Min kien jistenna li r-rabta ta’ sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit li telqet f’nofs is-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, kellha tispiċċa hekk? – b’deċiżjoni f’referendum tal-poplu Ingliż li jrid jerġa’ jieħu rajh f’idejh. Matul il-ġimgħat tal-kampanja tar-referendum, l-ansjetà fost dawk li riedu lir-Renju Unit jibqa’ parti mill-Ewropa kienet qed tikber. Biss dejjem baqgħet tama qawwija li l-poplu Ingliż kien se jieħu d-deċiżjoni li jsostni s-sħubija tiegħu. L-iskala tar-rebħa ta’ Brexit ma kinitx qawwija imma kienet biżżejjed biex ma tħalli l-ebda dubju dwar xi jmiss li jsir.
Din l-ewwel darba – tneħħi l-każ ta’ Greenland, li ma jixbahx il-kas tar-Renju Unit – li poplu ngħata ċ-ċans li jiddeċiedi jridx jibqa’ membru tal-Unjoni. Bilfors li d-deċiżjoni li ħa biex jitlaq se tqajjem ansjetajiet ġodda fil-kontinent Ewropew. Brexit jista’ jqajjem tentazzjonijiet ġodda fi ħdan popli Ewropej li fl-aħħar snin, urew dwejjaq jikber bil-qagħda tagħhom bħala membri tal-Unjoni Ewropea. Barra minn dan, għal xi żmien, l-inċertezzi ekonomiċi se jitqawwew.

TAQTIGĦA QAWWIJA

Il-kampanja tar-referendum kienet polarizzata bil-kbir. Filfatt hekk jagħmlu r-referenda: iqanqlu passjonijiet dwar iva jew le, fejn l-aqwa argument ma jintrebaħx skont il-kwalità tar-raġunar, imma skont kemm jirnexxilu jqanqal emozzjoni. F’elezzjoni, il-logħba tintlagħab ftit differenti għax in-naħat politiċi involuti jkunu qed jippromwovu u jiddiskutu firxa usa’ ta’ proposti u alternattivi, mhux għażla bejn proposta waħda u oħra.
Nies li ħadu sehem dirett fil-kampanja tar-referendum Ingliż qaluli kif ħassewhom skomdi ħafna bil-klima li nħolqot, ta’ antagoniżmu u eżaġerazzjoni. Iż-żewġ naħat, igħidu xi jgħidu, fittxew li jbeżżgħu. Tal-Ibqa’, għamlu dan b’messaġġi apokalittiċi dwar telf ta’ investiment u impjiegi fl-ekonomija, il-ħtieġa li jekk jgħaddi l-Brexit, ikollhom jiżdiedu t-taxxi, u l-istqarrija ta’ Cameron li jekk ir-Renju Unit jitlaq, tista’ tqum gwerra fl-Ewropa. Tal-Brexit, raw kif iwerwru billi saħqu fuq kif mewġa enormi ta’ immigranti se tolqot lir-Renju Unit jekk jibqa’ fl-Unjoni, aktar u aktar għax malli t-Turkija ssir membru tal-Unjoni, u qisu dil-ħaġa tinsab appikk li tiġri, miljuni ta’ Torok se “jinvadu” l-Ewropa.
Għal ġimgħat sħaħ iż-żewġ naħat segwew strateġiji differenti. Tal-Ibqa’ poġġew l-emfażi tagħhom fuq l-ekonomija, u x’kellu x’jitlef ekonomikament ir-Renju Unit jekk jitlaq mis-suq wieħed Ewropew. Tal-Brexit semmew kif barra l-Unjoni Ewropea, l-pajjiż kien isib nifs ekonomiku ġdid. Imma spiċċaw jikkonċentraw fuq l-immigrazzjoni u kif bil-Brexit din tkun tista’ tiġi kontrollata aħjar.
Tul l-ewwel żewġ terzi tal-kampanja, fil-biċċa l-kbira, r-riżultati tad-diversi stħarriġ ta’ opinjoni li saru wrew li l-kamp tal-Ibqa’ kien fuq quddiem. Fit-tielet għat-tieni ġimgħa qabel ittieħed il-vot, l-istħarriġ beda juri li tal-Brexit qed jiksbu r-rankatura u anki qed jgħaddu lil tal-Ibqa’. Fost il-partiġġjani (Brittaniċi u barranin) tal-Ibqa’ qam panikk sħiħ.
Ġimgħa qabel id-data tar-referendum, id-deputata Ingliża Laburista Jo Cox inqatlet minn raġel li kien membru ta’ grupp politiku tal-lemin estrem u li jidher li kien iddisturbat mentalment. Ix-xokk fost il-poplu kollu Brittaniku kien enormi. Il-kampanja tar-referendum twaqqfet għal jumejn, tlieta. Meta reġgħet telqet, ir-rankatura tal-Brexit kienet twaqqfet, jew hekk deher, u l-kamp tal-Ibqa’ reġa kien minn fuq skont is-sondaġġi.
Imma b’mod jew ieħor, tal-Brexit irnexxielhom jerġgħu fl-aħħar waqtiet tal-kampanja jirkupraw. X’aktarx li dan ġara għax ħarġu jivvotaw l-kotra tas-sostenituri tagħhom aktar milli għamlu tal-Ibqa’.

