Fil-belt ta’ Chemnitz fil-Ġermanja tal-lvant, immigrant mil-Lvant Nofshani attakka u qatel Ġermaniż ta’ mezz’età f’nofs triq. Bi protesta, il-partit tal-lemin estrem l-AfD organizza dimostrazzjonijiet u partiti tax-xellug u ċ-ċentru organizzaw kontro-protesti.
Fl-Italja fejn qed titqawwa x-xenofobija, saru attakki fuq immigranti Afrikani.
Fl-Ungerija, immigrant mil-Lvant Nofshani kellu konferma ta’ ħames snin ħabs għax mexxa attakk fuq post tal-fruntiera Ungeriża ħalli sħabu u hu setgħu jidħlu fil-pajjiż.
Inqalgħu ħafna inċidenti bħal dawn mal-Ewropa kollha. Qed jagħtu sinjali xejn sbieħ: il-problema tal-immigrazzjoni qiegħda tqajjem kurrenti kbar ta’ dwejjaq u rabja fost il-popli u issa wkoll bejn il-gvernijiet. Kemm ilha li daħlet għat-tmexxija l-koalizzjoni bejn tal-Ħamest Ikwiekeb u l-Lega fl-Italja, il-kwistjoni saret titqies bħala l-aktar waħda li tista’ tkisser l-għaqda Ewropea. Il-gvern Taljan qed jinsisti li mhux lest jibqa’ jġorr “waħdu” l-piżijiet tal-immigrazzjoni tielgħa mill-Afrika. Il-piżijiet finanzjarji, ekonomiċi u soċjali kibru wisq. Ħolqu diffikultajiet kbar fil-komunitajiet lokali u fost il-familji.
Mhux kulħadd jaqbel ma’ din l-analiżi.

HI PROBLEMA JEW LE?
L-immigrazzjoni hi problema għall-Ewropa?
F’Malta pereżempju, jintqal li fIs-snin li ġejjin, biex inżommu r-rankatura tal-ekonomija tagħna li qed dejjem tikber, neħtieġu mal-40,000 ruħ minn barra biex jaħdmu hawn ħalli nkomplu mal-ħteġiet tagħha. Allura għandna bżonn l-immigranti jew le?
Fil-Ġermanja fuq l-iskala tagħha – ħafna akbar minn tagħna, u ma’ bosta inħawi tal-Ewropa, jeżisti nuqqas ta’ ħaddiema. Qed jiżdiedu x-xjuħ… għax iż-żmien jgħaddi fuq kulħadd. L-imwiet ta’ “kmieni” naqsu… Imma qed jitilgħu anqas żgħażagħ. Ir-rata tat-twelid fl-Ewropa, fost l-aktar baxxi fid-dinja, hi mistennija tibqa’ tonqos. Jekk minħabba f’hekk, ikun hemm anqas nies li jaslu biex jaħdmu, min se joħloq il-ġid bix-xogħol tiegħu u tagħha biex minnu jkunu jistgħu jitħallsu s-servizzi soċjali u l-pensjonijiet?
Kieku l-affarijiet qed isiru “sew”, kieku l-Ewropa taqbel fuq regoli ċari dwar politika ta’ immigrazzjoni regolari. La għandha bżonn in-nies biex mix-xogħol tagħhom joħolqu l-ġid meħtieġ, trid tara kif se ssibhom! Il-proċess li bih jaslu l-immigranti ikun wieħed stabbilit bil-qbil ta’ kulħadd u jrid ikun jista’ jiġi “mmaniġġjat”, anki billi jiġu mħaddma kwoti dwar kemm se jiddaħħlu nies “ġodda”. Hekk kien isir mhux daqstant ilu bl-iskemi ta’ immigrazzjoni fl-Awstralja u l-Kanada, fejn marru għexieren ta eluf ta’ Maltin. Pajjiżi jew żoni li ma jeħteġux immigranti ma jkollhomx għalfejn jirċevuhom.
Fondi tal-Unjoni Ewropea jintużaw biex jamministraw is-sistema tal-immigrazzjoni, waqt li l-fruntieri jkunu mħarsa minn servizzi Ewropej ta’ sigurtà li jaħdmu skont proċeduri maqbula minn kulħadd.

