Fost ir-riformi li ddaħħlu fit-tmexxija taż-żona tal-ewro wara s-sena 2008 biex jilqgħu għall-kriżi finanzjarja ta’ dik is-sena, kien hemm miżuri biex tinħoloq għaqda bankarja. Parti kbira mill-kriżi żvolġiet meta banek ewlenin Ewropej resqu qrib il-falliment. Daħlu l-gvernijiet biex isalvawhom. Imma l-flejjes li l-gvernijiet ħarġu biex iżommu l-banek fil-wiċċ u li kellhom jissellfuhom, għabbew fuq l-istess gvernijiet piżijiet kbar. Dak kien żmien meta l-imgħaxijiet għall-fondi msellfa żdiedu sew. Minħabba f’hekk, il-gvernijiet infushom resqu qrib ħafna l-falliment.
Barra minn miżuri biex jitwieżnu l-gvernijiet li jkunu se jfallu, intlaħaq qbil dwar il-bżonn li jidħlu miżuri ħalli s-sitwazzjoni tal-banek l-aktar importanti ma titħalliex tmur mill-ħażin għall-agħar sakemm fl-aħħar tisplodi. B’hekk twieldu l-proġetti għal għaqda bankarja fiż-żona tal-ewro. Permezz ta’ din l-għaqda, għal banek li jitqiesu bħala ta’ importanza Ewropea – jiġifieri, fost affarijiet oħra, ikunu banek kbar – kellhom jiddaħħlu l-istess miżuri ta’ sorvelja.
Imbagħad kellhom ukoll jitħejjew l-istess proċeduri maż-żona dwar kif jiġu ttrattati l-każi ta’ banek li jaffaċċjaw diffikultajiet kbar. Il-proċeduri kellhom jgħidu kif imissha tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-banek għandhomx jiġu megħjuna jew le. Jekk iva, per mezz tal-għaqda bankarja, kellha tingħatalhom għajnuna ħalli jegħlbu d-diffikultajiet.
Fit-tielet post, kellha tiddaħħal ukoll skema ta’ garanzija għad-depożitanti kollha mal-banek Ewropej ħalli jekk bank jew ieħor (jitħalla) ifalli, ħadd mid-depożitanti ma jitlef flusu.

IS-SORVELJA

Fuq medda ta’ snin, bdew isiru kważi kull sena testijiet fuq il-banek Ewropej biex isir magħruf kemm setgħu jilqgħu għal kwalunkwe taħsir fil-kondizzjonijiet li fihom qed jaħdmu. Dan kien iż-żmien li fih ħafna banek (biex ma ngħidux kollha) kienu qed iġorru fil-kotba tagħhom self qawwi li fuqu ma kinux qed jitħallsu imgħaxijiet, waqt li kondizzjonijiet oħra tas-self li għamlu l-banek ma kinux qed jiġu onorati. It-testijiet li saru fuq il-banek kienu fost affarijiet oħra, jiflu kif huma kienu attrezzati biex jilqgħu għal sitwazzjoni fejn das-self mejjet (“non-performing loans” jew NPL, fil-qosor) kien baqa’ jiżdied u jiżdied.
Biex dan seta’ jsir, kellhom jintgħażlu l-banek li se jitpoġġew taħt dawn il-miżuri ġodda ta’ sorvelja. Minn kull pajjiż membru, issemmew dawk il-banek li tqiesu li għandhom statura “Ewropea”. Ingħataw il-laqam ta’ banek b’importanza “sistemika”. Minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta kellha wkoll tipprovdi banek għal din il-lista. Iddaħħlu l-Bank of Valletta u l-HSBC.
Mill-eżamijiet li saru tal-banek li ntgħażlu, bdew jinbtu regolamenti ġodda ta’ kif il-banek kellhom imexxu l-finanzi tagħhom, bħal fil-għoti ta’ self, fir-riżervi li kellhom iżommu u fil-mod kif jaqtgħuha liema proġetti se jsostnu. Ir-regolamenti kellhom japplikaw bl-istess mod għal kull bank.
Deċiżjoni oħra li kellha tittieħed kienet dwar min se jieħu ħsieb imexxi s-sorvelja fuq il-banek u kif se jagħmilha. Ma tantx inġema’ entużjażmu biex titwaqqaf xi organizzazzjoni ġdida. Fl-aħħar id-deċiżjoni ttieħdet li jkun il-Bank Ċentrali Ewropew li jingħata l-inkarigu tas-sorvelja “Ewropea”, b’kordinament mal-istituzzjonijiet fil-pajjiżi differenti li jissorveljaw il-banek fuq bażi nazzjonali. F’Malta, dax-xogħol isir mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji – qabel kien isir mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Biex ikun jista’ jlaħħaq ma’ dil-ħidma l-ġdida li għaddewlu, il-Bank Ċentrali Ewropew ħtieġlu joħloq dipartiment ġdid, separat mill-bqija tal-operat tiegħu, u għalih jimpjega ħafna nies.
Matul daż-żmien, ma naqsux regolamenti ġodda dwar it-tmexxija tal-banek. Ir-regolamenti kollha kienu maħsuba biex iħarsu l-banek milli jispiċċaw imgħobbija b’piżijiet li ma jkunux jistgħu jifilħu għalihom. Bħala għan, dan kien wieħed ta’ min ifaħħru. Imma spiċċa wkoll jgħabbi lill-banek bi problemi fit-tmexxija tan-negozji tagħhom. Is-self għal investimenti ġodda fiż-żona tal-ewro naqas, kif għamlu l-istess investimenti.

