Ġimgħa ilu, qisna l-bilanċ ekonomiku ta’ kif marret Malta fis-snin li ilha membru tal-Unjoni Ewropea. Fuq ir-riżultati miksuba, jien wieħed minn dawk li jsostnu li minkejja kull ma jintqal, iċ-ċifri ekonomiċi ma jurux is-suċċess miraklu li jissemma. Anzi bil-maqlub. Ekonomikament, il-polz tal-pajjiż tħarrek meta bdew jagħtu frott ġdid dawk l-oqsma fil-pajjiż li dwarhom l-Unjoni Ewropea ftit li xejn għandha regoli. Fejn għandha r-regoli tagħha li rridu napplikaw bla eċċezzjoni – bħal fil-manifattura u fil-biedja – ir-riżultati li ksibna kienu u għadhom diżappuntanti.
Iqum l-argument li sħubija fl-Unjoni Ewropea qatt ma tqies minn dawk li varaw l-idea bħala sempliċement programm ekonomiku. Għalihom kienet deċiżjoni politika biex fl-għaqda tagħha mal-Ewropa, Malta tħaddan u twettaq valuri li kienu tal-Ewropej ilkoll. Dan kellu jfisser li barra mill-impatt ekonomiku, wieħed messu jqis ukoll l-impatt soċjali u ambjentali, kif ukoll ir-reputazzjoni politika li Malta tikseb internazzjonalment bħala membru tal-“Ewropa”.
U allura tajjeb li nistaqsu dwar l-impatt soċjali u ambjentali tas-sħubija.

L-ACQUIS SOĊJALI

Meta l-gvern Nazzjonalista beda jinnegozja s-sħubija sħiħa tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea, punt kardinali kien li biex jasal sa hekk, ried idaħħal fit-tmexxija interna tagħna dawk ir-regoli kollha li l-Unjoni Ewropea kienet tħaddan. Kienet tintuża kelma Franċiża, l-“acquis”, b’turija ta’ kif il-kisbiet tal-Unjoni kienu ħadu s-sura ta’ liġijiet u regoli li jridu jitħaddmu fil-pajjiżi membri kollha. Dan l-acquis kien jeżisti wkoll fl-oqsma tal-politika soċjali u tal-ambjent. Ried ukoll jiġi aċċettat minn Malta. Hekk ġara.
L-aqwa impatt għall-aħjar kellu jinħass fl-oqsma soċjali tar-regoli dwar xogħol u impjiegi, dwar saħħa, u dwar stendards ta’ kwalità għal oġġetti ta’ konsum u ta’ użu fid-djar u fin-negozji. Madankollu, il-qagħda f’pajjiżna dwar kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi diġà kienet ixxaqleb qrib prattiċi Ewropej kif imħaddma fl-Unjoni. Forsi l-akbar bidla ġiet fir-regoli li bihom kuntratt ta’ impjieg jinbidel minn wieħed temporarju jew ta’ żmien limitat għal kuntratt ta’ impjieg fiss.
Dwar stendards ta’ ħarsien għas-saħħa u għall-kwalità tal-ħajja, l-esperjenza dejjem kienet li bħala pajjiż ċkejken li m’għandux faċilitajiet ta’ investigazzjoni teknika, aħna naddottaw kemm nistgħu l-istendards użati f’pajjiżi kbar, l-aktar ir-Renju Unit jew pajjiżi Ewropej oħra. Dan iżda kien jiġri bis-sulluzzu jew b’dewmien fuq dak li jkunu diġà qed jagħmlu pajjiżi oħra. Bis-sħubija fl-Unjoni, dal-proċess beda jsir bl-istess pass bħall-bqija tal-Ewropa, ħaġa li bla dubju kienet ta’ benefiċċju.
Iżda fil-qasam soċjali, wieħed ma jridx iserraħ biss fuq x’jgħidu r-regoli u d-direttivi. F’dil-paġna fl-imgħoddi tkellimna dwar kemm inbidlet għall-agħar il-qagħda soċjali matul l-aħħar snin fl-Unjoni Ewropea tant li nħass il-bżonn fl-aħħar tliet snin li tingħata saħħa ġdida lill-“pilastru” soċjali.

