Kien prevedibbli l-ftehim milħuq fil-Kunsill Ewropew dwar it-talbiet li għamel il-gvern Ingliż immexxi minn David Cameron biex pajjiżu jingħata kjarifiki u konċessjonijiet ġodda ħalli jibqa’ msieħeb fl-Unjoni Ewropea. Id-danni li setgħet issofri l-Unjoni mit-tluq Ingliż dehru qawwija wisq u ħadd mill-membri l-oħra ma ried jara dil-ħaġa sseħħ. Ftehim fl-aħħar instab. U l-Prim Ministru Cameron minnufih iddikjara li fit-23 ta’ Ġunju ta’ dis-sena se jżomm referendum dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ fl-Unjoni taħt il-kondizzjonijiet “ġodda”. Stqarr li se jagħmel kampanja favur li jibqa’.
L-istorja għadha tkompli hekk kif fir-Renju Unit qed jiskjeraw ruħhom il-forzi favur u kontra s-sħubija Ingliża. Esponenti ewlenin tal-partit konservattiv fil-gvern, inklużi ministri fil-kabinett, ħarġu publikament kontra l-linja li qed jiddefendi Cameron. Li dan jirbaħ ir-referendum mhijiex kwistjoni lesta. U l-ftehim milħuq fil-Kunsill Ewropew, wara li nsistew il-Belġjani, jagħmilha ċara li jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni, dak li hemm fil-ftehim… u li suppost japplika għall-pajjiżi membri l-oħra daqskemm japplika għar-Renju Unit… jitħassar għal kollox.

JEKK TITLAQ, JEKK TIBQA’

Fl-aħħar ġimgħa, inħasset ċerta tensjoni fi Brussell waqt li l-istituzzjonijiet Ewropej qagħdu jixtarru l-konsegwenzi jekk ir-Renju Unit jitlaq, jew jekk jibqa’. Kulħadd jara t-tluq Ingliż bħala daqqa qalila għall-Ewropa, anki jekk ma tkunx waħda fatali. Fi żmien fejn l-Unjoni mhix qed tegħleb il-kriżijiet li laqtuha, it-tluq Ingliż ikompli jdgħajjifha u jnaqqas mill-prestiġju tagħha. Skont kif tkejjel id-daqs tal-ekonomiji, ir-Renju Unit jaħbat bejn it-tieni u t-tielet l-akbar ekonomija tal-Unjoni. Għandu l-aqwa ċentru finanzjarju u saħħa militari sostanzjali, barra milli hu membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.
Numru ta’ pajjiżi jarawh bħala kontrapiż importanti għall-Ġermanja u għal Franza, aktar u aktar għax din tal-aħħar spiċċat issegwi wisq, trid jew ma tridx f’ħafna punti, it-triq issettjata mill-Ġermanja. Jekk ir-Renju Unit jitlaq, dan jista’ jwassal biex l-Unjoni tibda topera fi blokki, bil-pajjiżi tal-Est jinġabru fi front għalihom, tas-sud u tan-nord l-istess. Sadattant hemm periklu ieħor: li l-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-ewro u għad baqagħlhom biex jidħlu fiha, iħossuhom iżolati. Il-Ġermanja nnifisha xejn ma tkun kuntenta bit-tluq tar-Renju Unit għax gvernijiet Ġermaniżi suċċessivi qiesu li bl-impenn tiegħu favur il-kummerċ ħieles, kien dejjem ta’ kontrapiż għat-tentazzjoniiet tal-protezzjoniżmu mmexxi l-aktar minn Franza u l-pajjiżi tas-sud.
Dan ma jfissirx li jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li jibqa’ membru, mhux se jkun hemm problemi għall-Unjoni. Numru ta’ pajjiżi jqisu li kellhom iċedu wisq affarijiet, mhux l-anqas fil-mod kif ir-Renju Unit se jkun jista’ jnaqqas il-benefiċċji soċjali li jagħti lill-ħaddiema mill-Unjoni Ewropea u l-familji tagħhom li jmorru jgħixu hemm. Gvernijiet oħra issa se jaraw li huma wkoll jistgħu jsegwu l-istess triq, barra milli se jibdew jikkontestaw għaliex għandhom jagħtu l-istess trattament lil ċittadini ta’ pajjiżi membri oħra, li huma jagħtu liċ-ċittadini ta’ pajjiżhom.
Mhux ta’ b’xejn li fl-istituzzjonijiet Ewropej it-tensjoni dwar dak li jinsab għaddej tinħass sew.

