Fl-Ewropa u mal-bqija tad-dinja, it-taxxi huma l-għodda essenzjali li bihom l-istat jiġbor il-fondi meħtieġa biex ikun jista’ jforni s-servizzi li l-poplu jistenna minnu. Fosthom, insibu difiża u ħarsien fuq quddiem nett, imma wkoll oħrajn mitqiesa essenzjali fi żminijietna bħall-provista ta’ edukazzjoni xierqa, servizzi tas-saħħa u ħarsien soċjali għal dawk li ma jkunux jistgħu ikampaw.
Fil-mod kif jiġu ssettjati t-taxxi, insibu għanijiet aktar wiesgħa. Bħal per eżempju, li t-taxxi għandhom iservu bħala għodda li biha titwettaq miżura ta’ ġustizzja soċjali. Jew li għandhom jagħfsu bil-kbir fuq dawk li jifilħu l-aktar, u l-anqas fuq dawk li jinsabu minn taħt. Inkella li għandhom jinġabru b’effiċjenza, mingħajr tnikkir u kemm jista’ jkun mingħajr ma jxekklu ta’ xejn b’xejn lil dawk li jkunu qed jaħdmu jew jipproduċu l-ġid. Kif ukoll li għandhom iservu biex il-ġid jitqassam aħjar bejn dawk li jifilħu ħafna u dawk li jinsabu anqas ixxurtjati.
Mhux kulħadd jaqbel fuq dawn l-għanijiet kollha. Min jagħfas l-aktar fuq il-ħtieġa li titwettaq ġustizzja soċjali. Min fuq il-ħtieġa li t-taxxi ma jipperikolawx il-ħidma ta’ ħolqien ekonomiku. Dwar punt wieħed x’aktarx issib qbil ġenerali: dak li t-taxxi dovuti għandhom jitħallsu minn kulħadd, għonja u fqar, skont kemm hu dovut minnhom.

ĠUSTIZZJA SOĊJALI

Ma tridx tkun stilla tal-ġustizzja soċjali biex taqbel ma’ dal-prinċipju, u taqbel ukoll li għandu jitwettaq kullimkien. Problema hi li kulħadd ukoll jara kif jagħmel biex iħallas l-anqas taxxi li jista’, biex b’hekk hu u familtu jkollhom aktar flus li jistgħu jużaw għall-bżonnijiet tagħhom. Sakemm imġiba bħal din issir f’rispett tal-liġijiet viġġenti li jirregolaw it-taxxi, mhijiex ikkunsidrata bħala illegali. Sakemm ma tiksirx l-istess liġijiet, titħalla ssir. Xorta waħda, t-tfassil tal-liġijiet dwar taxxa u l-emendi li wara, jitressqu fuqhom, isiru bl-iskop li jnaqqsu l-ispazju li minnu individwi u kumpaniji jistgħu jevitaw legalment li jħallsu t-taxxi dovuti minnhom.
F’Unjoni Ewropea mibnija madwar suq wieħed għall-produzzjoni, bejgħ u xiri ta’ oġġetti u servizzi, il-mod kif jiġu ssettjati t-taxxi fuq dħul u profitti beda joħloq diffikultajiet. Il-membri tal-Unjoni Ewropea iħaddmu sistemi differenti ta’ tassazzjoni fuq dħul u profitti. Dan idaħħal il-possibiltà li persuni u kumpaniji jbandlu l-modi kif juru kemm qed jonfqu u jaqilgħu bejn il-pajjiżi differenti, biex jaħbu l-profitti tagħhom u biex jirranġaw ħalli jħallsu taxxi mill-anqas, meta ma jħallsu xejn. Il-manuvrar hekk sar dejjem aktar faċli fil-każi tan-negozji li jaħdmu per mezz tal-internet.
F’dan il-maniġġ, għenet ħafna l-liberalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji mad-dinja kollha. Sa tletin/ħamsin sena ilu, biex toħroġ u ddaħħal fondi minn pajjiż għall-ieħor, kien ikollok tiddobba permessi mill-awtoritajiet ċentrali u tagħti informazzjonijiet dettaljati lill-banek. Dawn riedu jiċċekkjaw li tassew għandek il-permessi meħtieġa. Bil-liberalizzazzjoni, it-traffikar ta’ fondi minn naħa għall-oħra tal-Ewropa u tad-dinja kollha sar faċli ħafna u ħafna. Jissejjaħ il-ħelsien taċ-ċaqliq kapitali. B’hekk, żdiedu l-opportunitajiet għal kummerċ aktar qawwi u ħieles li ġab benefiċċji miegħu. Imma ġab ukoll żieda fl-opportunitajiet li bihom kumpaniji u persuni setgħu jċaqalqu bejn il-pajjiżi l-fondi li jdaħħlu u jħallsu, ħalli jaħbu u jnaqqsu t-taxxi dovuti minnhom.
Agħar, żdiedu wkoll l-opportunitajiet biex dħul jinħeba għal kollox jew “jinħasel”, mhux l-anqas jekk ikun ġej minn sorsi kriminali jew minn korruzzjoni. L-iskala ta’ dawn l-attivitajiet tant kibret li twerreċ. Laħqet biljuni kbar ta’ ewro fis-sena. Illegali jew le, u lil hinn mill-kriminalità organizzata, l-aktar li setgħu japprofittaw ruħhom minn dawn l-opportunitajiet kienu kumpaniji kbar, individwi u familji għonja ħafna, jew nies li jgawdu minn poteri kbar.
L-inġustizzja f’sitwazzjoni bħal din hi enormi. Għax mhux biss dawn il-kumpaniji u l-persuni għonja u privileġġjati qegħdin jevitaw milli jħallsu t-taxxi u jgawdu materjalment mill-imġiba anti-soċjali tagħhom. Billi ma jħallsux it-taxxi dovuti minnhom, qed jitfgħu l-piż tat-taxxi fuq dawk li jkollhom iħallsu bil-fors – dawk li għax huma żgħar u bla poteri speċjali, ma jistgħux ikewsu d-dħul tagħhom biex jaħbuh jew jgħattuh. Huma – iż-żgħar u dawk kollha bi dħul baxx u medju – ikollhom iħallsu kollox kif dovut. Dawk il-ħafna li jdaħħlu ftit jispiċċaw jimlew il-ħofor li jħallu warajhom il-kbar li jistgħu jaħbu u jgħattu il-qligħ tagħhom.
Żdiedu u tqawwew fl-Ewropa l-ilħna u l-forzi soċjali – progressivi jew le – li qamu kontra din l-inġustizzja. Iridu jeqirduha darba għal dejjem. Imma kif?

