Fil-Parlament Ewropew naturalment, ħafna membri qed jaħsbu dwar l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss. Il-Presidenti tal-gruppi politiċi miġbura madwar il-President tal-Parlament Tajani, irrakkomandaw li dawn jinżammu matul l-aħħar ġimgħa ta’ Mejju 2019. Bdew isiru l-kalkoli elettorali, li ma tantx jistgħu joħorġu favorevoli għall-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi. Barra milli se jkunu tilfu l-appoġġ tal-kontinġent Laburista Ingliż, is-soċjalisti jkollhom jibżgħu li l-aqwa żewġ kontinġenti tagħhom se jispiċċaw jew żvixxrati (ta’ Franza) jew imminati bil-kbir (tal-Ġermanja). Id-delegazzjoni Taljana jkollha tibża’ wkoll li se tnaqqas sew mis-saħħa tagħha waqt li l-prospetti ta’ dik Spanjola xejn ma jidhru li qed jiffjorixxu.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, wieħed jistenna li s-soċjalisti fil-Parlament Ewropew se jkunu qed iqattgħu ħafna ħin jagħrblu kif l-aħjar se jżidu fil-voti f’Mejju 2019. Biss, ikolli ngħid li dan ma tantx qed isir. Id-diskussjonijiet jippernjaw l-aktar fuq kif din jew dik il-politka Ewropea, li tkun ilha daqstant snin titlesta, se titwettaq fil-ħin. Fuq quddiem nett f’dawn il-“kalkoli” hemm il-politika dwar riformi fiż-żona tal-ewro (fuq il-linji li ta’ spiss semmejna f’dil-paġna tul l-aħħar snin), l-ambjent u l-koperazzjoni fid-difiża. Fil-fehma umli tiegħi, avvanzi fil-politika Ewropea f’dawn l-oqsma, utli kemm jistgħu jkunu utli, mhuma se jrebbħu l-ebda vot ġdid għas-soċjalisti. Imma forsi qed nitqarraq.
Li hu ċar hu li żviluppi fl-oqsma nazzjonali se jkunu ħafna aktar importanti mill-iżviluppi fil-politika Ewropea, f’kif jivvotaw l-Ewropej għall-Parlament Ewropew — dawk li jivvotaw jiġifieri, għax iċ-ċansijiet huma li ħlief għal Malta u xi żewġ pajjiżi oħra, it-tendenza se tkun għal rata dejjem aktar baxxa ta’ parteċipazzjoni fil-vot. Bħal ma jiġri fid-demokraziji kollha, il-kaldaruni tal-politika nazzjonali ma jiqfux li jbaqbqu. Jekk it-tbaqbiq tagħhom ma jiġix segwit mill-qrib, mhux se jiftiehem l-effett tiegħu fuq l-elezzjonijiet Ewropej. M’inicx nara li dil-ħaġa qed tingħata biżżejjed attenzjoni.
Semmejna kemm-il darba hawn l-ġrajjiet politiċi minn pajjiż għal pajjiż li nqalgħu fl-aħħar żminijiet. Ta’ min li llum u perjodikament fix-xhur li ġejjin nibqgħu nagħtuhom ħarsa.
KATALUNJA
Wara l-elezzjoni li saret f’Diċembru, il-partiti favur l-indipendenza tal-Katalunja reġgħu ġabu maġġoranza relattiva. Il-kalkolu li daħal għalih il-Prim Ministru Spanjol Rajoy meta xolja l-Parlament reġjonali tal-Katalunja u sejjaħ elezzjonijiet reġjonali ġodda falla. Biex tagħqad, mexxejja politiċi tal-Katalunja baqgħu fil-ħabs.
L-aħħar sfida għal Rajoy ġiet mill-manuvri li bdew jagħmlu l-forzi politiċi qrib tal-eks presideent tal-Katalunja Puidgemont, li jinsab eżiljat fil-Belġju, biex hu jerġa’ jiġi elett President tar-reġjun. Irid li jmexxi “mill-bogħod” permezz ta’ Skype għax jekk jirfes lura fi Spanja, jarrestawh. Il-gvern ċentrali qal li jekk il-parlament reġjonali l-ġdid se jaħdem b’dal-mod, ixoljih u jmexxi lill-Katalunja direttament.
Baqagħlna x’nisimgħu dwar din l-istorja. L-Unjoni Ewropea għamlet minn kollox sa issa biex tibqa’ barra minnha. Ħaġa dubjuża kemm se jirnexxielha tibqa’ tagħmel hekk sal-aħħar.
***
IL-PASS TA’ MACRON
Anke l-aqwa kritiċi tiegħu, qed isibuha diffiċli imaqdru bil-qawwi lill-President Macron ta’ Franza. Jinsab miexi fuq front wiesa’ biex iwettaq dak li wiegħed, u minħabba f’hekk, l-avversarji qed isibuha bi tqila biex ikunu wisq effettivi. Is-suċċess elettorali baqa’ jiġbed lejh politiċi mil-lemin u x-xellug li kienu se jispiċċaw bla karriera.
Fuq kollox, diġà daħħal bla wisq ġlied, elementi importanti tal-programm tiegħu billi straħ fuq l-argument li sempliċement qed iwettaq il-mandat li tah il-poplu. Bidliet fid-drittijiet tal-ħaddiem u l-unjins tagħhom, li s-soltu joħolqu l-kaos fit-toroq Franċiżi, għaddew mingħajr wisq dnewwa.
Macron qed jitqies bħala l-ankra li madwarha se jkollha tintrabat kwalunkwe riforma fit-tmexxija taż-żona tal-ewro, jekk din se sseħħ…
***
NEGOZJATI FIL-ĠERMANJA
Ħafna qed jistaqsu: Xinhu għaddej tassew fil-Ġermanja? L-elezzjonijiet inkonklussivi għall-Bundestag f’Settembru li għadda ħallew il-politika Ġermaniża fil-limbu. Il-Kanċellier Merkel, mitqiesa bħala omnipotenti sa ftit taż-żmien ilu, kellha tqatta’ ġimgħat sħaħ tara kif se tillipazza biex ikollha koalizzjoni ma’ partiti oħra li biha tista’ tmexxi.
Spiċċat terġa’ tinnegozja mas-soċjalisti (SPD) immexxija mill-eks president tal-Parlament Ewropew Martin Schulz biex iwaqqfu koalizzjoni oħra bejniethom. Immedjatament wara l-elezzjoni ta’ Settembru, Schulz kien stqarr li l-SPD ħtieġlu jmur fl-Oppożizzjoni biex jiġġedded. Issa bidel ir-rotta wara li Merkel ma rnexxilhiex tibni koalizzjoni mal-Ħodor u l-Liberali. Ma’ Merkel wasal għal bidu ta’ ftehim, fejn veru, akkwista ftehim li koalizzjoni bejn l-SPD u s-CDU/CSU iddaħħal miżuri soċjali ġodda mhux ta’ min jarmihom. Biss, kellu biex jista’ jkompli jiżviluppahom ġo ftehim sod ma’ Merkel f’aktar negozjati, irid iġib il-kunsens tad-delegati fil-konferenza ġenerali tal-SPD, li qed tinżamm fil-ġurnata li jidher dan l-artiklu. Il-kontroversji dwar dan is-suġġett ma naqsux fil-fora kollha tal-SPD.
***