GĦALIEX REBĦU TAL-BREXIT

Dawk li huma kontra s-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea kienu maqsumin bejniethom, bil-konservattivi tal-Brexit fuq naħa, bl-UKIP ta’ Nigel Farrage fuq oħra u bil-Laburisti favur il-Brexit terġa’ f’oħra. Xorta jidher li rnexxielhom iqanqlu u jżommu magħhom lis-saffi kollha tal-votanti li kienu favorevoli għall-ideat tal-Brexit.
Użaw argumenti u temi li kabbru d-dwejjaq u l-biża’ ta’ dawk li għadhom jemmnu fil-kobor tar-Renju Unit u li jħossuhom qed imorru lura fil-livelli tal-għajxien tagħhom. Il-pern ta’ dan kollu kien id-dwejjaq bl-immigrazzjoni li l-kamp tal-Brexit użah konsistentement u bla ebda skrupli. Setgħu jkunu effettivi ħafna f’hekk għax il-biċċa l-kbira tal-aktar gazzetti popolari kienu qed jappoġġjaw il-kawża tal-Brexit.
Ma’ dan irid jiżdied il-punt li l-kamp tal-Ibqa’ kien ukoll maqsum, u kellu f’David Cameron mexxej li ma tantx seta’ jikkonvinċi. Sa ftit taz-zmen ilu kien qed isostni li jekk l-Unjoni Ewropea ma tagħtix widen għat-talbiet tiegħu biex ikun hemm riformi, hu se jappoġġja l-proposta tal-Brexit. Ir-“riformi” li ġab ftit kienu konvinċenti. Imma wara li “ġabhom”, beda jgħid li jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni, se jkollha taffaċċja diżastru ekonomiku u finanzjarju. Biex tagħqad, l-appoġġ li ta l-Partit Laburista lill-kampanja tal-Ibqa’ kien fietel għall-aħħar.

L-EFFETTI FUQ L-UNJONI EWROPEA

Jintqal x’jintqal dwar il-Brexit, ħaġa waħda hi ċara: se jkollu impatt profond fuq l-Unjoni Ewropea. Se jibdlilha d-daqs tagħha, bit-tluq tat-tieni jew it-tielet l-akbar ekonomija tal-Unjoni – u se jibdel il-mod kif l-Unjoni tifhem lilha nnifisha. Mhux biss se jkun spiċċa l-mudell ta’ għaqda Ewropea li tersaq eqreb matul is-snin, talli jidħol il-mudell ta’ għaqda li minnha jistgħu joħorġu l-membri.
Dawk li sa issa mexxew l-Unjoni, urew ħila kbira biex meta jiġu ffaċċjati bi kriżi, jiddikjaraw li jridu jirriformaw u jibdlu skont il-messaġġ li jkunu qed jibgħatu ċ-ċittadini bil-vot tagħhom. Imma malajr komplew ftit wara bil-proġetti tagħhom, business as usual. Illum, hi ħaġa dubjuża kemm se jkunu jistgħu jagħmlu l-istess ħaġa wara l-Brexit.
Sfida kbira se tkun kif se jitmexxew in-negozjati biex ir-Renju Unit jitlaq. It-trattati dwar l-Unjoni issa jipprovdu biex isiru dawn in-negozjati. Imma ma jidħlux fid-dettall. U se jkun hemm dettalji importanti dwar l-arranġamenti li għandhom jiġu applikati għar-Renju Unit li ma jistgħux jinkinsu taħt it-tapit – se jkunu jirrekjedu sigħat fuq sigħat ta’ negozjati iebsa.

L-EFFETTI FUQ IR-RENJU UNIT

Sadattant l-effetti tal-Brexit fuq ir-Renju Unit se jibdew jinħassu minnufih. Talanqas fuq żmien ta’ perspettiva qasira, il-fiduċja ekonomika se taqla’ daqqa. Jiġu affettwati ħazin l-impjiegi, l-investiment u l-konsum. Dan hu effett li kien mistenni u l-mod kif jista’ jintlaqa’ se jiddependi wkoll min-negozjati li r-Renju Unit irid imexxi mal-Unjoni Ewropea li se jkun qed iħalli.
Kollox ma’ kollox, aktar mill-effett ekonomiku, ir-Renju Unit se jkollu jaffaċċja l-problema tal-firda politika li l-kampanja tal-Brexit ġabet magħha, bejn nies tal-istess partit. Konservattivi u Laburisti jinsabu mifruda bejniethom b’mod li kważi qatt qabel il-pajjiż ma ra. Issa jekk hemm żmien meta r-Renju Unit se jkollu bżonn ta’ għaqda, iż-żmien hu issa.

***

Hemm ħafna aktar xi tgħid dwar it-twettiq tal-Brexit. Se jkollna għax nitkellmu aktar dwaru fix-xhur li ġejjin.

***
U fl-aħħar bilfors li tqum il-mistoqsija: Il-kwistjoni tal-Brexit u tal-Ibqa’ inqatgħet għal dejjem, jew għad terġa’ tqum?
Naħseb li għadu kmieni wisq biex wieħed jagħti tweġiba definittiva.

Facebook Comments

Post a comment