Ma tantx għamlet ħoss f’Malta imma d-deċizjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea anqas minn ġimagħtejn ilu jista’ jkollha effett qawwi aktar ‘il quddiem fuq l-ekonomija Maltija. Il-Kummissjoni ddeċidiet li l-mod kif ġew intaxxati l-kumpaniji Starbucks u Fiat fil-Lussemburgu u fl-Olanda ma kienx xieraq. Bi qbil li għamlu mal-awtoritajiet tat-taxxa ta’ dawn il-pajjizi, il-kumpaniji kienu sabu kif inaqqsu bil-kbir jekk mhux għal kollox il-piz ta’ taxxa li kien se jkollhom iħallsu.
Il-Kummissjoni ddeċidiet li dan kien wassal biex l-istess kumpaniji jiksbu vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat fuq il-kompetituri tagħhom. L-arranġamenti dwar it-taxxa li ftehmu li se jħallsu maz-zewġ pajjizi konċernati kienu jammontaw għal għajnuniet tal-istat li mhumiex ġustifikati. Il-Kummissjoni għalhekk qatgħetha li l-arranġamenti li saru kienu llegali. Ordnat li z-zewġ kumpaniji jirrifondu t-taxxa (fil-miljuni ta’ ewro) li messhom ħallsu.
Dan kien zvilupp ġdid fi proċess li telaq ftit aktar minn sena ilu bl-iskandlu tal-LuxLeaks. Permezz tiegħu, ġew pubblikati numru kbir ta’ “tax rulings” maħruġa mil-Lussembrugu fil-magħluq, lil għadd ta’ kumpaniji, il-biċċa l-kbira minnhom multinazzjonali. Ir-“rulings” ma kienu xejn ħlief ittri uffiċjali mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Lussemburgu li fihom il-kumpaniji ngħataw konferma tat-trattament favorevoli ħafna dwar ħlas ta’ taxxa li kienu se jingħataw. Minnufih qam ferment politiku dwar kif se jiġu kunsidrati każi bħal dawn li tqiesu bħala skandaluzi. Intqal li per mezz tat-“tax rulings” pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea tilfu biljuni ta’ ewros fi dħul minn taxxi.
Komplikazzjoni f’dan kollu kienet li Prim Ministru tal-Lussemburgu meta nħarġu t-“tax rulings” inzerta kien Jean Claude Juncker, president attwali tal-Kummissjoni Ewropea. Meta qamet dit-tempesta politika, hu qagħad lura, jew deher li qed jagħmel hekk, biex iħalli lill-Kummissarju Vestager inkarigata mill-kompetizzjoni tmexxi hi l-investigazzjonijiet. Hekk għamlet. Fetħet investigazzjoni li biha t-trattamenti tat-taxxa minn pajjiżi membri bdew jiġu mitqiesa mil-lenti tal-politika tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea.

MATERJA RIŻERVATA

Issa, skont it-trattati tal-Unjoni, it-taxxa għadha materja nazzjonali riżervata għall-istati membri. Biex dil-ħaġa tinbidel, hu meħtieġ li l-istati membri kollha jaqblu. B’xi mod wieħed jista’ jgħid li l-Kummissjoni Ewropea daret madwar dil-problema u qed tindaħal fil-mod kif l-istati membri jintaxxaw.
Biss, il-pressjoni politika kontra kif it-taxxi qed jiġu mħaddma biex jgħinu lill-kumpaniji l-kbar jevitaw li jħallsu t-taxxi dovuti minnhom, saret kbira wisq. Ma setgħetx tiġi sempliċement injorata. Irvellaw dwar hekk is-sidien tal-kumpaniji ż-żgħar, l-aktar dawk li ma jinnegozjawx barra pajjiżhom: huma kienu qed iħallsu t-taxxi dovuti kollha. U rvellaw it-trejdunjins għax waqt li huma u l-membri tagħhom ħallsu t-taxxi kollha fi żmien ta’ awsterità, kumpaniji kbar ma kienu qed iħallsu xejn waqt li jagħmlu profitti kbar. L-għajta kontra l-evażjoni tat-taxxa, u kontra l-ippjanar “aggressiv” li jsir mill-kumpaniji l-kbar biex jeħilsu milli jħallsu t-taxxi, dwiet bil-kbir.
Filfatt, qed isservi bħala bażi għal proposti li ilhom isiru u li reġgħu rrankaw biex il-membri tal-Unjoni Ewropea jibdew iqarrbu l-istrutturi ta’ taxxi tagħhom lejn xulxin. Illum qed jintqal li dan għandu jsir biex kemm jista’ jkun il-ħlas tat-taxxi jsir bla ħabi u skont kull ma jkun dovut. Il-proposti jieħdu s-sura li:
–għandu jkun hemm sistema waħda fl-Ewropa li biha l-kumpaniji l-kbar iħejju l-kontijiet tagħhom;
–il-kumpaniji għandhom jirrapportaw il-profitti tagħhom skont kif jagħmluhom pajjiż pajjiż; u
–għandu jkun hemm rata ta’ taxxa minima fuq il-qligħ li tapplika mal-Unjoni Ewropea kollha.
Fil-qafas ta’ Unjoni – li sa issa tat id-dritta lill-pajjizi membri biex iwettqu t-taxxi fuq id-dħul tal-kumpaniji u tal-individwi, skont kif iqisu li jaqbel l-aktar għall-interess nazzjonali tagħhom – dawn huma miżuri li qed jiftħu l-prospetti ta’ kontroversja u diskussjonijiet diffiċli.
Ipoġġu sfidi kbar quddiem is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta li fl-aħħar għoxrin sena kiber ħafna u sar forsi l-aktar qasam importanti tal-ekonomija Maltija.