ELEZZJONIJIET TALJANI
Sadattant, il-ferment elettorali fl-Italja baqa’ jikber. Dejjem kien hemm bosta partiti jtellqu għall-glorja politika fl-Italja. Imma issa żviluppat sitwazzjoni fejn tlieta, jew anke erba’ partiti jinsabu f’kompetizzjoni, u fejn kull perċentwal li jnaqqru mill-vot ta’ ħaddieħor, jista’ jservihom tajjeb biex jaslu f’qagħda dominanti.
Il-maniġġi bejn dak, l-ieħor, ta’ qablu u ta’ warajh, baqgħu biżantini. Diffiċli tgħid fejn sa jwasslu. Kulħadd madankollu qed ibassar li l-ebda partit mhu se jispiċċa rebbieħ waħdu. L-ispekulazzjoni hi li s-soċjalisti (Partit Demokratiku) jistgħu jkunu qed jifformaw koalizzjoni mal-partit ta’ Berlusconi li bħala figura politika qed jitqies li rxoxta mill-mewt. L-“Ewropej” xorta għadhom ma jistgħux għalih.
***
IL-BREXIT
It-tieni fażi tan-negozjati dwar il-Brexit se jibdew fi klima ta’ spekulazzjoni jekk mhux inċertezza. Dan għax minkejja li kemm il-Prim Ministru May u kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Corbyn reġgħu stqarrew li mhux se jkun hemm referendum ieħor dwar il-Brexit, il-ħsieb li dil-ħaġa tista’ tiġri baqa’ jinfirex. Forsi tah spinta akbar Nigel Farage, l-eks mexxej tal-UKIP, meta qal li beda jqis li aħjar isir referendum ieħor ħalli l-Brexit jissammar f’postu darba għal dejjem.
Meta ma jkunux qed igergru, kif ta’ spiss jagħmlu, li l-gvern Ingliż ma jafx sa fejn se jwassal il-Brexit, mexxejja Ewropej dehru li għoġbithom l-idea ta’ referendum ieħor fir-Renju Unit. Fl-aħħar mill-aħħar, xorta kieku kellhom jagħżlu, għadhom jippreferu li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni, mhux jitlaq.
***
AWSTRIJA, POLONJA U L-UNGERIJA
Imbagħad hemm l-Awstrija, l-Polonja u l-Ungerija. Fl-Awstrija, il-gvern ta’ koalizzjoni bejn partit tal-lemin u partit tal-lemin “estrem” qed jieħu l-ewwel deċiżjonijiet tiegħu. Dak li se jkun qed jagħmel qed ikun osservat b’ċertu nervożiżmu fil-pajjiżi ta’ madwar.
Dwar il-Polonja, il-Kummissjoni Ewropea tidher determinata li tmexxi sal-aħħar il-proċedura li bdiet kontra l-Polonja dwar l-istat tad-dritt taħt artiklu 7 tat-trattati Ewropej. Saru laqgħat bejn il-President tal-Kummissjoni Juncker u l-Prim Ministru Pollakk Moraviecki li ddiskutew il-biċċa kollha. Kemm qabel u kemm wara l-laqgħat, iż-żewġ naħat irrepetew l-argumenti tagħhom.
Fl-Ungerija fejn riesqa elezzjoni f’April, il-gvern tal-Prim Ministru Orban jidher konvint li se jibqa’ f’postu. Il-kritika fil-Parlament Ewropew kontra t-tmexxija ta’ Orban ma qatgħetx — ħaġa li ma tantx tidher tinkwetah. Kontrih ukoll ittellqet proċedura taħt artiklu 7 mill-Parlament Ewropew did-darba, li tikkonċerna l-istat tad-dritt f’pajjiżu.

Facebook Comments

Post a comment