L-ANGST ĠERMANIŻ

Sadattant, għalkemm bosta jilmentaw dwar il-qawwa tal-Ġermanja li jqisuha kbira żżejjed, huma mhumiex imdorrija jaraw lil dan il-pajjiż bejn ħalltejn, anzi kważi maqsum. Il-kriżi tar-refuġjati għadha qed tqajjem mewġ ta’ inkwiet politiku u soċjali mal-Ġermanja kollha. Il-programmi politiċi fuq ir-radjo u t-televiżjoni għadhom dominati minn din il-problema. Fost iċ-ċittadini normali qed tinxtered il-fehma li l-Ġermanja tinsab iżolata għall-aħħar fil-kwistjoni. L-insigurtà u x-xenofobja qed jiżdiedu: f’belt tal-lvant Ġrmaniż ingħata n-nar lil binja li kienet qed titlesta għar-refuġjati u n-nies miġbura biex jaraw xinhu jiġri, ċapċpu għal dak li kien qed iseħħ. Mexxejja politiċi ewlenin, fuq quddiem nett il-kanċellier Merkel kellhom jintervjenu biex jikkundannaw dak li ġara.
Jibqa’ l-fatt li l-Ġermanja tinsab f’pożizzjoni diffiċli. Qed ikollha timbotta biex l-Ewropa tittratta mill-qrib mat-Turkija u tikkonvinċi lil dan il-pajjiż jagħmel l-almu tiegħu ħalli jżomm għandu r-refuġjati ħerġin mis-Sirja, mhux iħallihom jitilqu lejn il-Greċja u l-bqija tal-Ewropa.
Madankollu, f’dal-qasam, qed isir dejjem aktar ċar li l-ġlied fis-Sirja mhux lakemm jiġi mrażżan jew imdawwar fi gwerra kontra d-Daex, l-estremisti Iżlamiċi, kif kien stenna l-President Hollande ta’ Franza wara l-attentati ta’ Novembru f’Pariġi. Mir-Russja sal-Għarabja Sawdija u l-Iran, sat-Turkija sal-partiti tal-Kurdi, sal-President Assad tas-Sirja u l-forzi differenti li ilhom is-snin jipprovaw iwaqqgħuh… kollha għandhom interessi differenti. Jezisti spazju miftuħ għal ftehimiet u koalizzjonjiet bejniethom. Il-porvli jinsab imxerred ma’ kullimkien u jekk jingħata aktar nar, jista’ jisplodi fi gwerra reġjonali ħafna aktar iebsa mill-gwerra ċivili li ilha għaddejja. Hekk wissiet ir-rappreżentanta għolja tal-Unjoni Ewropea għall-affarijiet barranin Mogherini dil-ġimgħa. Dan ma jawgura xejn sabiħ għall-isforzi tal-kanċellier Merkel biex twaqqaf l-avvanz ta’ refuġjati lejn pajjiżha.
Bil-Ġermanja distratta mill-problema tar-refuġjati, hemm anqas ċans li d-diffikultajiet li jinstabu quddiem l-Unjoni f’oqsma differenti, kollha fl-istess ħin, se jkunu jistgħu jinħallu malajr.

IL-BIEDJA MAQRUSA

Il-biedja Ewropea ma qatgħetx tilmenta li qed tinqaras bil-kbir u li mhuwiex jingħata biżżejjed widen tagħha. Baqgħu isiru laqgħat dwar in-nuqqas ta’ bejgħ u d-diffikultajiet finanzjarji li qed jolqtu bdiewa u raħħala fl-oqsma tal-majjal, tal-ħalib u ċ-ċanga, u tal-ħxejjex u frott. Il-problemi tagħhom kollha bdew wara li r-Russja tellqet l-embargo tagħha fuq prodotti tal-ikel mill-Unjoni Ewropea, bi tpattija talli din daħħlet sanzjonijiet kontra mexxejja Russi minħabba l-kriżi tal-Ukrajna.
Imma hemm problemi oħra wkoll: ta’ tnaqqis fil-konsum fl-Unjoni Ewropea; ta’ prezzijiet, bħal tal-ħalib li qed jisfrondaw; dwar in-numru ta’ rziezet li qed jispiċċaw fixxa finanzjarjament. Il-Kummissjoni Ewropea qed tipprova tara kif issib fondi u riżorsi ħalli tgħin lil dawk il-bdiewa li jinsabu l-aktar milquta. Imma l-għaqdiet tal-bdiewa u r-raħħala mhux ħlief isostnu li l-għajnuniet li għandhom bżonn iridu jkunu ħafna aktar qawwija u mhux tilqit.
Sa ftit taż-żmien ilu, l-gvern Franċiż kien l-aktar wieħed attiv biex jiddefendi l-interessi tal-bdiewa – kif Franza tradizzjonalment dejjem għamlet. Imma issa gvernijiet oħra, bħall-Italja fejn il-produtturi tat-tadam jinsabu ffaċċjati bi kriżi liema bħalha, daħlu wkoll fil-biċċa. Biex tinħall, se jkun hemm bżonn it-tħaddim ta’ riżorsi finanzjarji mhux ċkejkna. Għal dil-problema wkoll, għalkemm hi fost l-aktar “komuni” li matul is-snin inqalgħu fis-suq komuni Ewropew, ma tezistix soluzzjoni ta’ malajr.

Facebook Comments

Post a comment