XINHU JŻOMM LURA…?
Il-verità hi li jeżistu fatturi ewlenin li qed iżommu lura milli dil-mira tintlaħaq f’qasir żmien. Il-fatturi ma jissemmewx fiċ-ċar għax iqanqlu diskors dwar suġġetti li huma tabu fl-Ewropa. Moħbija imma qawwija fost il-popli Ewropej hemm sentimenti u preġudizzji razzjali, kulturali, reliġjużi u ta’ biża’ dwar kif l-immigranti jistgħu jakkapparraw l-aħjar postijiet tal-pajjiż. Il-preġudizzji jkopru t-temi tal-“bojod” kontra s-“suwed”, is-sofor u l-Għarab. Ikopru wkoll il-“konfront” bejn l-“Insara” u l-“Misilmin”.
Preġudizzji razzjali u kulturali bħal dawn jeżistu kullimkien. B’governanza soda u tajba jistgħu jingħelbu u jitwittew. Dil-ħaġa mhux talli ma ġratx, talli f’temp qasir, fi żmien meta ħafna u ħafna ħaddiema Ewropej kienu jew bla xogħol jew b’xogħol prekarju, wasal fl-Ewropa l-mewġ kbir tal-immigrazzjoni.
Dan kompla jħarrax is-sentiment nazzjonalista fost il-popli tal-lvant l-aktar, imma wkoll fost Ġermaniżi, Franċiżi u Taljani. L-esperjenza turi li anke meta gvern jibda b’pożizzjoni “ratba” lejn l-immigrazzjoni, malajr jibda jibdilha, anke jekk ikun “progressiv”. Il-gvern soċjalista minoritarju ta’ Pedro Sanchez fi Spanja xi ġimgħat ilu kien lest jieħu immigranti li nqabdu f’nofs baħar u f’nofs tilwima bejn il-gvern Malti u dak Taljan dwar ta’ liema gvern kienet ir-responsabbltà li jsalvahom mill-għarqa u jżommhom għandu. Mat-tieni darba li Sanchez wera dil-ħaġa, bdew jiżdiedu l-vjaġġi bid-dgħajjes lejn Spanja tal-hekk imsejħa “klandestini” mill-Marokk. L-opinoni publika Spanjola bdiet titħasseb dwar x’kien qed jiġri. Il-gvern ta’ Sanchez issa qed juri ruħu aktar sod fil-mod kif jittratta l-wasla tal-immigranti f’pajjiżu, u qed ikun aktar lest biex jibgħathom lura minn fejn ġew.
Hemm verità oħra f’dan kollu. Ir-regoli Ewropej dwar kif tiġi kontrollata l-immigrazzjoni rregolari tfasslu fi żmieniet oħra, meta l-immigrazzjoni – għalkemm dehret li se toħloq problema – ma kinitx għadha wasslet għat-tensjonijiet tal-lum. Kienet isseħħ b’numri ħafna anqas qawwija. Minn hekk jiftehmu ċerti regoli maqbula fl-imgħoddi, bħal fil-ftehim ta’ Dublin. Skont dal-ftehim, l-immigranti rregolari għandhom jibqgħu jinżammu fl-ewwel pajjiż tal-Unjoni fejn ikunu daħlu. Imma meta n-numru tagħhom jibda jlaħħaq fl-għexieren tal-eluf, il-problemi li jinqalgħu fil-pajjiżi fejn qed jaslu jsiru tremendi.
Biss, dawk l-pajjiżi Ewropej li mhumiex fiċ-ċirku ta’ barra tal-kontinent Ewropew iddarrsu quddiem l-idea li għandhom jaqsmu l-piżijiet mal-istati li jinsabu fuq il-fruntiera. L-Ungerja l-aktar waħda skjetta fuq dil-problema: l-Ewropa m’għandhiex taċċetta aktar immigranti. L-Ungerija hekk qed tagħmel u qed tirrifjuta li tiddiskuti kwalunkwe proposta biex il-piżijiet tal-immigranti u tar-refuġjati jitqassmu. Dan qed jimblokka l-inizjattivi li l-Unjoni Ewropea tista’ tieħu biex ittaffi t-tensjonijiet soċjali dejjem jikbru fil-pajjiżi li jridu jew ma jridux, qed l-aktar ikollhom jilqgħu immigranti.
Lanqas nistgħu ninsew l-immigrazzjoni ħielsa fi ħdan l-Unjoni Ewropea nnifisha. Din ma tantx tissemma għax l-istess regoli tal-Unjoni Ewropea huma mibnija fuq il-ħelsien tal-“moviment” tal-persuni. Kull ċittadin ta’ pajjiż membru tal-Unjoni jista’ jmur jgħix u jaħdem fi kwlaunkwe pajjiż ieħor tal-Unjoni. Terġa’, dawk iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri taż-żona Xengen fl-Unjoni Ewropea jistgħu imorru fejn iridu fiż-żona tax-Xengen bla ħtieġa ta’ passaport.
Din l-immigrazzjoni ma tantx tissemma. Imma jidher li kellha effett qawwi fuq id-deċiżjoni tal-elettorat Brittaniku biex joħroġ lir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Anke hawn, il-wasla ta’ immigranti mil-lvant tal-Ewropa qajmet id-diżgwid. Bdiet tiġri malli l-pajjiżi Ewropej tal-Lvant – li llum ma jridux jaċċettaw immigranti fosthom – daħlu membri tal-Unjoni. Il-gvern Ingliż fl-istess trattat ta’ adeżjoni ta’ dawn il-pajjiżi, seta’ jagħti żmien ta’ seba’ snin qabel l-immigrazzjoni lejn pajjiżu mill-membri l-ġodda tibda ssir bla xkiel. Il-gvern Laburista ta’ Tony Blair iddeċieda li ma kellux bżonn ta’ dan ż-żmien ta’ transizzjoni. Aċċetta li l-immigrazzjoni tkun ħielsa mill-bidu nett.
Fis-snin ta’ wara, infirxu maċ-ċittadini tar-Renju Unit ilmenti dwar il-“plumbers Pollakki” – uħud minnhom jistrieħu fuq stejjer mistħajla jew ivvintati – li kienu waslu fil-pajjiż biex “jisirqu” x-xogħol tal-Ingliżi…
Problema essenzjali fil-kriżi tal-immigrazzjoni hi li wara żmien ta’ ottimiżmu qawwi dwar il-futur tal-Ewropa (kif wera Tony Blair), ninsabu fi żmien fejn l-ottimiżmu mhux biss nixef, imma s-solidarjetà meħtieġa biex tingħeleb il-kriżi mhijiex qed tinħass aktar.

Facebook Comments

Post a comment