FLESSIBILTÀ

Ftit jista’ jkun hemm dubju li għal min jemmen fil-ġustizzja soċjali, u għal min għandu twemmin politiku soċjalista, is-sitwazzjoni mhijiex tollerabbli. Lanqas hemm dubju wkoll li l-aktar mod effettiv kif teqred iċ-ċaqliq ta’ kapitali biex jinħarbu t-taxxi, hu billi tinżamm sistema waħda ta’ tassazzjoni ma’ kullimkien ħalli ħadd ma jkun jista’ jinqeda bis-sistemi differenti biex jgħatti xturu. Jekk fl-Ewropa hemm suq wieħed, għaliex m’għandux ikun hemm sistema waħda ta’ tassazzjoni?
Veru li l-pajjiżi membri sal-lum żammew kontroll nazzjonali fuq kif idaħħlu t-taxxi fuq qligħ tal-kumpaniji u dħul taċ-ċittadini. Imma – skont dan l-argument – ħaġa hekk m’għandhiex titħaddem aktar, la qed toħloq daqstant inġustizzja soċjali u tnaqqis fid-dħul mit-taxxi dovuti.
Il-bużillis qiegħed hawn: mhux il-pajjiżi membri kollha jibbenefikaw bl-istess mod mill-kondizzjonijiet tas-suq wieħed Ewropew. Ir-regoli li taħthom isseħħ il-kompetizzjoni bejn l-impriżi u n-negozji jibbenefikaw lil uħud aktar minn oħrajn, speċjalment dawk fil-pajjiżi l-kbar bħall-Ġermanja u Franza. Dawn għandhom popolazzjoni, snajja, tradizzjonijiet qodma u vantaġġi oħra li bihom jiġbdu lejhom xogħol u investiment aktar milli jistgħu jagħmlu pajjiżi oħra. Fost tal-aħħar, l-aktar li jintlaqtu ħażin b’paragun mal-“kbar” huma l-pajjiżi ċkejkna, specjalment jekk jinsabu fit-trufijiet tal-Ewropa.
Biex jistgħu jikkompetu mal-“kbar” jeħtiġilhom jagħtu għajnuniet per mezz ta’ tassazzjoni li taġevola l-ħidma u l-qligħ. Uħud minnhom, bħal fil-każ ta’ Malta, taħt il-kondizzjonijiet tas-suq wieħed, sabu li l-fabriki industrijali bdew jonqsu f’saħħithom. Minflok fl-industrija, bdew jispeċjalizzaw aktar u aktar fil-provista ta’ servizzi (bħal fil-każ tagħna, dawk finanzjarji jew tal-imħatri bl-internet) li ġew imħajra jinvestu hemm għax jiġu ntaxxati bil-baxx. Jekk it-tassazzjoni tinġab kullimkien l-istess, l-investimenti li saru f’dawn l-oqsma malajr jogħsfru.
Hu għalhekk fl-interess nazzjonali ta’ dawn il-pajjiżi li jibqgħu jżommu l-flessibiltà – il-ħelsien tagħhom f’materji ta’ taxxa u mhux iġibu it-taxxi tagħhom l-istess bħal ta’ kulħadd u taħt il-kontroll tal-Unjoni. Dil-biċċa qed issir sfida dejjem akbar fil-qasam Ewropew. Il-pressjoni biex jinqatgħu l-maniġġi fuq taxxa dovuta (imsejħa fost oħrajn l-evażjoni ta’ taxxa, l-iskansar ta’ taxxa, l-ippjanar agressiv dwar taxxa…) dejjem qed tiżdied. Rajna minn fejn ġejja u għaliex. Il-forzi politiċi li jagħmlu parti minn dil-pressjoni jinsabu mal-punti kollha tal-kumpass politiku… lemin estrem sa xellug estrem.
Min-naħa l-oħra l-interess tal-pajjiżi ż-żgħar (minn Malta u Ċipru sal-Lussemburgu u l-Irlanda) hu li jsostnu l-iżvilupp fosthom per mezz ta’ tassazzjoni differenti minn ta’ ħaddieħor. Fl-istess ħin, xorta waħda dawn il-pajjiżi la jridu, u lanqas jaqblilhom, jagħtu d-dehra li qed iħaddmu sistemi ta’ tassazzjoni maħsuba biex jagħtu spalla lill-għonja u l-ipprivileġġjati biex jevitaw u jiskansaw li jħallsu t-taxxi dovuti minnhom.
Kif se tinħall din id-dilemma dwar taxxi fl-Ewropa?
… L-istorja għad trid tkompli. Qed tirranka.

***
Nagħti x-xewqat sbieħ tiegħi għal Sena Ġdida 2019 mimlija riżq lill-Editur, l-Istaff u l-qarrejja kollha ta’ It-Torċa, kif ukoll lill-familji tagħhom.

Facebook Comments

Post a comment