Bla dubju, hi l-kriżi tar-refuġjati li baqgħet l-aqwa problema quddiem l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi membri tagħha. Mhux biss il-mod prattiku kif se tkun solvuta li jqanqal tħassib, imma kif il-pajjiżi membri tal-Unjoni se jaslu għal qbil politiku dwar kif għandha tiġi trattata. Hemm wisq differenzi fl-interessi nazzjonali li huma involuti waqt li popolazzjonijiet Ewropej, anki fost dawk li l-aktar kienu jidhru tolleranti sa ftit taż-żmien ilu, qed jiħraxu fil-perspettivi tagħhom.
Fid-Danimarka, fl-Isvezja, fir-Renju Unit, fl-Olanda, fi Franza, l-Awstrija u l-Ġermanja, biex ma nsemmux il-pajjiżi tal-Balkani, l-elettorati qed jagħtu sinjal li l-wasla ta’ dejjem aktar refuġjati qed iddejjaqhom bil-kbir. Iridu jew ma jridux, il-gvernijiet li jiddependu mill-vot popolari qed ikunu attenti għal dan id-dwejjaq.
Kollox jiddependi minn kif qed tiżvolġi s-sitwazzjoni fis-Sirja. L-aħbarijiet tal-aħħar ġimgħa ma offrewx wisq tama ta’ titjib. Ir-rapporti kienu ta’ attakki qawwija min-naħa tar-reġim tal-President Assad u ta’ forzi Russi fuq l-inħawi tal-belt ta’ Aleppo. Il-forzi tar-ribelli hemm kienu fuq id-difensiva. Ir-residenti tal-belt u tal-imkejjen madwarha raw kif jaħarbu. L-idea li għandu jkun hemm koalizzjon wiesgħa kontra l-estemisti Iżlamiċi, id-Daex, jidher li saret aktar imbiegħda. Ir-Russja donnha ddeċidiet li ma hemmx soluzzjoni għall-inkwiet fis-Sirja u għall-isfida tal-estremiżmu Iżlamiku, jekk il-gvern ta’ Assad ma jirbaħx il-gwerra ċivili.

AKTAR REFUĠJATI?

Dawn l-iżviluppi ħolqu mewġa ġdida ta’ refuġjati mal-fruntieri tat-Turkija. Malajr ir-rappreżentanta għolja għall-affarijiet barranin tal-Unjoni Ewropea Mogherini kienet qed tħeġġeġ lill-gvern Tork biex jagħtihom kenn, xi ħamsa u tletin elf minnhom. Il-gvern Tork stqarr li din kienet sejħa ipokrita għax l-Unjoni Ewropea mhi tagħmel xejn biex twaqqaf lir-Russja.
Talanqas fl-aħħar, l-Ewropej kienu rranġaw bejniethom kif se jibdew iħallsu lit-Turkija t-tliet biljun ewro imwiegħda lilha. Il-gvern Taljan li kien baqa’ jinsisti li dawn għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni, fl-aħħar aċċetta li jkun hemm kontribut mill-pajjiżi membri direttament. Kundizzjoni li għamel madankollu kienet li dawn il-fondi ma jgħoddux bħala parti mill-ispiża u d-defiċit li jidħlu fil-kalkolu ta’ kemm gvern qiegħed iva jew le, josserva r-regoli finanzjarji taż-żona tal-ewro.
Sadattant, jidher tajjeb li mingħajr żblokk fil-gwerra ċivili Sirjana, is-sitwazzjoni se tibqa’ gravi. Se jkun hemm aktar u aktar Sirjani li se jaraw kif jaħarbu mill-qerda li xterdet ma’ pajjiżhom. L-Ewropej se jkollhom jaraw kif se jilqgħu għall-mewġ ta’ aktar refuġjati li jaslu għandhom.
Il-kanċellier tal-Ġermanja Merkel, li politikament hi fost l-aktar mexxejja Ewropej li qalgħu diksata bil-kriżi tar-refuġjati, kellha terġa’ żżur it-Turkija għat-tieni darba fi tliet xhur. L-għan tagħha hu dak li ssib xi arranġament li jorbot, fejn it-Turkija tiżgura li tilqa’ r-refuġjati li jaslu għandha mingħajr ma tħallihom ikomplu fi triqithom lejn l-Ewropa, jew aħajr wieħed igħid, lejn il-Ġermanja. Il-maġġoranza l-kbira tagħhom hemm jixtiequ jispiċċaw. Kull ġimgħa li tgħaddi qed tikkonferma li mhux se tinstab soluzzjoni faċli, ta’ darba, għall-inkwiet tar-refuġjati. Sa issa, l-aktar li ddominaw kienu sforzi ta’ illipazzar.

***

BREXIT IMBIEGĦED?

