Il-konfużjoni kienet akbar forsi milli wieħed stenna, u baqgħet kbira. Wisq nies u istituzzjonijiet kienu twebblu, ttamaw, aċċertaw ruħhom li l-kamp tal-Ibqa’ kien se jirbaħ fir-referendum dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ jew jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Is-sondaġġi li saru għenuhom f’din l-illużjoni. Meta r-riżultat ħareġ il-maqlub ta’ li stennew, l-effetti tiegħu kienu aqwa minn mistenni. Tqanqal terremot politiku, ekonomiku u soċjali bla preċedent fir-Renju Unit innifsu.
Barra l-pajjiż ukoll ix-xokk kien tremend, kemm fl-Unjoni Ewropea, kemm lil hinn minnha. Għall-ewwel darba kemm l-Unjoni ilha tinbena, pajjiż membru kien iddeċieda li jitlaq. Dawk li ilhom jissieltu għall-ħolqien ta’ Ewropa magħquda raw dan bħala dannu fondamentali għall-proġett tagħhom li jressqu lill-pajjiżi Ewropej lejn għaqda dejjem eqreb. Il-forzi hekk imsejħa sovranisti u ewro xettiċi li jridu l-maqlub kienu se jsibu rankatura ġdida għall-viżjoni tagħhom.

IL-POLITIKA INGLIŻA TA’ TAĦT FUQ

Minnufih wara li ħarġu l-aħħar riżultati, l-Prim Ministru Ingliż Cameron ħabbar ir-riżenja tiegħu u ħalla għas-suċċessur tiegħu biex jiftaħ u jmexxi n-negozjati għall-ħruġ tal-pajjiż mill-Unjoni. Il-valur tal-lira sterlina u tal-ishma tal-aqwa impriżi Ingliżi fil-boroż tal-kambju ħadu sabta kbira u baqgħu neżlin. Stabilizzaw ruħhom jum it-Tlieta ta’ wara r-referendum.
Li jiġri f’każi hekk fis-swieq tal-ishma, hu li min ikollu l-ishma tal-kumpaniji Ingliżi ngħidu aħna, jikkalkola li l-profitti se jinxfu u se jonqoslu d-dħul mill-ishma. Allura jara kif se jbigħhom malajr malajr. Bħalu jagħmlu l-kotra li tkun fl-istess qagħda. Quddiem il-pressa ta’ min irid ibigħ, il-prezz tal-ishma jibqa’ jaqa’ u min ikollu minnhom mhux biss jitlef mid-dħul, imma jitlef għax il-prezz li bih se jbigħ l-ishma tiegħu jkun qed jonqos. Aktar ma tikber il-pressa ta’ min irid ibigħ, aktar jitbaxxa l-prezz, u aktar se jitlef flus min jibqa’ jżomm mal-ishma li jkollu.
Il-Bank of England min-naħa tiegħu għamel mill-aħjar biex jistabilizza l-valur tal-isterlina. Il-Ministru tal-Finanzi Osborne daħal bis-saħħa biex jgħid li l-gvern se jagħmel minn kollox biex ma jippermetti l-ebda kollass tal-ekonomija. Quddiem dawn l-iżviluppi, fost iċ-ċittadini qam ċertu paniku. Mhux biss il-politka Ingliża dehret ta’ taħt fuq – l-ekonomija wkoll.
Dehru sinjali li l-kampanja tar-referendum kienet ħolqot firdiet ġodda u kbar fil-pajjiż. Hekk kif il-Konservattivi bdew jimmanuvraw biex jaraw lil min se jagħżlu bħala l-mexxej tagħhom, qamet gwerra ċivili fi ħdan il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni. Maġġoranza sostanzjali tal-membri tal-kabinett dell irreżinjaw u ddikjaraw li l-mexxej Jeeremy Corbyn ma kienx kapaċi għat-tmexxija. Il-grupp parlamentari Laburista għadda b’maġġoranza kbira mozzjoni ta’ sfiduċja fih. Hu sfidahom biex joħorġu lil xi ħadd jikkontestah.
Sfidi oħra qamu mill-Iskozja u mill-Irlanda ta’ Fuq, fejn il-popolazzjonijiet kienu vvotaw b’maġġoranza kbira favur li jibqgħu fl-Unjoni. L-Ewwel Ministru tal-Iskozja Sturgeon wissiet li l-Iskozja se tħossha libera biex mill-ġdid torganizza referendum tal-indipendenza bit-tir li Skozja indipendenti tkun membru tal-Unjoni. Fl-Irlanda ta’ Fuq il-qagħda dehret aktar imwegħra. Peress li kemm l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda (Eire) kienu t-tnejn fl-Unjoni Ewropea, ħafna barrieri qodma bejniethom kienu tneħħew. Issa tfaċċat it-theddida li għax naħa tinsab fl-Unjoni u l-oħra se toħroġ, il-barrieri l-qodma se jerġgħu jittellgħu.
U minn taħt bdiet titrewwaħ kampanja ġdida biex ir-riżultat tar-referendum jitwarrab. Firem inġabru għal petizzjoni f’das-sens li kellha titwassal quddiem il-House of Commons. Fi tliet jiem intqal li n-numru ta’ firem kien qabeż it-tliet miljuni. Dan waqt li l-midja ippublikaw stejjer dwar diżgwid fil-kamp tal-Itlaq. Intqal li l-mexxejja tiegħu ammettew li kienu għamlu stqarrijiet eżaġerati dwar il-fondi li r-Renju Unit se jiffranka jekk jitlaq mill-Unjoni, u dwar l-immigrazzjoni. Diffiċli tgħid liema parti minn dawn ir-rapporti kienet montatura u liema verità.

