Ir-reazzjonijiet fost l-Ewropej għad-deċizjoni biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea jistgħu jinqasmu fi tnejn: ta’ dawk li għadhom qed jittamaw li b’xi mod id-deċiżjoni tiġi mibdula jew li r-Renju Unit xorta jibqa’ jkollu sehem sħiħ fil-ħidma Ewropea; u ta’ dawk li qed jaraw it-tluq tar-Renju Unit bħala opportunità biex l-Unjoni issaħħaħ l-istrutturi tagħha waqt li tifrex ħidmietha.
Għalkemm l-ewwel reazzjoni tiftiehem, ftit hemm xi tgħid dwarha. Id-deċiżjoni dwar il-Brexit ittieħdet. Mhix se tinbidel. Qaluha fost oħrajn barra minn kelliema tal-Kummissjoni Ewropea, l-Prim Ministru Ingliż ġdida Theresa May u l-kanċellier Ġermaniża Merkel.
It-tieni reazzjoni għandha tifsira ħafna aktar importanti. Qed twassal biex jikkargaw l-isforzi ta’ dawk ir-rappreżentanti Ewropej li dejjem kienu fuq quddiem nett favur għaqda dejjem eqreb fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Huma qed jaraw it-tluq tar-Renju Unit bħala opportunità biex ivaraw proposti ġodda li jressqu lejn dan il-għan. Anzi qed jippreżentaw dit-triq bħala l-unika waħda li se tevita t-tkissir tal-Unjoni minħabba l-Brexit u minħabba d-dwejjaq li l-Unjoni qanqlet fl-aħħar snin fil-pajjiżi membri tagħha. Fost il-politiċi li l-aktar isostnu din il-linja, hemm l-eks Prim Ministru Belġjan u President tal-frazzjoni tal-liberali fil-Parlament Ewropew Guy Verhofstadt.
Skont hu, l-Ewropej qed jiddejqu bl-Unjoni tagħhom għax għalkemm iridu jemmnu fiha, iriduha wkoll issolvilhom il-problemi tagħhom. Imma mhux jirnexxilha tagħmel dan. Dejjem skont hu, mhux jirnexxilha għax m’għandhiex l-għodod meħtieġa għalhekk. Jekk jingħatawlha, l-problemi tal-aħħar snin, kurunati bid-“diżastru” tal-Brexit, ikunu jistgħu jissolvew.

WISQ EĊĊEZZJONIJIET

Fl-aħħar xhur, Verhofstadt kien qed iħejji rapport għall-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar affarijiet kostituzzjonali fuq “evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli fl-istrutturi istituzzjonali kurrenti tal-Unjoni Ewropea”. Taħt dan it-titlu li forsi ftit jiftiehem, Verhofstadt ħejja proposti għal bidla radikali fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea u beda jiġbor appoġġ fost il-parlamentari Ewropej għalihom. Imma tawh il-parir li ma jippublikax ir-rapport qabel ir-referendum Ingliż għax żgur jagħti palata lill-kamp tal-Itlaq billi jżidilhom il-voti ta’ nies urtati bil-proposti tiegħu.
Ir-rapport li issa ġie ppubblikat, jistqarr li bit-tluq tar-Renju Unit, wieħed mill-akbar pajjiżi membri, l-istruttura tat-tmexxija fl-Unjoni bilfors se jkollha tinbidel. Matul is-snin, din sfat dejjem aktar komplikata għax diversi pajjiżi membri ddobbaw eċċezzjonijiet milli jwettqu din jew dik mid-deċiżjonijiet tal-politika Ewropea. Dil-ħaġa ma tistax tibqa’ titħalla ssir, u l-membri kollha iridu jaċċettaw ir-regoli kollha. Regoli u politika ġodda ukoll għandhom jiġu aċċettati minn kulħadd jekk fost kondizzjonijiet oħra, isibu l-qbil ta’ maġġoranza “kwalifikata” — jiġifieri, ta’ erba’ minn kull ħames pajjiż membru.
Min ma jaċċettax dan l-arranġament, ikun jista’ jew jitlaq mill-Unjoni u jinnegozja ftehim ġdid għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni; jew isir “assoċjat” tal-Unjoni, bi ftehim li jkopri parti mill-obbligi u l-benefiċċji tagħha. Interessanti kif għal aktar minn darba, min kiteb ir-rapport jirreferi għall-pajjiżi “assoċjati” bħala pajjiżi tal-periferija.
Fost proposti oħra, ir-rapport isemmi għadd ta’ bidliet li għandhom isiru fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea biex jagħmluhom aktar effettivi.

AKTAR EFFETTIVI?

