Insibha stramba nifhem kif kelliema u rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista għad għandhom il-wiċċ jitkellmu qishom kienu difensuri tal-kaċċaturi u n-nassaba.
Veru li hu dwejjaq toqgħod tirreferi kull darba għall-imgħoddi. Biex tagħqad, għal imgħoddi li f’moħħ bosta żgħażagħ bilfors jidher ta’ ilu ħafna. Biss f’dal-każ, ma tistax ma tfakkarx kif fil-proċess li bih Malta daħlet membru tal-Unjoni Ewropea dak li ntqal u ġie mwiegħed kien ċar. Il-Partit Nazzjonalista stqarr li dwar kaċċa u nsib se jġib kondizzjonijiet li jħarsu b’mod xieraq lil dawk li jipprattikaw dawn id-delizzji. Kienu se jidħlu regoli ġodda biex Malta tiġi konformi ma’ dawk Ewropej. Biss fis-sustanza, id-delizzji kienu se jiġu mħarsa u sostnuti.
Meta ntemmu n-negozjati, il-gvern tal-PN ftaħar li ġab kondizzjonijiet xierqa u li kien onora l-wegħda tiegħu. Ħeġġeġ lill-kaċċaturi u n-nassaba biex jivvotaw għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni. Dak iż-żmien, sħabi u jien konna wissejna li qed jitwettaq ingann.
Il-kaċċaturi u n-nassaba nqasmu fi tliet gruppi: Dawk li bir-raġun ma emmnux lill-PN fil-gvern. Dawk li ma emmnuhx jew kienu dubjużi ħafna imma qiesu li għall-“futur ta’ uliedhom” kellhom jaċċettaw il-proposti Nazzjonalisti dwar li Malta għanda tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. U dawk li emmnu fil-garanziji tal-gvern għax qiesu li mhux se jidħak bihom. Dak iż-żmien u wara, iltqajt ma’ nies li jaqgħu f’xi wieħed minn dawn il-gruppi. Kienu jfissruli għaliex waslu għad-deċiżjonijiet tagħhom u rrispettajt id-deċiżjonijiet tagħhom, għalkemm bqajt inwissi dwar x’se jiġri.
It-twissijiet kienu korretti. Fi ftit taż-żmien, il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna inqabdu f’morsa. Fl-aħħar snin, il-Partit Laburista lura fil-gvern, ipprova jara kif jiftaħ ftit spazju għad-delizzji imma dak li jsir jew ma jsirx jibqa’ ddettat mil-liġijiet Ewropej. Jekk ma jkunx hemm xi deroga ċara, japplikaw il-liġijiet. Fil-każ ta’ Malta, l-ebda deroga ma teżisti, għax il-gvern Nazzjonalista ma kienx innegozja biex iġibha, qal x’qal f’dak iż-żmien. L-inizjattiva tal-gvern Laburista spiċċat ittorpedinata mill-qrati Ewropej minħabba f’hekk. U issa xi Nazzjonalisti qed jipprovaw iwaħħlu fil-gvern Laburista għal li qed jiġri.
Dan hu ingann indiċenti. Tista’ tkun favur jew kontra l-kaċċa u l-insib. Imma trid tagħraf u taċċetta li għal numru sostanzjali ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin jirrapreżenta delizzju tal-akbar importanza f’ħajjithom. U allura trid tirrispetta l-ħteġiet ta’ dawn in-nies. Fil-mod kif tal-PN mexxew u qed imexxu l-effetti fuq Malta tar-regoli Ewropej dwar kaċċa u insib, baqa’ jsaltan ingann xejn ifuħ. Mhux sew.

