Strettament il-mod kif matul is-snin inbniet l-Unjoni Ewropea ma kellux jagħti lok biex jagħmel sens li titfassal politika barranija għall-Ewropa. Jew hekk jidher għall-ewwel. Bil-għaqda ta’ bejniethom, il-pajjiżi Ewropej riedu fuq kollox joħolqu suq wieħed fil-kontinent Ewropew. Bil-kummerċ ħieles fi prodotti tal-industrija u tal-biedja u f’servizzi, kienu se jdaħħlu bejniethom rabtiet dejjem akbar. Minħabba fihom imbagħad, kienu se jiġu evitati l-gwerer li għal sekli tertqu lill-Ewropa. Sadattant, il-pajjiżi membri ta’ das-suq kbir, għalkemm jaqblu fuq il-mira li l-għaqda ta’ bejniethom kellha ssir waħda dejjem eqreb, kienu se jibqgħu sovrani. Għalhekk fost affarijiet oħra kienu se jibqgħu jmexxu l-politika “tagħhom” ta’ difiża, sigurtà u ta’ rabtiet politiċi ma’ pajjiżi barranin.
Meta mas-snin, l-għaqda Ewropea daħlet f’oqsma bħal dawk soċjali, tal-ambjent u wara anke l-għaqda monetarja, suppost li ma nbidel xejn minn dil-fasla. Imma effettivament, il-passi li ttieħdu lejn għaqda dejjem aktar mill-qrib bilfors kellhom jaffettwaw il-politika barranija tal-pajjiżi membri. Kull miżura li ttieħdet kienet fil-fatt tfisser li l-pajjiżi membri tal-Unjoni kienu qed iċedu xi parti mis-sovranità tagħhom biex idaħħluha taħt tmexxija “komuni” skont ir-regoli maqbula.

KUMMERĊ U POLITIKA BARRANIJA
Anke kieku l-Unjoni Ewropea baqgħet biss mixħuta fuq materji ta’ kummerċ u ekonomija, xorta kienet se ssib li qed tinvolvi ruħha f’politika barranija. Kull pajjiż imexxi din il-politika biex jiddefendi l-interessi nazzjonali tiegħu, fosthom m’hemmx għalfejn ngħidu, dawk ekonomiċi. Aktar ma għadda ż-żmien, aktar dawn l-interessi ekonomiċi kienu qed isiru r-“responsabbiltà” tal-Unjoni, fosthom pereżempju n-negozjati ma’ pajjiżi barra l-Unjoni dwar ftehimiet kummerċjali ġodda. L-għażla ta’ ma’ min isiru l-ftehimiet u x’sura se jieħdu – li s-soltu jispiċċaw parti sostanzjali mill-politika barranija ta’ kull pajjiż li jaqdef għal rasu – issa bdew jitmexxew mill-Unjoni Ewropea: kemm mill-Kummissjoni bħala l-“gvern” tal-Unjoni, u kemm mill-pajjiżi membri li jiddeċiedu flimkien.
Terġa’, matul is-snin, barra mill-firxa tal-Unjoni lejn oqsma differenti ta’ ħidma, bdew jidħlu wkoll konsiderazzjonijiet ġodda. Pereżempju, dwar x’għandhom ikunu l-kriterji jew il-valuri li jżommu flimkien lill-pajjiżi li huma membri tal-Unjoni jew li jixtiequ jkunu membri tagħha. Dawn il-kriterji u/jew valuri kienu jmorru lil hinn sew mit-tmexxija tal-ekonomija. Ħadu s-sura meta fil-bidu tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, il-membri tal-Unjoni ddeċidew li pajjiżi li xtaqu jidħlu membri ġodda fl-Unjoni kellhom l-ewwel juru li qed josservaw ċerti prinċipji. Dawn ġew proklamati fis-sena 1993 waqt summit Ewropew li nżamm fil-belt ta’ Copenhagen.
Fost il-kriterji ta’ Copenhagen, kif bdew jissejħu, insibu: l-istabbiltà ta’ istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija; l-istat tad-dritt; id-drittijiet tal-bniedem; u r-rispett lejn, kif ukoll il-protezzjoni, tal-minoranzi. Huma kriterji li jmorru lil hinn sew mill-ħidma ekonomika jew kummerċjali. Juru kif l-Unjoni Ewropea kienet daħlet f’fażi ġdida tal-iżvilupp tagħha.