L-aktar proposti li jolqtu l-għajn huma dawk biex il-Kummissjoni Ewropea tingħata poteri aqwa, fil-fatt issir qisha gvern. Għandu jkun hemm tnaqqis sostanzjali fil-membri tagħha, jgħid Verhofstadt, u n-numru ta’ viċi Presidenti jinżel għal tnejn. Il-President tagħha jintgħażel b’vot popolari meta jsiru l-elezzjonijiet Ewropej u jkun dak jew dik li j/tinsab fir-ras tal-lista tal-partit li jġib l-aktar voti. Min jinsab f’ras il-lista ta’ kull partit ikollu jikkontesta f’kull pajjiż membru.
F’arranġament bħal dan, l-aktar ħaġa prevedibbli tkun li Malta u pajjiżi żgħar oħra jitilfu l-Kummissarji “tagħhom”. (L-istess tnaqqis ta’ membri qed jiġi propost dwar il-Qorti Ewropea tal-Verifika.)
Sadattant, it-tmexxija issir skont dak li jissejjaħ “il-metodu tal-unjoni”. Fuq dil-bażi, il-Kummissjoni titqies bħala l-korp eżekuttiv bil-poter li tressaq liġijiet ġodda u tamministra l-qodma. Il-Parlament Ewropew jities li qed jirrapreżenta liċ-ċittadini tal-Unjoni, u l-Kunsill Ewropew lill-istati membri. Huma jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’maġġoranza bil-funzjoni li jżommu sorvelja u kontroll fuq il-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, t-tnejn ikollhom ukoll il-possibiltà li jipproponu abbozzi ta’ liġijiet ġodda. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jkollha l-poter ġudizjarju aħħari fuq l-istituzzjonijiet l-oħra.
Barra minn dan, ir-rapport ta’ Verhofstadt jitkellem dwar kif għandhom jinħatru minn fost il-Kummissarji, Ministru tal-Finanzi għaż-żona ewro u Ministru tal-Affarijiet Barranin għall-Unjoni. Tal-finanzi jkun inkarigat minn teżorerija u baġit ċentrali għaż-żona ewro. Jassigura li l-istati membri fil-baġits tagħhom qed josservaw ir-regoli finanzjarji tat-tmexxija taż-żona ewro. Jekk ma jagħmlux dan, il-Ministru tal-Finanzi Ewropew ikollu saħansitra l-poter li jindaħal fl-issettjar tal-baġits nazzjonali u jinsisti li jinbidlu.
Il-Ministru Ewropew tal-affarijiet barranin ikollu l-inkarigu li kemm jista’ jkun jitkellem ma’ pajjiżi oħra f’isem l-Unjoni Ewropea kollha, speċjalment fi ħdan il-Ġnus Magħquda. L-għan ikun li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar l-Unjoni Ewropea tkun qed titkellem mal-barranin b’leħen wieħed.

OQSMA OĦRA

Ir-rapport ta’ Verhofstadt isemmi wkoll oqsma ġodda fejn l-Unjoni tkun trid tilħaq ftehimiet ta’ għaqda, apparti milli ttemm it-twaqqif tal-unjoni bankarja, li għadha nofs leħja. Fost dawn l-oqsma, ir-rapport isemmi l-enerġija u fuq kollox id-difiża u s-sigurtà. Biex dawn il-bidliet kollha jitwettqu għandha tissejjaħ Konvenzjoni tal-popli Ewropej, b’rappreżentanza tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali u tal-assembleji reġjonali u lokali, biex il-miżuri l-ġodda jgħaddu minn għarbiel ta’ diskussjoni politika mill-aktar wiesgħa.
L-abbozz kollu tar-rapport mhu xejn aktar minn manifest federali għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Minn naħa, hu biss dokument tal-Parlament Ewropew li għad irid jiġi diskuss. Anke jekk jgħaddi mill-Parlament, ma jkun qed jorbot lil ħadd. Madankollu jagħti ħjiel tajjeb ta’ kif qed jaħsbuha ċerti rappreżentanti Ewropej fost l-aktar influwenti. Ir-riżultat tar-referendum Ingliż minflok ġibidhom lura milli jkomplu jifirxu l-Unjoni, qed iħeġġiġhom iħaffu l-pass. Igħidu li b’hekk biss li l-Ewropa tista’ tkun effettiva u għax tkun effettiva, se jirnexxielha tissodisfa x-xewqat u l-bżonnijiet taċ-ċittadini tagħha.
Personalment naħseb li qed jiżbaljaw. Il-klima politika birdet sew fost il-popli Ewropej dwar l-Unjoni Ewropea, u dan wara snin ta’ awsterità u fl-aħħar żminijiet quddiem il-mewġ tal-immigrazzjoni. Proposti bħal ta’ Verhofstadt mhumiex se jqajmulhom l-entuzjazmu.
Ċertament, l-istess proposti mhumiex fl-interess nazzjonali ta’ Malta li kieku kellhom jitwettqu. Bihom, din tkompli tara jitnaqqsulha l-marġini ta’ manuvrar indipendenti bħalha nazzjon, fil-qafas ta’ żvilupp lejn il-federaliżmu fl-istrutturi Ewropej. Mhux ta’ b’xejn li sa issa, l-forzi politiċi Maltin kollha għadhom jesprimu ruħħhom kontra li l-Unjoni Ewropea tinbidel fi proġett federali.
Fil-konkret, il-problema ma tqumx mill-proposti tar-rapport Verhofstadt fihom infushom; tant jimirħu ’l bogħod, li x’aktarx maġġoranza ta’ stati u ta’ partiti se jibqgħu lura milli jappoġġjawhom. Madankollu parti mill-proposti — bħall-ħolqien ta’ fond ċentrali separat għaż-żona ewro u ta’ “ministru tal-finanzi” għaliha — qed jissemmew b’serjetà u insistenza minn mexxejja Franċiżi u Ġermaniżi. Kull pass lejn il-federaliżmu jsaħħaħ il-piż tal-pajjiżi tagħhom fit-tmexxija tal-Ewropa (fuq quddiem il-Ġermanja), u aktar u aktar issa bit-tluq mill-Unjoni Ewropea tar-Renju Unit.

Facebook Comments

Post a comment