JEW TGĦIN JEW TĦALLI JFALLI

Waqt li bdew jitwettqu l-proċeduri ta’ sorvelja, dejjem bħala parti mill-għaqda bankarja li kienet qed tinbena, ittieħdu passi biex jinħoloq korp ġdid li jieħu ħsieb dawk il-banek li jaħkimhom l-għawġ. Għax jekk il-Bank Ċentrali Ewropew fis-sorvelja tiegħu jsib li xi bank jew ieħor jinsab gravi, x’kellu jiġri?
Għal dan, twaqqfet l-hekk imsejħa Awtorità ta’ Riżoluzzjoni. Lilha jitressqu każi “gravi”. Tagħha r-responsabbiltà li tiddeċiedi mbagħad jekk il-każ hux daqstant ħażin, li aħjar għal kulħadd jekk il-bank jitħalla jegħreq. U l-Awtorità ingħatat, talanqas fuq il-karta, il-poter li tieħu deċiżjoni bħal din. Allura, l-bank konċernat ma jirċevix għajnuna u jfalli. Imma jekk l-Awtorità tqis mod ieħor, jiġifieri li l-bank jista’ jiġi salvat, ma jkunx hemm għalfejn jindaħal il-gvern nazzjonali li f’pajjiżu l-bank jopera. L-Awtorità nnifisha tkun tista’ torganizza s-salvataġġ tiegħu b’mezzi finanzjarji li tiġi ddotata bihom biex tagħmel hekk.
Il-bużillis kien jinsab fl-aħħar kondizzjoni. Minn fejn se jiġu l-fondi ta’ din l-Awtorità? Is-soluzzjoni li nstabet kienu li l-banek b’importanza “sistemika” jagħtu kull sena kontribuzzjoni mill-profitti tagħhom lill-Awtorità biex din taħdem bihom – għamla ta’ taxxa ġdida fuq l-operat tal-banek. Dawn – għalkemm ma setgħux ikunu kontra l-proġett għal Awtorità ta’ Riżoluzzjoni, għax jagħmel sens – sabuha bi kbira li jerġgħu jimblokkaw aktar fondi biex jiffinanzjaw l-operat tal-Awtorità. Diġà r-regolamenti ġodda li l-Bank Ċentrali Ewropew kien qed jissettja għal kif għandhom joperaw il-banek, kienu qed jiklulhom bil-kbir mill-profitti tagħhom.
L-arranġament li nstab kien li l-banek jingħataw aktar nifs ta’ żmien fil-kontribuzzjonijiet li jkollhom joħorġu u li l-gvernijiet sadattant, jagħtu garanziji finanzjarji ġodda lill-Awtorità ta’ Riżoluzzjoni biex jippermettulha taħdem. L-arranġament kellu jibqa’ sakemm matul is-snin, il-banek “sistemiċi” ikunu kkontribwew fondi biżżejjed biex l-Awtorità tkun tista’ tmexxi mingħajr garanziji statali. Il-problema hawn kienet li b’dal-pjan, l-Awtorità se jkollha tistenna snin twal qabel tassew tista’ timxi għal rasha.
Barra mninn hekk, jekk il-gvernijiet se jkollhom joħorġu ġaranziji ġodda, xorta se jibqgħu maqbuda fit-taħwid bankarju, meta jinqala’. Issa, l-idea kollha wara r-riforma kien preċiżament biex jeħles lill-gvernijiet minn dal-kraxx… F’dal-qasam, waqt li l-Awtorità ta’ Riżoluzzjoni bdiet topera, deċiżjoni finali dwar kif se tkun finanzjata fis-snin li ġejjin tinsab xi ftit fil-limbu.

GARANZIJA GĦAD-DEPOŻITANTI

Li jwassalna għat-tielet kolonna li fuqha kellha tittella l-għaqda bankarja – proġett biex tiddaħħal garanzija għad-depożitanti fil-banek. Jekk il-bank “Ewropew” li jafdaw fih ifalli, id-depożitanti ma jitilfux flushom – bla ebda limitu fuq kemm poġġew fil-bank. Bħalissa, il-pajjiżi tal-ewro għandhom din il-garanzija favur id-depożitanti, imma tlaħħaq limitu ta’ 100,000 ewro.
F’dal-qasam, għad ma nstab l-ebda mod kif jista’ jiġi superat l-iskoll li qam. Il-Ġermanja mhijiex taqbel li dan l-għan għandu jew jista’ jitwettaq fl-istadju attwali ta’ kif jinsabu l-affarijiet. Kull pajjiż għadu b’banek li qed jitmexxew skont regoli differenti, minkejja li ddaħħlu regoli ġodda li qed iqarrbuhom lejn xulxin. Imma xorta, dan għadu jfisser li banek f’pajjiżi tas-sud tal-Ewropa jew f’imkejjen oħra, qed jieħdu “riskji” li ma jkunux aċċettabbli fil-Ġermanja. U jintqal, fi kwalunkwe programm ta’ garanzija, se tkun il-Ġermanja li toħroġ l-akbar fondi. (Dan minnu.) Allura, qabel mal-problema tkun maħlula b’mod li jkun sodisfaċenti għall-interessi Ġermaniżi, ma jista’ jkun hemm l-ebda progress.
Ninsabu hemm.

***

Problema kbira fil-ħolqien tal-għaqda bankarja hi din: Ġenwin u tajjeb kemm hu l-għan wara l-ħolqien ta’ għaqda bankarja, kif tista’ toħloq regoli li jkunu l-istess – bl-istess żarbun irid jintlibes minn kulħadd – għall-banek Ewropej kollha? Kif tista’ tapplika għall-Bank of Valletta li jaħdem l-aktar fil-gżira ċkejkna ta’ Malta, l-istess regoli ta’ tmexxija li se tapplika lid-Deutsche Bank jew lil BNP Paribas?

Facebook Comments

Post a comment