WARA LI WAQA’ L-ĦAJT

Illum nistgħu nagħrfu kif dil-fażi ġdida telqet mal-kollass tal-Unjoni Sovjetika. Bil-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin u bit-tmiem tal-gwerra bierda, saret possibbli għat-territorju Ġermaniż li jingħaqad mill-ġdid f’pajjiż wieħed. Il-pajjiżi li qabel kienu parti mis-sistema komunista u mill-blokk militari ta’ Varsavja, kisbu lura s-sovranità sħiħa u telqu għal rashom. Daru biex idaħħlu fit-tmexxija tagħhom sistemi li jixbhu dawk tal-pajjiżi tal-punent tal-Ewropa. Aktar minn hekk, tħajru jsiru membri tal-Unjoni Ewropea, mhux l-anqas biex b’hekk jikkonfermaw li kienu ħelsu għal kollox mit-tutela ta-Unjoni Sovjetika, jew aħjar issa, ir-Russja.
Dawn l-iżviluppi kienu se jaffettwaw lill-pajjiżi Ewropej kollha, kif ukoll lill-Unjoni Ewropea. Il-mod kif kellhom jiġu milqugħa u ttrattati kien marbut bil-kbir mat-tmexxija tal-politika barranija u tal-politika tas-sigurtà ta’ kull pajjiż membru tal-Unjoni. Lanqas ma seta’ jinfired mit-tmexxija tal-Unjoni nnifisha. Fin-nofs fost oħrajn, kien hemm ir-relazzjoni li l-Ewropej kien se jkollhom mar-Russja li ħarġet mit-tifrik tal-Unjoni Sovjetika u l-kwistjoni ta’ x’kellha tkun it-triq ’il quddiem tan-NATO, li ġabar fi ħdanu maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej.
Fl-istess summit ta’ Copenhagen tas-sena 1993, fejn issawru l-kriterji msemmija għall-istess belt biex jiddeterminaw liema pajjiżi setgħu jsiru membri tal-Unjoni Ewropea, il-mexxejja Ewropej ħadu deċiżjoni oħra. Qatgħuha li jwaqqfu politika barranija u ta’ sigurtà komuni (“Common Foreign and Security Policy” – CFSP). L-għanijiet tagħha kellhom ikunu dawk li tħares il-paċi; issaħħaħ is-sigurtà internazzjonali; tkattar il-koperazzjoni internazzjonali; u tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija fost il-ġnus, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Sal-1999, kien beda jinħatar uffiċjal imsejjaħ ir-Rappreżentant Għoli għall-politika komuni barranija u ta’ sigurtà. Dan spiċċa mbagħad jingħata l-kariga ta’ Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea nnifisha.

ANKE FIL-PARLAMENT EWROPEW

Waqt li bdiet tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi membri fuq sigurtà u politika barranija, mistoqsija kruċjali saret: Kif kellha titmexxa dil-koperazzjoni? F’kuntatti u diskussjonijiet direttament bejn il-gvernijiet membri? – Jew permezz ta’ proċedura “komunitarja” li titħaddem minn Brussell? Deher ċar li ħafna pajjiżi membri, biex ma ngħidux kollha, riedu jżommu sehem u kontroll nazzjonali dirett fil-proċess li bih titmexxa s-CFSP. Fost il-kompromessi li waslu għalihom insibu t-twaqqif ta’ servizz Ewropew ta’ affarijiet barranin, b’rappreżentanti li jintbagħtu bħala diplomatiċi f’pajjiżi differenti barra l-Ewropa. Matul is-snin, is-servizz kiber u għandu ambaxxati f’numru mdaqqas ta’ pajjiżi barra l-Unjoni.
F’dawn l-iżviluppi l-Parlament Ewropew ma baqax lura, għalkemm ftit sa issa ingħata għarfien u saħħa fit-tmexxija tal-politika barranija Ewropea. Imma in parti minħabba r-rwol li għandu fl-approvazzjoni tal-baġit għas-servizz diplomatiku Ewropew, il-Parlament jiġi mgħarraf regolarment dwar il-kwistjonijiet li jkunu għaddejja. Il-kumitat tiegħu dwar affarijiet barranin ta’ spiss jesprimi ruħu dwar l-għażliet ta’ politika barranija li tkun qed taffaċċja l-Unjoni jew il-pajjiżi membri. Imbagħad, fid-dibattiti li jsiru matul il-plenarja tal-Parlament suġġetti ta’ politika barranija u sigurtà jitqajmu ta’ spiss, anke meta dawn ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltajiet tal-Unjoni. Deputati jqumu biex jitkellmu dwar pajjiżi mbiegħda u jqanqlu suġġetti li dwarhom l-Unjoni Ewropea ftit jista’ jkollha influwenza. Ir-Rappreżentanta Għolja għall-politika komuni dwar affarijiet barranin u sigurtà toqgħod tismagħhom bil-paċenzja kollha u wara tirrispondi kif tista’…
Fl-aħħar żminijiet, l-akbar twessigħ li seħħ fis-CFSP aktar kien fil-qasam tas-sigurtà, milli f’dak tal-politika barranija. Konna tkellimna f’dil-paġna dwar kif il-Kummissjoni Ewropea qed tipprova tibni qafas għal suq tal-armamenti wieħed komuni fl-Ewropa; u kif qed jiġi żviluppat qafas wiesgħa għal kordinament u ħidmiet komuni bejn l-armati tal-pajjiżi membri.

***
Lil hinn mill-mod kif il-politika “barranija” tal-Unjoni Ewropea qed tkun organizzata u qed titmexxa, iqumu mistoqsijiet aktar qawwija.
X’kienu l-isfidi li l-politika barranija “tal-Ewropa” ffaċċjat u x’inhuma dawk li qed taffaċċja llum? X’kienu l-aqwa suċċessi u l-aqwa fallimenti tagħha? Bħalissa, fejn jinsabu l-aqwa sforzi tad-diplomazija Ewropea? Dawn il-mistoqsijiet jixirqilhom risposti. Għal darb’oħra.

Facebook Comments

Post a comment