, għadu mdendel. Irridu nitkellmu dwaru separatament.
Għal ħafna nies, inkluż jien, l-aqwa problema kienet u għadha li l-politika ta’ awsterità li l-pajjiżi tal-ewro imxew biha biex jilħqu ir-riżultat li xtaqu jilħqu, ħalliet l-effetti tagħha soċjali u politiċi tagħha li xejn ma kienu sbieħ. Filfatt, il-maġġoranza tal-gvernijiet li telqu biex iwettqu l-awsterità ma tantx damu fil-kariga. Malli sejħu, jew kellhom isejħu, elezzjoni, malajr tqaċċtu ’l barra. Agħar minn hekk, l-istendards ta’ għajxien tal-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej marru lura, f’ċerti każi bil-kbir.

IR-RIŻULTATI

Jibqa’ l-punt: fir-rigward tal-ħofor fil-finanzi tal-pajjiżi membri li ħalqulha kriżi tremenda wara l-2008, fejn tinsab issa ż-żona ewro? Irnexxielha teqred il-ħofor jew le?
Ċifri li nħarġu dil-ġimgħa jidhruli li huma inkoraġġanti ħafna f’dal-qasam. Seba’ pajjiżi taż-żona ewro issa jinsabu f’pożizzjoni fejn qed jibqagħlhom il-fondi wara li jkunu ħallsu l-ispejjeż kollha tagħhom. Minflok ħofra, qed ikollhom iżżejjed flus (“surplus”) li jistgħu jfaddlu jew jaqtgħu bihom id-djun tal-imgħoddi. Malta tispikka fit-tieni post fost dawn is-seba’ li magħha, huma l-Lussemburgu, il-Ġermanja, il-Greċja (… iva, il-Greċja…!), Ċipru, l-Olanda, l-Estonja u l-Litwanja. Terġa’ l-Latvja kellha bilanċ bejn dħul u ħruġ. L-Irlanda kellha defiċit imma ta’ anqas minn 0.6 fil-mija tal-ekonomija tagħha. Ma tantx hemm fejn toħloq kjass dwar hekk.
L-inkwetanti mhux dak: huma t-tnejn mill-akbar pajjiżi fiż-żona tal-ewro wara l-Ġermanja – Spanja u Franza – li mhumiex jilħqu u bil-qawwi, mal-miri dwar id-defiċit taż-żona tal-ewro. L-ogħla livell li jippermettu r-regoli hu ta’ defiċit li jlaħħaq sa 3 fil-mija tal-ekonomija nazzjonali. Fi Spanja, d-deficit jinsab f’livell ta’ 4.5 fil-mija u fi Franza f’livell ta’ 3.4 fil-mija.
Talanqas, maż-żona tal-ewro kollha kemm hi, bħala medja, id-daqs tal-ħofra finanzjarja imqabbla mad-daqs tal-ekonomija taż-żona ewro kollha… tal-pajjiżi kollha membri tal-ewro, jiġifieri… issa (fis-sena 2016) jinsab f’livell ta’ 1.5 fil-mija. Sena qabel, kien ta’ 2.1 fil-mija.
Għalina li ma nkejlux il-mod kif ngħixu ħajjitna biċ-ċifri u l-punti u l-persentaġġi, dawn in-numri ftit jimpressjonawna. Imma għall-esperti finanzjarji li jmexxu l-fondi tal-gvernijiet, tal-kumpaniji u taċ-ċittadini, huma ċifri li jqanqlu rispett. Iż-żona tal-ewro għadha tirrombla, minkejja t-tbassir li kien isir dwarha li daqt tikkollassa. L-ewro hi l-munita ta’ Malta. Mela, ħaġa bħal din għandha tikkomfortana.
Xorta waħda irridu nqisu ftit aspetti oħra ta’ kif inhi sejra ż-żona tal-ewro. Semmejna diġà l-qagħda politika fil-pajjiżi Ewropej, fejn fost iċ-ċittadini kiber fl-aħħar snin, id-dwejjaq bl-Unjoni Ewropea u bl-ewro. Aktar minn hekk, jaqbel li nagħtu ħarsa lejn kif fiż-żona tal-ewro, żviluppaw oqsma oħra li jikkonċernaw liċ-ċittadini ħafna aktar mid-defiċit tal-baġit tal-gvern. Oqsma li għandhom x’jaqsmu pereżempju mal-qgħad u l-impjiegi; mat-tkabbir ekonomiku li jġibu magħhom l-impjiegi; mat-titjib jew it-taħsir tas-servizzi soċjali; mat-trażżin tal-faqar.
F’artikli oħra f’dis-sensiela fil-ġimgħat li ġejjin, nerġgħu lura għad-diskussjoni dwar il-qagħda tal-ewro lejn nofs is-sena 2017.

Facebook Comments

Post a comment