Kritika li ilha ssir kontra t-tmexxija tal-Unjoni Ewropea hi li matul is-snin daħlet wisq fi rqaqat ta’ tmexxija. Ivvintat wisq proġetti ġodda għal politika Ewropea li wasslu biex inaqqsu s-sehem tal-pajjiżi membri u l-popli tagħhom fid-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom. Minflok il-Parlamenti jew il-gvernijiet nazzjonali, ħadu aktar importanza l-istituzzjonijiet ċentrali Ewropej biex jiddeċiedu dwar l-affarijiet. Ukoll b’dal-mod – tkompli l-istess kritika – tnaqqset l-effiċjenza li bihom fi Brussell, jittieħdu d-deċiżjonijiet li huma meħtieġa ħalli jintlaħqu l-għanijiet tal-politika Ewropea li tiġi mfassla.
Għal żmien, din il-kritika ftit qanqlet reazzjoni min-naħa tal-mexxejja Ewropej. Difiża ewlenija kontra l-akkużi kienet li l-gvernijiet tal-istati membri jsibuha konvenjenti li jwaħħlu fi Brussell għal deċiżjonijiet li jittieħdu hemm, anke jekk huma kienu parti sħiħa mid-deċiżjoni. Dak li jitqies bħala xejn popolari jew dak li ma jirnexxix, ikun għalhekk jista’ jiddendel fuq ras l-istituzzjonijiet Ewropej.
Kien fl-aħħar snin ta’ awsteritá u meta fl-Ewropa, beda jqum il-populiżmu li l-kritika kellha tibda tingħata aktar widen. Għall-biċċa l-kbira tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor u għall-ewwel għaxar snin ta’ das-seklu, minkejja l-kritika, il-proġett Ewropew kien jintlaqa’ b’entużjażmu mhux ċkejken minnn ħafna ċittadini. Issa, sar proġett imdallam għal miljuni ta’ Ewropej.

SUSSIDJARJETÀ
Wieħed mill-valuri li l-Unjoni Ewropea dejjem insistiet li hu ewlieni għaliha kien dak tas-sussidjarjetà. Minnu jinħareġ dan il-prinċipju ta’ tmexxija: Dak li jista’ jsir aħjar mill-istati membri, jew mir-reġjuni jew il-kunsilli lokali tagħhom, bħala deċiżjoni jew bħala tmexxija, għandu jsiru minnhom, mhux minn Brussell. L-“Ewropa” kellha tinvolvi ruħha biss jew l-aktar f’dawk l-oqsma fejn mingħajrha, l-affarijiet ma setgħux isiru tajjeb biżżejjed fost il-pajjiżi tal-kontinent Ewropew. Is-sehem tagħha kellha tagħtih fejn se twassal lill-pajjiżi membri u l-popolazzjonijiet tagħhom lejn qagħda itjeb.
Imma kemm tabilħaqq baqa’ jiġri hekk matul is-snin?
Daqs sena u nofs ilu, l-president tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker iddeċieda li jirrispondi għal din l-isfida. Fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew ta’ Settembru 2017 dwar il-qagħda tal-Unjoni, ħabbar li qed iwaqqaf kumitat (“task force”) immexxi minn Frans Timmermans – viċi President tal-Kummissjoni (u li issa se jkun qed “imexxi” lis-soċjalisti u d-demokratiċi fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju li ġej).
Lill-kumitat, Juncker poġġielu tliet miri. Riedu jara kif l-Unjoni Ewropea tista’ tapplika aħjar il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Ma’ dan għaqqad prinċipju ieħor, hu wkoll bi prononuzja komplikata: proporzjonalità. Jiġifieri, li meta tiddaħħal miżura, wieħed irid ikun żgur li dak li se jsir jgħodd tassew għas-sitwazzjoni li tkun, mhux jispiċċa qisu xi ħadd li jipprova jiftaħ ġellewża (jsolvi problema) billi jirrombla tank minn fuqha.
Żewġ miri oħra kienu dawn:
–li l-kumitat jara jekk hemmx oqsma ta’ tmexxija li l-Unjoni Ewropea ħadet f’idejha mingħand il-gvernijiet nazzjonali, imma li faċilment jistgħu jitroddu lura lill-gvernijiet nazzjonali; u
–li l-kumitat isib modi kif miżuri li qed jittieħdu minn Brussel jistgħu jiġu delegati aħjar lejn awtoritajiet reġjonali u lokali.
Fil-kumitat ma’ Frans Timmermans, tpoġġew rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, grupp li jsegwi żviluppi fl-Ewropa magħmul minn nies eletti fil-kunsilli lokali u tar-reġjuni; membri mill-parlamenti nazzjonali; u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea. Ħaġa stramba: il-membri tal-kumitat kienu kollha rġiel.
Hu xinhu, il-kumitat iltaqa’ seba’ darbiet tul is-sena u l-membri tiegħu ħarġu r-rapport tagħhom f’Lulju ta’ dis-sena. Semmewh “Sussidjarjetà Attiva – mod ġdid kif naħdmu” – Rapport tat-Task Force dwar Sussidjarjetà, Proporzjonalità u ‘Kif se Nagħmlu Anqas b’mod li jkun aktar effiċjenti’. Jekk min qed jaqra dan għadu ma qatax nifsu jaqra dan it-titlu sal-aħħar, forsi jiskanta kif ir-rapport (sa fejn naf jien) ftit li xejn sab eku. Donnu indifen malli ħareġ. Fid-dikors tiegħu ta’ dis-sena dwar il-qagħda tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Juncker ma semmiehx.
Dan ma jfissirx li wieħed ma għandux jagħti titwila lejn ir-rakkomandazzjonijiet li joħroġ bihom. Kemm f’dak li jikkonkludu, kemm f’li jħallu barra, il-kittieba tar-rapport jgħidulna ħafna dwar it-tensjonijiet li qamu fit-tmexxija Ewropea fl-aħħar snin.

