Fl-aħħar sentejn, is-suġġett tat-taxxi beda jieħu aktar importanza fid-diskussjonijiet u proposti li tqanqlu fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Tqajjem fil-Parlament Ewropew, mill-Kummissjoni Ewropea u aktar ma għadda ż-żmien, anke fil-Kunsill tal-Ministri u fil-Kunsill Ewropew. L-indirizz ewlieni ta’ din l-attività kien donnu maħsub ħalli l-pajjiżi membri tal-Unjoni jiftehmu biex ftit jew wisq, iwaħħlu l-istess taxxi fuq id-dħul tal-persuni u fuq id-dħul tal-kumpaniji… jew talanqas jiċċarġjaw f’dawn l-oqsma, taxxi li ma jkunux wisq differenti minn xulxin.
F’oqsma oħra ta’ tassazzjoni, l-Unjoni Ewropea għandha bħala parti mir-regoli fondamentali tagħha, qbil dwar arranġamenti simili. L-aktar eżempju ċar ta’ dan hu t-taxxa tal-VAT. Kull pajjiż membru irid iħaddimha skont regoli li japplikaw għal kulħadd bi ftit differenzi permessi bejn il-pajjiżi. Anzi, biex pajjiż seta’ fl-imgħoddi jaspira biex isir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea ried qabel xejn, idaħħal il-VAT. (U dik kienet waħda mill-ġlidiet ċentrali fil-politika Maltija tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor. Jien l-ewwel wieħed, ma ridtx li tidħol il-VAT għax kienet passaport essenzjali għal sħubija sħiħa – apparti li ma kontx inqis li hi fl-interess tal-pajjiż.)
Imbagħad hemm id-dazji għall-importazzjoni, li huma komuni għall-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni. Hemm id-dazji tas-sisa, li huma wkoll, bħala taxxi, jitħaddmu mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni skont l-istess regoli, jew regoli li jixxiebhu.

KOMPETENZA NAZZJONALI

Biss dwar it-taxxi fuq id-dħul tal-persuni u tal-kumpaniji, il-qagħda baqgħet li dawn jaqgħu taħt il-kontroll tal-gvernijiet nazzjonali – il-kelma hi “fil-kompetenza” tal-gvernijiet bħala parti mis-sovranità tagħhom. Mhux talli hekk: talli wkoll biex dil-ħaġa tista’ tinbidel, u biex dawn it-taxxi jibdew jiġu regolati mill-Unjoni Ewropea, irid ikun hemm ftehim unanimu bejn il-pajjiżi membri kollha.
Iż-żamma ta’ dan l-arranġament kienet ta’ interess kruċjali għal pajjiżi bħall-Irlanda u l-Lussemburgu, waqt li oħrajn kienu jaraw fiha benefiċċju importanti – bħall-Olanda. Pajjiżi oħra – fuq quddiem nett Franza – kienu jikkritikawha bil-kbir għax qiesu li bis-sistemi ta’ taxxi “baxxi” li dawn il-pajjiżi kienu jsostnu, ipprovdew passaġġi li minnhom setgħu jgħaddu kumpaniji kbar ħalli jevitaw li jħallsu f’pajjiżhom it-taxxi dovuti minnhom.
Pereżempju fl-aqwa tal-kriżi tal-ewro, meta l-Irlanda kienet daharha mal-ħajt u ħteġilha l-għajnuna finanzjarja tal-pajjiżi l-oħra tal-ewro, Franza tħabtet ħalli din l-għajnuna tintrabat ma’ obbligu biex l-Irlanda tgħolli t-taxxi tagħha fuq il-kumpaniji. F’dan ma rnexxilhiex bi żbrixx, hekk kif l-Irlandiżi opponew bil-qawwi.
L-argument favur li jkun hemm “armonizzazzjoni” fil-qasam tat-taxxi – jiġifieri li l-pajjiżi membri jħaddmu arranġamenti ta’ taxxa li jkunu qrib ta’ xulxin – hu bbażat fuq dan: arranġamenti differenti ta’ taxxi fis-suq wieħed Ewropew iwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn il-membri għal kif dawn jiġbdu lejhom investimenti ġodda. Mhux hekk biss, imma jservu wkoll biex il-kumpaniji jkomplu jaħarbu milli jħallsu t-taxxi billi jżellqu l-profitti li jagħmlu bejn il-pajjiżi differenti skont kif jaqblilhom.

KOMPETIZZJONI INĠUSTA?