***

L-IMMIGRANTI JIBQGĦU ĠEJJIN

L-immigranti jew refuġjati baqgħu jaslu f’numri kbar. Fil-Balkani, it-tensjoni bejn l-istati ġirien tqawwiet hekk kif wieħed wara l-ieħor qiesu li ta’ qribhom qed jimbotta lill-immigranti lejhom u hekk kif il-bzonnijiet materjali biex jagħtu kenn lir-refuġjati baqgħu jizdiedu. Ġimgħa ilu, il-President tal-Kummissjoni Juncker sejjaħ konferenza tal-kapijiet tal-istat tal-pajjizi konċernati biex jaraw kif jistgħu jaħdmu aktar flimkien.
Mid-diskussjonijiet li nzammu, ħareġ ċar li ma kien qed isir l-ebda kordinament bejn il-pajjizi konċernati biex jilqgħu flimkien għall-isfidi qawwija li qed jaffaċċjaw. Juncker qal li talanqas mil-laqgħa li kien organizza, ħareġ pjan biex huma jzommu f’kuntatt ma’ xulxin u jaraw kif l-aħjar jistgħu jaħdmu flimkien. Imma fil-jiem ta’ wara, reġa’ qam it-tilwim bejniethom. Saħansitra beda jissemma li l-Awstrija qed tikkonsidra li tibni barriera mal-fruntieri tagħha għax ma tiflaħx aktar għad-dħul ta’ eluf ta’ refuġjati.
F’dal-qasam li ilu x-xhur fi kriżi issa, hemm problema lampanti: l-Ewropej m’għandhomx pożizzjoni komuni. Bejniethom għadha tezisti l-firda tant li fl-aħħar jiem qamu ilmenti li ħafna mill-impenji li saru fl-aħħar Kunsill Ewropew u l-laqgħat simili, dwar riżorsi li se jiġu allokati għall-kenn tar-refuġjati, kienu baqgħu ma ġewx onorati mill-maġġoranza tal-pajjiżi membri.
Sadattant, il-kritika kontra l-Kanċellier Merkel fil-Ġermanja baqgħet tiżdied, b’tensjonijiet li nħassu bil-kbir fi ħdan iż-żewġ partiti tal-lemin, is-CDU u s-CSU li jmexxu l-kaolizzjoni ta’ gvern mas-soċjalisti. Bir-raġun li l-partit tas-CSU qed jitbaqbaq; hu l-partit ewlieni fil-Bavarja fejn qed jaslu l-aktar barranin u fejn is-servizzi li jilqgħuhom f’ċerti każi tilfu kontroll tas-sitwazzjoni. Seehofer il-mexxej tas-CSU fost l-ilmenti kbar li għamel dwar dak li qed jiġri, semma wkoll li se jkun lest jirtira t-tliet ministri tal-partit tiegħu mill-gvern federali Ġermaniż.
Aktar ma t-temp jiqliel bil-wasla tax-xitwa, aktar il-problemi umanitarji se jiżdiedu. Imma ma jidhirx li hemm xi ċans li n-numru ta’ immigranti jew refuġjati se jonqos.