***

STANDARDS EWROPEJ

L-għajta ilha magħna — li bl-isħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea konna se nsibuha aktar possibbli li ndaħħlu stendards Ewropej fil-pajjiż. Dawn kienu se jippermettulna ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna b’mod aktar faċli għax ma jkollniex għalfejn kull darba nivvintaw ir-rota billi nibnu mill-qiegħ stendards tagħna qisu ma kien hemm xejn qabel. Bil-maqlub, konna se nsibu l-istendards lesti u kull ma nkunu rridu nagħmlu, jkun li ndaħħluhom.
Terġa’, bħala membri tal-Unjoni konna se nobbligaw ruħna li nħaddmu l-istendards li se jkunu daħlu. Ma kienx se jkun possibbli li niżgiċċaw milli nwettqu dak li nidħlu għalih għax se jkollna niżguraw konformità fostna mal-prattika fl-Ewropa. L-Unjoni Ewropea se tuża s-saħħa tagħha biex ma tippermettilniex inħallu l-obbligi tagħna fuq l-ixkaffa. Talanqas, dak kien il-ħsieb…
Issa hu minnu li fl-Unjoni Ewropea l-istendards ta’ kwalità u serjetà li jinżammu f’diversi oqsma huma tajba u ta’ min jixtieqhom. Fost l-oqsma involuti insibu l-ikel, il-ħarsien tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, it-trasport, il-produzzjoni tal-mediċini, it-trobbija tal-bhejjem, l-ambjent… u ħafna oħrajn.
Biss f’dan kollu hemm tliet problemi li bħala pajjiż għadna ma fhimniex biżżejjed, jew ma ridniex nifhmu.
L-ewwel hemm il-punt li ta’ spiss wisq, l-istendards Ewropej jieħdu s-sura tal-istess żarbun li jrid jitlibbes lil kulħadd. Tifhimha li dil-ħaġa tiġri fil-qafas ta’ Unjoni li trid twaqqaf għaqda bejn pajjiżi mifurxa ma’ kontinent sħiħ. Għalina imma, bid-daqs u bil-qagħda tagħna, dan jista’ joħloq diffikultajiet mhux żgħar. Eżempju hu li twaqqaf l-istess stendards fil-produzzjoni tal-ħalib. Il-bhejjem tagħna ma jistgħux jirgħu għax m’għandhomx fejn. Jgħixu fl-istalel u l-aktar li jieklu hu ġwież. Il-grass fil-ħalib tagħhom hu ħafna anqas minn ta’ baqar li jgħixu għal ħafna xhur fl-għelieqi. Allura kif tista’ tapplika għall-bhejjem f’Malta, l-istess kejl ta’ kwalità bħal fil-bqija tal-kontinent?
Imbagħad hemm il-fatt li bl-istendards tagħhom, l-Ewropej ukoll ġieli jieħdu falza stikka, ta’ spiss bil-kbir. Waqt il-kampanja għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, sħabi u jien konna stinkajna biex jibqa’ kemm jista’ jkun divjet fuq l-użu tal-fliexken tal-plastik għax-xorb, ħalli nevitaw l-eċċess ta’ skart tal-plastikk li seta’ jinġema’. Kull ma kellna nagħmlu kien li nibqgħu nużaw il-fliexken tal-ħġieġ.
Le qalulna, ma tistax tagħmel hekk, trid tħalli l-plastikk jidħol bis-saħħa għax dik hi n-norma Ewropea. U hekk ġara. Illum, ħmistax-il sena wara, mal-Ewropa kollha inkluża Malta, hemm kriżi ta’ plastikk li qed ifur minn kullimkien. L-għajta hi – kif se nneħħuh u nrażżnuh?
Fit-tielet post hemm il-fatt li f’ħafna każi, l-Unjoni Ewropea tonqos jew tibqa’ lura milli tinforza l-liġijiet stess tagħha. Jew m’għandhiex riżorsi biżżejjed biex tiċċekkja xinhu jiġri kullimkien, jew ma tindunax xinhu jiġri għax tkun qed tħares band’oħra, jew għax ikollha prioritajiet oħra. Issib min jilmenta dwar hekk. Fostna għad hawn nies li ma jsibuha l-ebda problema li biex immexxu l-affarijiet tagħna ’l quddiem, irid ikollna pulizija barrani jgħasses fuqna.
Jien naqbel li għandu jkollna standards fit-tmexxija ta’ kull settur ta’ pajjiżna li jħabbtuha mal-aħjar fl-Ewropa u naqbel li għandna x’nitgħallmu minnhom. Imma naħseb li dawn l-istandards għandna ndaħħluhom u nwettquhom aħna għax huma xierqa u utli, mhux għax ikun hemm minn ideffishom fuqna minn “barra”.

***
L-ABORT

Fit-tħabrik li avversarji tal-Partit Laburista għaddejjin bih biex jilqgħu għas-suċċessi politiċi ta’ dal-partit fl-aħħar snin mill-gvern, ma qagħdux lura milli jqajmu l-babaw tal-abort. Il-PL qalu, qed iħejji l-art biex idaħħal dil-ħaġa.
Issa hu minnu li fl-Unjoni Ewropea hemm maġġoranza kbira ta’ pajjiżi u ta’ ċittadini li jqisu l-abort bħala dritt naturali tal-mara. L-istati jippermettuh u jipprovdu l-faċilitajiet kif jista’ jitwettaq.
Hawn Malta maġġoranza enormi taċ-ċittadini huma kontra l-abort. Il-partiti politiċi l-istess. Dawk li jogħxew wara li jisimgħu xi kritika jew kundanna ta’ Malta mill-Parlament Ewropew, jagħqlu ħalqhom meta jintebħu kif dal-Parlament fil-ġudizzji tiegħu jikkundanna wkoll lil Malta għax ma daħħlitx l-abort.
Il-gvern Laburista għamilha ċara: L-abort bl-ebda mod ma jinsab fil-programm ta’ tmexxija tiegħu. Ftit jista’ jkun hemm messaġġ aktar ċar minn hekk. Hu messaġġ kredibbli għax jorbot ma’ kif żviluppaw l-affarijiet taħt tmexxija soċjalista fis-snin li għaddew.
Huma dawk il-Maltin li jxewxu lill-parlamentari Ewropej dwar ir-rule of law fostna (is-saltna jew l-istat tad-dritt) li qed jiftħu t-triq biex il-biċċa tal-abort tinfetaħ fostna mill-Ewropej. Dawk li qed jagħtuhom palata biex il-kwistjoni tas-saltna tad-dritt tibqa’ titqanqal, malajr jistgħu jduru fuqhom u jgħidulhom: isimgħu, dan kif dwar is-saltna tad-dritt fil-każ tat-tmexxija tal-gvern il-ħin kollu timbottaw, imma dwar l-abort ma ssemmu xejn?

Facebook Comments

Post a comment