KONSULTAZZJONI AKBAR

Ir-rapport isemmi ħames konklużjonijiet “wiesgħa” li l-kumitat ta’ Timmermans wasal għalihom. L-ewwel waħda issostni l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tkun aktar attiva biex tindirizza l-isfidi importanti li qed iqumu f’oqsma fejn hi tista’ taġixxi biex tagħmel differenza għall-aħjar. Jekk fhimt tajjeb, l-argument hawn hu li l-Unjoni Ewropea mhijiex qed twassal tajjeb il-messaġġ dwar kif il-ħidma tagħha qiegħda żżid u mhux tnaqqas mal-ħila tal-Ewropa biex titjieb il-qagħda taċ-ċittadini. Aktar minn hekk: mhijiex qed tagħmel kull ma tista’ tagħmel biex tilħaq dan il-għan – qed tkun wisq timida.
It-tieni konklużjoni toħroġ b’mod faċli mill-ewwel waħda. Il-kumitat ta’ Timmermans ma qabilx li hemm xi oqsma li minnhom l-Unjoni Ewropea għandha “toħroġ” biex tgħaddihom lura lejn il-pajjiżi membri. Ir-rimedju ma hux dan għad-diffikultajiet li jinqalgħu meta ċ-ċittadini fil-pajjiżi Ewropej jilmentaw li qed jittieħdu deċiżjonijiet mill-bogħod li jmorru kontra l-interessi tagħhom – jew meta l-istess deċiżjonijiet jinjoraw x’jaħsbu u xi jqisu ċ-ċittadini. Skont il-kumitat, jeħtieġ organizzazzjoni aħjar fil-mod kif jiġu involuti ċ-ċittadini E wropej fit-tfassil tal-politika Ewropea. Huma jridu iħossuhom aktar ikkonċernati f’li qed jiġri. Trid isseħħ “sussidjarjetà attiva” li tagħtihom sens ta’ kontroll fuq id-deċiżjonijiet meħuda. Anzi, għandhom jispiċċaw iħossu qisu li dawn id-deċiżjonijiet huma tagħhom.
It-tielet konklużjoni kienet li hemm bżonn ta’ għarfien minn dawk b’xi mod huma involuti fid-deċiżjonijiet Ewropej dwar kif tassew jittieħdu dawn id-deċiżjonjiet, anke waqt li huma jkollhom sehem fihom. Dan għandu jwassal biex jinqala’ anqas taħwid, anqas inkwiet u frustrazzjoni.
Imbagħad fir-raba’ post issemma’ kif il-leġislazzjoni Ewropea qed issir folta u komplikata żżejjed. Pereżempju, id-direttivi li toħroġ l-Unjoni, li suppost sempliċement jagħtu linji gwida li fuqhom l-awtoritajiet tal-istati differenti jibnu r-regolamenti tagħhom qed isiru inflessibbli wisq, jorbtu żżejjed.
Il-ħames u l-aħħar konklużjoni kienet li l-proċess li beda l-kumitat ta’ Timmermans biex jifli kif qed jittiħedu d-deċiżjonijiet Ewropej u kif qed jitniżżlu lejn iċ-ċittadini, ma jieqafx hemm. Għandu jkompli fiż-żmien li ġej biex jassigura li d-deciżjonijiet Ewropej jitwasslu lejn iċ-ċittadini b’mod aktar attiv.

X’EFFETT?

Minn dawn il-konklużjonijiet, Timmermans u sħabu ħarġu disa’ rakkomandazzjonijiet. L-ewwel waħda kienet biex l-Unjoni Ewropea tħaddem metodu tajjeb ta’ kif tkejjel l-impatt tal-proposti li tiġi biex tagħmel. B’hekk, tkun tista’ tissottomettihom b’ċertu galbu lill-pajjiżi membri ħalli l-gvernijiet u ċ-ċittadini tagħhom jkunu jistgħu jgħidu tagħhom.
Hawn mhux il-post fejn noqgħodu niddiskutu r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ Timmermans. Fosthom insibu perezempju li l-Parlamenti nazzjonali jingħataw tnax-il ġimgħa mhux tmienja biex fihom jipprotestaw kontra xi direttiva li l-Kummissjoni tkun għadha kemm ħadet. Frankament, ma jidhirlix li hemm daqstant interess fihom, siewja kemm jistgħu jkunu siewja.
Anke jekk Timmermans u l-kumkitat tiegħu poġġew subgħajhom fuq l-aqwa difetti organizzattivi tal-Unjoni Ewropea meta din tiġi biex tieħu u tittrasmetti d-deċiżjonijiet, ma jidhirlix li messew il-qalba tal-problema. Jiġifieri, dik li ċ-ċittadini għadhom iħossu li d-deċiżjonijiet meħuda għalihom fi Brussell huma bogħod wisq mill-ħajja ta’ kuljum li jgħixu.
Forsi għalhekk li r-rapport tal-kumitat Timmermans m’għamilx il-ħoss mistenni minnu!

Facebook Comments

Post a comment