Minħabba l-letarġija tas-sajf u għax is-sħaba tal-Brexit waddbet id-dell tagħha ma’ kullimkien, żvilupp “interessanti” fit-tmexxija taż-żona ewro ma tantx ingħata attenzjoni. Fiż-żmien li ġej, għad jista’ joħloq kontroversja qawwija. Dan ġara bil-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni Ewropea li ma timmultax lil Spanja u l-Portugall talli dawn ma laħqux il-miri ekonomiċi u finanzjarji li kienu qablu dwarhom magħha.
Minn żmien il-kriżi tal-2008 lil hawn, iż-żona ewro daħħlet sensiela ta’ regoli maħsuba biex il-pajjiżi li jħaddmu l-ewro bħala munita jsegwu u josservaw l-istess miri fit-tmexxija tal-baġits tal-gvern u tal-ekonomija. Ir-regoli kellhom iservu biex jiżguraw fuq kollox, li l-gvernijiet ma jtellgħux defiċit fil-finanzi tagħhom ta’ kull sena. Ukoll permezz tar-regoli, d-djun nazzjonali ta’ kull pajjiż membru, jitrażżnu u jitnaqqsu.
Dawn ir-regoli daħlu bi trattati bejn il-pajjiżi membri. Jiġifieri kollha “qablu” magħhom, għalkemm kienet il-Ġermanja li mbuttathom ’il quddiem mill-bidu sal-aħħar. Kellhom ikunu tassattivi. Fosthom insibu li dawk il-pajjiżi li d-defiċit tagħhom jaqbeż ċertu livell, jitpoġġew taħt speċje ta’ kwarantina. Ikollhom jaċċettaw id-direttivi tal-Kummissjoni Ewropea sakemm jissanaw il-qagħda finanzjarja tagħhom. Jekk jibqgħu ma jagħmlux dan, il-Kummissjoni ngħatat l-inkarigu li anke timmultahom.

IL-KUMMISSJONI MAQSUMA

Il-ħsieb kien li b’hekk, se tissaħħaħ it-tmexxija taż-żona ewro. Għax suppost li meta titħaddem l-istess munita fi stat jew f’firxa ta’ stati, ikun hemm ukoll tmexxija ekonomika u finanzjarja waħda, magħquda. Fiż-żona tal-ewro dan ma kienx il-każ. L-ebda wieħed mill-pajjiżi membri tagħha ma ried iċedi s-sovranità tiegħu. Allura ftehmu li bejniethom se jmexxu l-ekonomiji u l-finanzi tagħhom skont l-istess regoli.
Fil-prattika, mhux hekk għamlu. Dan renda l-kriżi tal-2008 gravi ħafna. Minn dak iż-żmien lil hawn, ir-regoli ġew irfinuti. Issaħħu. Saru tassattivi. Fit-twettieq tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea ingħatat responsabbiltajiet qawwija. Il-grupp tal-ministri tal-finanzi taż-żona ewro sar element kruċjali fil-mod kif l-iżviluppi fiż-żona jiġu sorveljati. Beda jintqal li bit-tħaddim serju tar-regoli, il-pajjiżi li kienu “jabbużaw” billi jħallu d-defiċitijiet finanzjarji tagħhom iperpru, minflok inaqqsuhom, se jinġegħlu josservaw id-dixxiplina meħtieġa ħalli ż-żona ma togħtorx minħabba fihom.
Mhux darba jew tnejn, pajjiżi li dinbu għax mexxew il-finanzi tagħhom b’mod “laxk” kellhom jibdlu r-rotta. Kellhom jaċċettaw u jwettqu d-direttivi li tathom il-Kummissjoni Ewropea ħalli jnaqqsu d-defiċit “eċċessiv” tagħhom. Aktar minn darba kemm ilha fl-Unjoni Ewropea, Malta wkoll għaddiet minn dan it-trattament.
Issa l-istennija kienet li jekk hemm regoli, dawn għandhom japplikaw għal kulħadd bl-istess mod. Veru li mill-bidu nett, issemmiet il-ħtieġa li r-regoli jitħaddmu b’mod flessibbli. Fl-istess ħin, l-argument kien li jekk isiru xi eċċezzjonijiet lampanti għar-regoli, dawn mhux se jkunu kredibbli. Il-kamp Ġermaniż kien fost l-aktar li nsista fuq dan, imwieżen mill-pajjiżi tat-tramuntana, bħall-Finlandja. Imma appoġġjat wkoll minn pajjiżi li kellhom jgħaddu mill-mangnu tad-direttivi tal-Kummisjoni: għaliex huma iva, u ħaddieħor anqas jew le?
Sa mill-bidu, is-suspett kien li mhux kulħadd se jiġi ttrattat l-istess. Il-kbar mod u ż-żgħar mod ieħor. Rapport maħruġ mill-Qorti tal-Awdituri Ewropea kkonkluda li l-Kummissjoni Ewropea kienet uriet ruħha aktar “ħanina” mal-każi tal-Italja u ta’ Franza milli mal-każi ta’ pajjiżi iżgħar. L-istess Ġermanja intqal (bir-raġun) li qed tinjora għal kollox il-“parir” li qed tagħtiha l-Kummissjoni Ewropea. Fil-każ tal-Ġermanja, mhux biex tnaqqas id-defiċit, għax tinsab mingħajru. Bil-maqlub: biex tonfoq aktar, ħalli żżid fit-tkabbir tar-rankatura ekonomika Ewropea li matul dan kollu, baqgħet dgħajfa.
Il-kontroversja fuq dil-ħaġa tektket matul dis-sena, barra u ġol-Kummissjoni. Din tal-aħħar hi maqsuma, bil-Kummissarji li l-aktar ġejjin mill-partiti leminin jinsistu li r-regoli għandhom jitħaddmu b’mod strett. Il-Kummissarji ġejjin mill-partiti xellugin jargumentaw li r-regoli għandhom jitħaddmu bi flessibiltà. Għalkemm il-President tal-Kummissjoni Juncker ġej minn partit lemini f’pajjiżu, l-Lussemburgu, hu jieħu pjuttost il-pożizzjoni ta’ dawk favur il-“flessibiltà”.
Qajjem kontroversja kbira ġimgħat ilu meta f’intervista ma’ gazzetta staqsa: kif tista’ tagħmel sanzjonijiet lil pajjiż bħal Franza?