WARA L-KRIŻI
Ħtija tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li ħakmet l-Ewropa wara l-2008, bil-politika ta’ awsterità li tmexxiet, ħafna mid-drittijiet dwar ix-xogħol u l-ħarsien soċjali tnaqqru sew. Dan ġara l-aktar fil-pajjiżi li kienu qed jaffaċċjaw kraxx fiannzjarju, bħall-Portugall, l-Irlanda u fuq kollox il-Greċja – imma mhux biss. Il-unjins tilfu mis-saħħa tagħhom. Ftehimiet kollettivi ġew skartati qishom ma kinux jiswew il-karta li nkitbu fuqha. Pensjonijiet tnaqqsu. Servizzi u benefiċċji soċjali ġew imqaċċta. Fil-każ tal-Greċja żgur, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-ILO, ilmentat kif fl-Unjoni Ewropea kienu qed jiġu kalpestati d-drittijiet msemmija fl-istatut dinji tagħha. Sa ftit qabel, ir-regoli Ewropej kienu mitqiesa bħala aqwa minn dawk tal-ILO innifisha.
Terġa’ mal-Ewropa kollha, żdied l-għadd ta’ nies li huma foqra jew f’riskju ta’ faqar. Wara żmien fejn il-qgħad baqa’ jiżdied, kien fl-aħħar sentejn li l-impjiegi donnhom stejqru. Biss anke din hi stampa mċajpra, peress li ħafna mill-impjiegi huma fraġili. Kibret il-firxa ta’ impjiegi prekarji minkejja r-regoli Ewropej li, fuq il-karta, jipprovdu ħarsien u sigurtà għall-ħaddiema u impjegati. Dan l-iżvilupp seħħ f’Malta wkoll fejn hemm faxxa wiesgħa ta’ impjiegi li minkejja kull ma ngħidu, la jipprovdu dħul tajjeb għal min jinsab fihom, u wisq anqas sigurtà.
Il-konklużjoni bilfors tkun li l-“mudell” soċjali Ewropew ma kienx qawwi biżżejjed biex jilqa’ għall-effetti ta’ riċessjoni tal-kobor li telqet fl-2008. Filfatt rajna jqumu kontroversji fi ħdan l-Unjoni dwar ħaddiema li f’pajjiżhom ikollhom dritt għal ċerti benefiċċji soċjali, li jintbagħtu jaħdmu f’pajjiżi li għandhom benefiċċji aqwa. Il-ħaddiema jinżammu fuq il-benefiċċji anqas ta’ pajjiżhom ħalli b’hekk jipprovdu xogħol bi prezz irħas mill-ħaddiema tal-post. Sadattant, f’pajjiż bħall-Bulgarija, kważi wieħed minn kull ħamsa tal-ħaddiema qed ikollu jsiefer biex isib fejn jaħdem.
L-aktar li marru ħażin fil-qasam tal-impjiegi kienu ż-żgħażagħ. Sal-lum, il-qgħad għadu l-aqwa fosthom, kif ukoll il-prekarjat. Din hi pjaga li qed tkerrah id-dehra soċjali tal-pajjiżi tas-sud kollha Ewropej (bl-eċċezzjoni ta’ Malta).

L-AMBJENT

Hu fl-ambjent fejn l-aktar nara li s-sħubija kellha impatt pożittiv għal pajjiżna, għax ċerti normi Ewropej dwar ħarsien u titjib ġew imdaħħla fostna b’mod tassattiv. Jien kont nemmen li għax kienu normi tajba, stajna daħħalnihom aħna stess minn jeddna. Sfortunatament kellhom aktar minn ftit raġun dawk li jgħidu li jekk ma jkollniex l-obbligu fuqna “minn barra”, nibqgħu nittratjenu. (Imma fuq dal-punt, wieħed jiftakar kif il-bidliet li seħħew fl-oqsma tradizzjonali tal-kaċċa u l-insib saru b’dal-mod wara li numru qawwi ta’ prattikanti tad-delizzju ġew ingannati dwar il-konsegwenzi tas-sħubija sħiħa. Taħseb x’taħseb dwar id-delizzju tagħhom, ma nafx kif tista’ taqbel ma’ ingann bħal dan.)
Fl-aħħar mill-aħħar, it-titjib li seħħ fil-qasam ambjentali għadu wieħed relattiv. Għax anke hawn, ta’ spiss jiġri li wara li b’liġi jkunu daħlu regoli u normi “Ewropej”, dawn ta’ spiss jibqgħu fuq il-karta, jiġu injorati f’aspetti ewlenin tagħhom, jitwettqu b’dewmien kbir jew mingħajr inforzar effettiv. Insibu li diversi pajjiżi membri, biex ma ngħidx kollha – b’Malta magħduda magħhom – jonqsu b’dal-mod f’parti jew oħra tar-regoli Ewropej dwar l-ambjent. Ħatja tan-nuqqasijiet huma l-gvern, negozji u ċittadini privati.
Terġa’, qed issir ħaġa ċara li Malta waqgħet lura u mhux se tlaħħaq mal-miri ssettjati lilha f’oqsma kruċjali tal-ħarsien ambjentali, speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-enerġija nadifa, mal-enerġija li tiġġedded, mat-tnaqqis fl-użu ta’ enerġija li tħammeġ, mal-maniġġ tal-iskart u ta’ riżorsi naturali bħall-ilma. Iċ-ċansijiet li Malta jkollha tħallas multi għax ma laħqitx il-miri tagħha huma kbar.
Min-naħa l-oħra, qabel wieħed jitlaq bil-ħsieb li l-miżuri tal-Unjoni Ewropea kollha jfuħu, ikollu jfakkar kif minħabba s-sħubija tagħha, Malta ġiet imġegħlha tiftaħ il-bieb beraħ għall-użu tal-fliexken tal-plastikk u tneħħi regolamenti li kienu jaġevolaw l-użu tal-fliexken. Illum mal-Unjoni Ewropea kollha qam kjass dwar il-ħsara lill-ambjent dinji li l-plastikk qed jikkawża. Kif nafu, l-użu tiegħu f’Malta far.

***
Kollox ma’ kollox, jidhirli li jinsabu aspetti pożittivi għal pożittivi ħafna fil-kontribut li s-sħubija tal-Unjoni Ewropea tat lill-iżvilupp soċjali u ambjentali tal-gżejjer Maltin. Madankollu, ma nifhimx kif wieħed jista’ jwassal dil-konklużjoni għal verdett favur is-suċċess tal-istess sħubija.

Facebook Comments

Post a comment