Fil-qagħda mħawda li ġabet magħha l-krizi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa, f’daqqa waħda it-Turkija dehret li ħadet importanza ġdida għall-Unjoni Ewropea. Ir-raġuni ċara u goffa għal dan kienet li l-eluf tal-immigranti refuġjati resqin lejn l-Ewropa kienu ħerġin mit-Turkija, fejn daħlu mis-Sirja u mkejjen oħra ta’ gwerra fil-Lvant Nofshani u aktar ’il bogħod. Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ndunaw li kellhom bżonn tat-Turkija biex din ma tħallix dejjem aktar immigranti jew refuġjati jitilqu lejn il-Balkani.
Fuq quddiem nett f’din il-mossa rajna lill-Ġermanja, u mhux biss għax issa saret drawwa li dan il-pajjiż jieħu f’idu l-aqwa inizjattivi Ewropej. Meta lejn l-aħħar tas-sajf, il-kanċellier Merkel fetħet il-bibien ta’ pajjiżha għal mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati, qanqlet il-maltempati, aktar milli diġà kienu qamu. F’numru akbar, refuġjati tħajru jaħarbu lejn l-Ewropa. Il-Ġermaniżi nfushom nqabdu fil-biża’ dwar kif se jirnexxilhom ilaħħqu man-nies ġodda ġejjin jgħixu fosthom minn barra.
Għal xi jiem, il-Ġermanja kellha anki tagħlaq il-fruntieri tagħha biex tkun tista’ tikkontrolla l-mewġiet ta’ refuġjati li riesqa. Merkel ikkonkludiet li kien vitali għaliha li tikseb l-appoġġ tat-Turkija, pajjiż mitqies bħala wieħed ta’ kenn għar-refuġjati, għax joffri protezzjoni lill-maħruba. It-Turkija setgħet iżżomm lill-immigranti milli jitilqu mill-Lvant Nofshani.

RIEDET TISSIEĦEB

L-ironija ma setgħetx tkun aqwa. Fl-aħħar snin, daħlet bruda kbira bejn it-Turkija u ħafna mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Kienet ikkawżata mill-andament tan-negozjati li ilhom snin li telqu, dwar it-talba tat-Turkija biex issir membru tal-Unjoni. Sa mill-bidu nett, numru ta’ pajjiżi Ewropej xtaqu jgħidu le għal dil-ħaġa imma ma setgħux jagħmlu hekk. Għalkemm ir-reliġjon tal-maġġoranza kbira taċ-ċittadini fil-pajjiż hi l-Iżlam, it-Turkija minn dejjem tqieset bħala pajjiż Ewropew. Hi msieħba fin-NATO, bħala parti mill-“Punent”. Fil-prinċipju, t-talba magħmula minnha kellha tintlaqa’.
Inbeda għalhekk proċess ta’ negozjati li matulu t-Turkija kienet mistennija li ġġib is-sistemi politiċi u soċjali tagħha jaqblu mal-prinċipji tad-demokrazija Ewropea. Minn naħa dan kellu jfisser li pereżempju, d-drittijiet tal-bniedem kif magħrufa fl-Ewropa jkunu mħarsa fit-Turkija u li s-sistemi ta’ qrati jkunu, u jidhru li jkunu, imparzjali u trasparenti. Minn naħa oħra, it-Turkija kellha tneħħi lill-armata mill-pożizzjoni li kien ilha tgawdi: ta’ protettriċi tal-integrità moderna tal-pajjiż, ‘il fuq mill-istituzzjonijiet politiċi immexxija minn persuni eletti għall-kariga mill-poplu.
Jista’ jkun li fl-Ewropa sar kalkolu doppju dwar hekk: il-ħsieb kien li t-Turkija mhix se tlaħħaq mal-esiġenzi Ewropej. Biss ir-rieda Torka biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea kienet tassew samma u t-talbiet Ewropej tal-bidu ntlaħqu mit-Torok. Anzi, meta tela’ gvern Islamista mmexxi minn Erdogan, l-affarijiet aktar issodaw. Fost oħrajn, fil-qasam ta’ kif lill-armata tneħħielha l-poter li tindaħal fit-tmexxija tal-istat. L-Iżlamisti wkoll ma riduhx dan għax ir-rwol tal-armata Torka kull meta ndaħlet fil-politika, kien biex iżżomm lit-Turkija pajjiż strettament sekolari. (Għall-Ewropej is-sekolarità hi ħaġa tajba; imma mhux tajjeb li tiġi salvagwardjata mill-armata b’mod anti-demokratiku.)
B’hekk kellhom jibdew in-negozjati għall-isħubija tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea. Għaddew is-snin u ftit intlaħaq progress. Deher sew li l-Ewropej qed ifittxu l-iskużi biex ma jgħaġġlux fid-diskussjonijiet.
Fl-Ewropa baqgħu riżervi kbar kontra s-sħubija tat-Turkija, kemm minħabba li ma kinitx “Nisranija” (jekk dan baqagħlu xi tifsira f’Ewropa “lajka”), u kemm minħabba l-kobor tagħha. Tal-aħħar, nemmen jien, żgur kienet l-aqwa raġuni. Bil-firxa u l-popolazzjoni tagħha li qed tiżdied b’rata qawwija, it-Turkija bħala membru tal-UE issir l-akbar sieħeb, aqwa mill-Ġermanja. U għalkemm din tal-aħħar qatt ma qalitha ċar u tond, l-Ġermanja mhix lesta taċċetta dis-sitwazzjoni. Jien smajt diplomatiċi għolja tagħha privatament jammettu dil-biċċa.