FRANZA U L-“FLESSIBILTÀ”

Fil-fatt, kien il-każ ta’ Franza li fl-aħħar żminjiet, poġġa l-problema kollha f’kuntrast qawwi. L-ekonomija Franċiża ilha zzappap mis-sena 2010 lil hawn. Id-defiċit finanzjarju tal-gvern jikber jew m’hemmx li jiċkien. Għal sena wara l-oħra, l-miri maqbula bejn Franza u l-Kummissjoni Ewropea ma ntlaħqux. Kull darba, sena wara l-oħra, Franza kienet tingħata aktar żmien biex tilħaqhom.
Dis-sena reġa’ ġara l-istess. Qamet pressjoni kbira biex is-sanzjonijiet previsti fir-regoli ta-żona ewro jitħaddmu. Dan kien se jpoġġi lill-gvern Franċiż f’qagħda imwegħra. Il-kummissarju nkarigat mit-tħaddim tar-regoli taż-żona ewro, Moscovici, hu Franċiż, eks-ministru tal-finanzi. Kien hu li kellu jispjega għaliex is-sanzjonijiet m’għandhomx jiddaħħlu. Franza, spjega, kienet qed taffaċċja kondizzjonijiet straordinarji, kemm internament u kemm minn barra. Fuqhom ma seta’ jkollha l-ebda kontroll. Sakemm jiġi assigurat li qed tagħmel kull ma tista’ biex twettaq il-miri taż-żona ewro kif maqbula mal-Kummissjoni, u tara kif tilqa’ għall-problemi ġodda li qed taffaċċja, kellha tidħol il-flessibiltà li jippermettu l-istess regoli. U allura Franza kellha tingħata aktar żmien biex tilħaq il-miri maqbula.
Hu evidenti għaliex dan it-tip ta’ argument qala’ u għadu jaqla’ kritika mhux żgħira. Forsi li l-flessibiltà tapplika biss għall-pajjiżi l-kbar? Peress li Franza bħalissa mmexxija mill-Partit Soċjalista, l-forzi politiċi tal-lemin kellhom festa jiddenunzjaw xinhu jiġri.
Imbagħad, ftit wara, inqalgħu l-każi ta’ Spanja u l-Portugall.

SPANJA U L-PORTUGALL

Minn Diċembru tas-sena li għaddiet lil hawn, Spanja tinsab bla gvern sħiħ. Żewġ elezzjonijiet wara xulxin taw riżultat bla maġġoranza għall-ebda partit; imexxi bħala “caretaker” hemm il-partit lemini tal-popolari. Għalkemm minkejja dan, l-ekonomija Spanjola reġgħet irrankat wara li għal snin qalgħet diksata liema bħalha, xorta waħda għal sena wara l-oħra, il-finanzi tal-gvern baqgħu jiksru r-regoli finanzjarji taż-żona ewro. Il-miri ma ntlaħqux, inkluż dis-sena. Il-Kummissjoni reġgħet insistiet li n-nefqa tal-gvern titnaqqas b’għaxar biljun ewro, u f’interpretazzjoni preċiża tar-regoli taż-żona, kellha tiċċarġja lil Spanja multa qawwija.
Sadattant l-istess problema skattat fil-Portugall, fejn miri li suppost kienu maqbula b’mod tassattiv baqgħu ma ntlaħqux. Anki hawn, ir-regoli kellhom iwasslu biex il-Portugall jaqla’ multa. Il-pajjiż bħalissa jinsab immexxi minn koalizzjoni informali tal-partiti xellugin, li daħħlu miżuri biex jipprovaw inaqqsu t-tbatijiet soċjali kkawżati minn politika ta’ awsterità li ħaddem il-gvern lemini ta’ qabilhom, biex jissodisfa r-regoli taż-żona ewro.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda b’maġġoranza dejqa mid-dehra, kienet bħal dik għal Franza: li ż-żewġ pajjiżi jingħataw aktar żmien biex isibu t-triq, li jaqblu għal aktar tnaqqis fl-ispiża tagħhom u li l-multa li jiġu ċċarġjati tkun ta’ żero. Skont Moscovici, “li timponi multa (fuq Spanja) kienet tiġġenera sentiment anti-Ewropew u sens ta’ umiljazzjoni f’pajjiż bħal Spanja li fl-aħħar snin, għamel ħafna sagrifiċċji”. Wara l-Brexit, skont Moscovici, ħaġa bħal din ma kinitx se tkun għaqlija.

***

Tista’ taqbel jew ma taqbilx li Spanja u l-Portugall jitwaħħlu multa. (Jien ma naqbilx.)
Xorta tibqa’ l-mistoqsija: Ir-regoli tal-ewro għadhom jiswew?

Facebook Comments

Post a comment