Il-pajjiżi li jħaddmu rati “baxxi” ta’ taxxa jirrifjutaw l-argument li b’hekk qed jagħmlu kompetizzjoni inġusta. Ġeneralment huma pajjiżi fost iż-żgħar u li jinsabu imxerrda mat-trufijiet tal-Unjoni. Minħabba ċ-ċokon u s-sitwazzjoni tagħhom, hu diffiċli għalihom jattiraw proġetti u investimenti ġodda jekk ma jiċċarġjawx rati ta’ taxxa anqas minn tal-pajjiżi l-kbar. Dawn dejjem jibqgħu b’vantaġġ kompetittiv kbir fuqhom, minħabba l-istess daqs u importanza tagħhom.
Iż-żgħar isostnu wkoll li l-pajjiżi l-kbar draw jgħollu t-taxxi tagħhom għal livelli li mhumiex ġustifikati… imma issa jridu li ħaddieħor jagħmel bħalhom biex ma jkollhomx għalfejn jibdlu r-rotta.
Id-dibattitu kien wasal sa hawn, sakemm qam l-iskandlu tal-karti tal-Panama … U warajh skandli oħra li fl-aħħar snin, kixfu barumbari jintnu ta’ kif kumpaniji, sinjuruni, nies imdaħħla fil-politika, kriminali u oħrajn kienu qed jirranġaw biex ma jħallsu taxxi imkien u biex jaħbu flejjes li kienu qed igeddsu minn hemm u minn hawn. Biex jagħmlu dan, kienu qed jinqdew ukoll – imma mhux biss – bl-arranġamenti differenti ta’ kif il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jintaxxaw id-dħul tal-kumpaniji u tal-individwi. Instabu ħafna każi ta’ korruzzjoni lampanti jew sottili. Instabu ħafna każi ta’ kif min kellu jħallas biljuni u miljuni ta’ taxxi, kien qed jispiċċa ma jħallas xejn.
Ovvja li dawn is-sejbiet kienu se jqajmu… kif għamlu… polemika kbira.
Terġa’, l-polemika ħraxet quddiem dak li kien qed jiġri fil-qasam tal-kummerċ bl-internet, tad-diġitali. Kumpaniji tal-internet li dejjem jikbru sakemm saru enormi – bħal Google u Amazon – u li jagħmlu profitti kbar, kien jirnexxielhom ma jħallsux it-taxxi dovuti minnhom għax ipoġġu l-profitti tagħhom, miġbura mill-Ewropa kollha, f’pajjiż fejn it-taxxa kienet relattivament ċkejkna. Hawn qamet is-sejħa, imbuttata minn Franza, biex dawn il-kumpaniji kull fejn joperaw, jiġu ċċarġjati taxxa fuq dak li jbigħu, kull fejn ibigħuh.

ĠENNA FISKALI?
L-Ewropa għaddiet minn snin ta’ awsterità qalila. Li jkun hemm min matul dawk is-snin u sal-lum, xorta mar tajjeb ħafna imma baqa’ ma jħallasx dak li kien dovut minnu f’taxxi għax jiddikjara l-profitti f’pajjiz fejn hemm taxxi baxxi fuq il-profitti, hi ħaġa li tqanqal rabja kbira. Politiċi, trejdunjinisti, ġurnalisti, ċittadini jinsistu li l-biċċa għandha titwaqqaf. U dan jista’ jiġri biss – hekk isostnu – billi l-Unjoni Ewropea “tarmonizza” t-taxxi.
Dan messu jsir bħala parti minn strateġija li biha titwaqqaf il-ħidma ta’ pajjiżi li jservu biss bħala ġenna fiskali. Huma qed jipprovdu modi lill-kumpaniji, sinjuruni u oħrajn biex ipoġġu għandhom b’indirizz li minnu taparsi jwettqu l-kummerċ. Imbagħad, iwaddbu fuqu l-profitti li jagħmlu mal-pajjiżi fil-bqija tal-Ewropa, fejn ma jidikjaraw l-ebda profitt. Il-pajjiż li jservi ta’ ġenna fiskali jiċċarġjahom ftit li xejn taxxa fuq il-profitti li jiddikjaraw għandu.
Biex jilqgħu għal dil-problema, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni bdew ħerġin inizjattivi bi proposti ta’ bidla. L-aktar inizjattiva li rrumblat kienet biex mal-Ewropa kollha tidħol sistema waħda ta’ kif il-kumpaniji jirreġistraw l-ispejjeż u d-dħul tagħhom. U kif imbagħad jikkalkolaw it-taxxi li jkollhom iħallsu pajjiż, pajjiż , skont kif u fejn joperaw. Fl-intenzjoni ta’ dawk li ressqu l-proposta, sistema bħal din kellha twassal biex mal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jiddaħħlu rati ta’ taxxi simili.
M’hemmx għalfejn ngħidu, l-pajjiżi ż-żgħar – fuq quddiem nett l-Irlanda – ma qisux li din l-inizjattiva hi waħda li setgħu jappoġġjaw. Sal-lum, għadhom jirreżistuha. Imma l-għajta kontra l-pajjiżi li jmexxu sistemi ta’ tassazzjoni li qed jippermettu lill-kumpaniji u l-individwi jiżgiċċaw mit-taxxi li suppost iħallsu baqgħet titqawwa. Hi mistennija li tkompli tikber mal-Ewropa kollha fix-xhur li ġejjin hekk kif tikkarga l-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej.
Mil-lemin estrem, sax-xellug estrem, inkluż fost il-partiti tradizzjonali taċ-ċentru u dawk “moderati” tal-lemin u tax-xellug, il-fehma hi waħda komuni. L-Ewropa trid tassigura li dawk li qed jagħmu profitti tajba jħallsu t-taxxi, kif ikollhom jagħmlu ċ-ċittadini u l-impriżi żgħar u medji. Jekk hemm bżonn li biex jiġri dan, titneħħa l-kundizzjoni li l-pajjiżi membri tal-Unjoni jaqblu dwar taxxi b’mod unanimu… mela dil-kundizzjoni għandha titneħħa!

Facebook Comments

Post a comment