FIL-BQIJA TAL-EWROPA

Ixxokkjati bir-rebħa tal-Brexit, il-mexxejja tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri fl-UE tellqu l-ħidma biex jaraw kif se jiġi organizzat il-ħruġ tar-Renju Unit. Riedu jaraw ukoll x’għandha tkun ir-relazzjoni tal-Unjoni mal-Gran Brittanja u kif se jagħmlu biex membri oħrajn ma jitħajrux isegwu l-eżempju tal-Brittaniċi. Bħas-soltu, il-Ġermanja kienet kruċjali fiċ-ċaqliq li sar. Ġabret magħha lil Franza u lill-Italja. Ministri mis-sitt pajjiżi fundaturi tal-Unjoni ltaqgħu wkoll biex jiddiskutu.
Spanja maqbuda f’kampanja elettorali li spiċċat il-Ħadd ta’ wara r-referendum tal-Brexit bl-istess riżultat inkonklussiv bħal fl-elezzjoni ta’ sitt xhur qabel, ma kellhiex preżenza fil-laqgħat li saru. Il-pajjiżi membri tal-lvant, imdejqa li tħallew barra mil-laqgħat li saru, organizzaw waħda bejniethom li għaliha stiednu rappreżentant tal-gvern Ingliż.
Il-Parlament Ewropew, biex ma jibqax lura, organizza wkoll laqgħa straordinarja fil-bidu tal-ġimgħa fejn għadda riżoluzzjoni. Fiha talab li n-negozjati għall-Brexit jinbdew minnufih u li l-Ewropa tmexxi miżuri ġodda malajr ’il quddiem li jsaħħu l-istrutturi tat-tmexxija taż-żona ewro, fost l-oħrajn. (Jien ivvotajt kontra.)
Il-pern tad-diskussjonijiet baqa’ bl-aktar mod ċar, u kif għandu jkun, fl-ambitu ta’ bejn il-mexxejja statali. Diversi perspettivi ħarġu fil-beraħ dwar x’kienu l-għanijiet: li l-Unjoni Ewropea turi li għalkemm midruba serjament bit-tluq tar-Renju Unit, għadha tista’ tissoda u tiżviluppa; li n-negozjati mar-Renju Unit jitlestew malajr ħalli dil-kwistjoni ma tkomplix tħawwad il-bigħa; li dak li jitwettaq ma jservix biex jinkoraġġixxi aktar diżgwid. Dilemma ewlenija hi: l-mexxejja tal-Unjoni għandhom ikunu iebsa mar-Renju Unit u jaraw li jisolħu minnha ftehim mimli piżijiet? Jew għandhom ikunu “flessibbli”?
Fit-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet, se jidħlu d-dwejjaq fost l-Ewropej bil-metodi li jużaw il-Brittaniċi li sa mid-dħul fl-Unjoni kienu “diffiċli” fir-relazzjoni tagħhom mal-bqija tal-Ewropa; xewqa għal tpattija fuq ir-Renju Unit talli ħoloq dan id-diżgwid “żejjed”; rabja għall-Prim Ministru Ingliż Cameron li daħħal lil kulħadd f’tabxa papali sempliċement biex jiżgiċċa minn problema interna għall-partit tiegħu.
In-nuqqas ta’ fiduċja f’Cameron dehret ċar meta ħabbar li mhux se jkun hu li jissottometti t-talba tar-Renju Unit biex jiddivorzja mill-bqija tal-Unjoni Ewropea skont l-artiklu 50 tat-trattat dwar kif titmexxa l-Unjoni. Se jagħmel hekk is-suċċessur tiegħu bħala Prim Ministru wara li jinħatar sa Ottubru ta’ dis-sena. Minnufih qam il-biża’ li din xi logħba oħra ta’ Cameron, li qed jerġa’ jgħabbi lill-Ewropa b’riskji u dewmien ġodda biex isolvi problemi interni għall-partit tiegħu. Qamet l-għajta – imtennija fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew – biex ir-Renju Unit jinvoka minnufih l-artiklu 50. Il-Kunsill Ewropew ħatar funzjonarju Belġjan, imħarreġ fin-negozjati Ewropej, biex imexxi d-diskussjonijiet dwar il-Brexit mal-Brittaniċi. Imma diġà daħal dissens bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill dwar min għandu jmexxi n-engozjati mar-Renju Unit.
Min-naħa tal-Kummissjoni, ħarġet ukoll direttiva lil kull min se jkollu x’jaqsam man-negozjati ta-Brexit biex ma jitkellimx dwarhom b’mod informali ma’ ħadd. L-argument li qed isir hu dan: malli r-Renju Unit iressaq it-talba uffiċjali tiegħu biex jirtira mis-sħubija, in-negozjati jitilqu minnufih b’mod uffiċjali; in-negozjati għandhom isiru biss f’dal-qafas.
Il-problema x’inhi? Il-qagħda politika fir-Renju Unit hi kważi kaotika. Il-Partit Konservattiv telaq biex isib mexxej ġdid. Il-Laburisti tellqu gwerra ċivili biex itajru lill-mexxej attwali, Jeremy Corbyn. Jirriżulta li l-kamp tal-Brexit ma kellu l-ebda proposti mħejjija għal kif se jimxu ’l quddiem jekk jirbħu. It-tħejjija tagħhom trid issir mill-Prim Ministru Ingliż ġdid. Qabel ma l-qagħda politika tiċċara, hu diffiċli tara kif in-negozjati jistgħu jibdew bis-serjetà.
Għadna fil-bidu ta’ storja oħra ġdida dwar l-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea li did-darba xejn ma tixbah lill-istejjer ta’ qabilha, twal, diffiċli u komplikati daqs kemm dejjem kienu.

Facebook Comments

Post a comment