ERDOGAN U X’ĠAB MIEGĦU

Sadattant, waqt li n-negozjati mal-Unjoni Ewropea twalu, it-Turkija taħt it-tmexxija ta’ Erdogan, sabet saqajha ekonomikament. Ġarrbet rati impressjonanti ta’ tkabbir ekonomiku li wasslu għal bidliet soċjali kbar. Bi tmexxija Izlamika, it-Turkija uriet li kienet tista’ timmodernizza. Minn ħafna, bdiet titqies bħala mudell ta’ kif l-Iżlam seta’ jkun mutur ta’ gvern li joħloq ħafna impjiegi u bosta inizjattivi ekonomiċi qawwija.
It-Turkija għaddiet minn fażi ta’ qawmien. In-nies bdiet tħoss fiduċja dejjem akbar fil-potenzjal tal-pajjiż. Il-bruda li baqgħet turi l-Ewropa lejn ix-xewqa tat-Torok biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea wasslet biex il-gvern ta’ Erdogan jiżviluppa alternattivi. Hemm fl-Asja li qabel kienet parti mill-Unjoni Sovjetika grupp ta’ pajjiżi (bħat-Turkmenistan…) fejn l-influwenza tal-Imperu Ottoman għadha qawwija, u fejn għad hemm qrubija mal-ġens Tork, mhux l-anqas fl-ilisen mitkellem. It-Turkija telqet biex terġa’ sseddaq ir-relazzjonijiet tagħha ma’ dawn il-pajjiżi.
Irnexxielha f’dan il-għan għalkemm fl-istess waqt bdiet tqanqal is-suspetti tar-Russja, li hi wkoll għandha interessi vestiti fl-istess reġjuni! U sadattant, kienet qed tiżdied id-distanza tat-Turkija mill-viżjoni Ewropea – ħaġa li ma tantx fil-verità dejqet lill-Ewropej, la baqa’ dubji fuq kemm xtaqu li sseħħ is-sħubija tat-Turkija mal-Unjoni. Issa, l-Ewropej bdew jilmentaw aktar u aktar dwar il-mod awtoritarju kif il-gvern Tork kien imexxi l-affarijiet.
Kienet skuża oħra din biex l-Ewropej ikomplu jagħtu daharhom lit-Torok? Mhux għal kollox. Imma serviet ukoll għal hekk.

L-IMMIGRANTI

Fl-aħħar sentejn, l-istorja kompliet tikkomplika ruħha. L-iżvilupp ekonomiku tat-Turkija, kif ta’ spiss jiġri, naqqas mir-ritmu tiegħu. Il-ħidma li Erdogan kien mexxa biex jintlaħaq ftehim mal-poplu Kurd fit-Turkija li jrid il-ħelsien, wara żmien ta’ progress, reġgħet laqtet l-iskolli: kif se taqbad tgħid fi ftit kliem, ta’ min hu t-tort?
Fuq kollox, il-gwerra ċivili tas-Sirja rat lit-Turkija titgħabba b’mijiet ta’ eluf – aktar minn żewġ miljuni – ta’ refuġjati Sirjani. Dawn issa bdew iħallu t-Turkija biex ifittxu kenn fl-Ewropa.
U l-Ewropej sabu li għandhom bżonn tat-Turkija. Hi, pajjiż wieħed, qed iġġorr il-piż ta’ aktar minn żewġ miljun refuġjat. X’lesta tagħmel biex tkompli ġġorr il-piż tagħhom u ttaffi l-piż “iċken” li qed jaraw li se jkollhom iġorru l-Ewropej?
L-interessi, il-bżonnijiet, it-talbiet, l-aspettattivi, l-inċidenti mill-imgħoddi qadim u riċenti, tant huma mxebilka f’xulxin li ma tistax taqtagħha għad-dritt dwar xinhu jiġri u x’għandu jiġri.
Li qed jidher ċar issa madankollu hu li taħseb x’taħseb dwar jekk it-Turkija hix pajjiż Ewropew, ikollok taċċetta li hi parti mill-Ewropa.

Facebook Comments

Post a comment