Fuq front ieħor, kienu għaddejjin ħidmiet diplomatiċi qawwija dwar l-abbozz ta’ ftehim milħuq bejn il-Prim Ministru Ingliż Cameron u l-President tal-Kunsill Ewropew Tusk dwar kif ir-Renju Unit jista’ jingħata kondizzjonijiet ġodda biex isostni s-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Ingliż kien attiv ħafna fuq żewġ binarji – dak li jikkonvinċi lill-pajjiżi Ewropej l-oħra biex jappoġġjaw il-ftehim milħuq, u dak li jikkonvinċi lill-elettorat Ingliz biex jivvota iva f’referendum li se jsir dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ fl-Unjoni.
Fil-laqgħat li hu u l-ministri tiegħu qed ikollhom ma’ mexxejja Ewropej, Cameron qed isib min mhux daqshekk ferħan bil-kompromess li hu u Tusk sabu. Fost dawk li esprimew riżervi, kien hemm saħansitra l-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, dwejjaq li anki ġie rifless fil-kummenti tal-ġurnal influwenti Franċiż “Le Monde”. Fost oħrajn, l-argument qed ikun li l-konċessjonijiet mogħtija lill-Ingliża se jxekklu liż-żona ewro milli tieħu deċiżjonijiet li jsaħħu l-istrutturi tagħha ta’ tmexxija.
F’pajjiżu stess, Cameron qed ikollu jaffronta kritika ta’ tip differenti. Din issostni li l-oġġezzjonijiet li qed jitqajmu mill-Ewropej huma finta, maħsuba biex juru kemm Cameron irnexxielu jasal fin-negozjati li daħal għalihom. Fil-verità, jgħidu l-kritiċi Ingliżi, il-ftehim propost mhu xejn ħlief wieħed ta’ irtokki ħfief fejn kollox baqa’ kif kien. Il-kampanja biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni se tkun waħda ħarxa u qawwija.
Waqt li l-kamp tal-le hu maqsum f’diversi fazzjonijiet, għandu numru ta’ appoġġi li se jkunu kruċjali fil-kampanja tar-referendu, b’fuq quddiem nett, il-midja popolari li qed tappoġġja b’leħen wieħed l-Brexit. Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni, fost dawk li jafu kif se jivvotaw fir-referendum, maġġoranza qed tgħid li trid il-Brexit.

***

IL-BDIEWA MĦASSBA

L-Unjoni Ewropea ma tkunx l-Unjoni Ewropea jekk regolarment ma jitqanqalx tħassib minn settur jew ieħor dwar id-deċiżjonijiet li tkun qed tieħu. Fost l-oqsma li dejjem ikollhom l-inkwiet dwar hekk, insibu dak tal-biedja. Mill-bidu nett tat-twaqqif tal-Unjoni, il-biedja kienet pern dwar kif se jitfasslu r-regoli ħalli jitwaqqaf suq wieħed mal-kontinent Ewropew.
Fil-bidu nett tal-Unjoni il-biedja kellha importanza ewlenija fil-baġits tas-Suq Komuni, kif kien magħruf dak iż-żmien. Illum, din l-importanza naqset sew. Madankollu, l-agrikoltura għadha mitqiesa bħala element kruċjali fil-mod kif l-Ewropa tal-lum hi organizzata. U bħalissa, fost il-bdiewa Ewropej u r-rappreżentanti tagħhom hemm inkwiet kbir.
Ir-rappreżentanti tal-bdiewa fl-oqsma tal-ħxejjex u l-frott, kif ukoll tar-raħħala fl-oqsma tal-produzzjoni tal-ħalib u tat-trobbija tal-majjal qed isostnu li d-dħul tagħhom naqas u li qed ikun hemm kompetizzjoni żleali minn ġewwa u minn barra l-Unjoni. Qed jisħqu li minn Brussel ftit li xejn qed jingħata kas tal-problemi kbar li qed jaffaċċjaw, ikkawżati mill-embargo fuq prodotti tal-ikel Ewropej mir-Russja, minn bejgħ li qed jistaġna fi ħdan l-Ewropa nnifisha, u minn prezzijieet baxxi wisq fis-swieq internazzjonali barra mill-Ewropa.
Il-pakketti ta’ għajnuna li wegħdet sa issa l-Kummissjoni Ewropea ma servew xejn biex jikkalmaw lill-bdiewa u raħħala. Jekk ma jsirux offerti aħjar, ma tkunx ħaġa kbira jekk nerġgħu naraw dimostrazzjonijiet qawwija fit-toroq. Ingħata sinjal li l-biċċa qed taggrava: ħadd anqas mill-Prim Ministru Franċiż Manuel Vals stqarr publikament li l-qasam agrikolu jeħtieġ jingħata aktar attenzjoni minn Brussell għax qed jitħalla jitgħaffeġ wisq.

Facebook Comments

Post a comment