Bħal-lum ġimgħa ktibt f’dil-paġna dwar il-prospetti tas-soċjalisti demokratiċi fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ Mejju 2019, sena u tmien xhur oħra. Ħsibt li kont ċar biżżejjed. Imma rċevejt e mail minn ħabib tiegħi li staqsa: Imma eżattament x’qed tgħid? — li s-soċjalisti se jaqilgħu tkaxkira? U kif jista’ jiġri hekk, jekk illum jinsabu t-tieni l-akbar partit fil-Parlament Ewropew? L-agħar li jista’ jiġrilhom hu li jnaqqsu mis-siġġijiet, forsi.
Weġibtu li kieku kien kif qed jgħid hu, il-qagħda tkun diffiċli imma mhux diżastruża. Il-biża’ hu li jista’ jiġri agħar. U jkun tajjeb jekk is-soċjalisti u d-demokratiċi jieħdu passi malajr kemm jista’ jkun biex jilqgħu għall-agħar.

L-ISFOND

Aħna u nitkelllmu, spiċċajna għamilna rassenja flimkien tal-isfond politiku pajjiż pajjiż, fi ħdan il-membri ewlenin tal-Unjoni Ewropea.
Fi Franza, il-Partit Soċjalista jinsab imkisser u mħarbat wara li fl-elezzjonijiet presidenzjali u leġislattivi kiseb anqas sew minn 10 fil-mija tal-voti.
Fil-Ġermanja, għalkemm l-SPD se jibqa’ t-tieni l-akbar partit wara l-elezzjoni għall-kanċellier tal-pajjiż, se jqis lilu nnifsu bħala ixxurtjat jekk ma jnaqqasx mis-saħħa tiegħu. Diġá tilef it-tlett elezzjonijiet li saru sa issa dis-sena fi stati differenti tal-Ġermanja, inkluż f’wieħed fejn dejjem kien minn fuq.
Fi Spanja, il-Partit Soċjalista qed jitħabat biex mill-Oppożizzjoni jirbaħ lura l-voti li “serqulu” ta’ Podemos, partit tax-xellug-xellug li twieled fi żmien ir-riċessjoni qawwija li tnediet taħt l-aħħar gvern soċjalista Spanjol. Ħafna partitarji soċjalisti jwaħħlu fil-partit tagħhom li ħalla l-kriżi tinħoloq u ma laqax tajjeb għaliha.
Fl-Italja, wara fawra ta’ suċċess hekk kif Matteo Renzi sar mexxej tiegħu, il-Partit Demokratiku (li jgħaqqad lis-soċjalisti bejniethom), tilef ir-rankatura. Bħala kap tal-gvern, Renzi nħass wisq arroganti u tilef referendum dwar bidliet kostituzzjonali li ried idaħħal. Illum il-PD jinsab imxekkel b’firdiet interni u mhux qed iżomm sod biżżejjed għall-avvanzi tal-lemin.
Fl-Olanda, il-partit soċjal demokratiku qala’ daqqa kbira fl-aħħar elezzjoni wara li f’koalizzjoni mal-partit ċentru lemini appoġġja politika ta’ awsteritá.
Fl-Awstrija, il-biża’ hu li s-soċjalisti se tmisshom l-istess xorti bħall-Olandiżi, fl-elezzjonijiet li jinsabu fil-qrib.
Fl-Ungerija u fil-Polonja, ix-xellug soċjal demokratiku spiċċa f’minoranza ċkejkna ħafna hekk kif ix-xena politika sfat iddominata mil-lemin u l-lemin estrem.
Fil-Greċja, dak li qabel kien il-PASOK jinsab għal kollox b’dahru mal-ħajt (għalkemm l-istess qed jiġri lill-partit Siriża, tax-xellug-xellug immexxi mill-Prim Ministru Tsipras). Wara t-tkomplija tal-awsteritá ħarxa (anke taħt it-tmexxija ta’ Tsipras) jidher li x-xellug kollu riesaq lejn disfatt kbira.
Tħares fejn tħares (barra Malta, l-iSlovakkja u l-Portugall) ix-xellug soċjal-demokratiku jinsab denbu taħt il-blata fl-Ewropa. (F’dil-ħaġa, l-Labour Ingliż trid taqtgħu ’l barra mill-bilanċ minħabba l-Brexit.) Sadattant ix-xellug-xellug ftit jidher li qed jikseb xi rankatura sostnuta. Tal-Podemos fi Spanja rabbew reputazzjoni ta’ tmexxija awtoritarja; Tsipras fil-Greċja wera li meta l-Ewropej għafsu fuqu bis-saħħa kollha tagħhom, hu wkoll għamel bħal ta’ qablu – Prim Ministri tal-lemin jew tal-PASOK — u ċeda. Minkejja kollox, il-poplu Grieg ried li jibqa’ fiż-żona ewro. Ma kienx lest jaċċetta s-sagrifiċċji meħtieġa biex joħroġ minnu. U allura anke Tsipras kellu jsostni politika ta’ awsteritá.

NAGĦMLU L-KEJL

Dan kollu fejn se jwassalna? staqsa l-ħabib tiegħi f’e mail ieħor li bagħatli. Int ma tistax tibqa’ sempliċement tilgħabha tal-Kassandra – dik il-profetessa li dejjem tħabbar il-kalamitajiet – u lanqas tista’ tieħu gost bihom meta juru kemm kellek raġun. Tajtu raġun f’hekk għalkemm ipprotestajt li qatt ma ħadt gost meta d-dwejjaq li bassart, filfatt seħħew. Mhux dak il-punt, weġibni. Il-punt hu x’jista’ jsir biex il-problemi li qed tbassar għas-soċjalisti fl-elezzjonijiet Ewropej jintrebħu jew jittaffew. Fuq hekk, kellu raġun.
Issa l-kejl hu dan: Ingħidluhom elezzjonjiet “Ewropej” imma f’kull pajjiż, in-nies tivvota skont il-qafas nazzjonali li fih tgħix. Jiġifieri jekk il-partit li votant jappoġġja fuq livell nazzjonali mhux qed jissodisfah f’pajjiżu stess, mhux se jistmah fl-elezzjonijiet Ewropej. Anzi, għandu mnejn aktar jitħajjar iwarrbu fuq dak il-livell, għax iqis li jista’ jagħtih twiddiba qawwija bla ma joħloq wisq mewġ f’pajjiżu stess kontra l-partit li mdorri jappoġġja.
Madankollu, l-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi ħa matul is-snin ir-reputazzjoni li qabel kollox, qiegħed hemm biex iħares u jippromwovi l-għaqda Ewropea. Din wasslitu biex jaċċetta koalizzjonijiet fil-Parlament Ewropew anke mal-partiti taċ-ċentru-lemin u tal-lemin sakemm b’hekk, l-għaqda Ewropea tkun qed tisseddaq. Donnu sar partit li qed ipoġġi fuq quddiem nett mhux l-interessi tal-votanti tiegħu – ħaddiema, impjegati, self employed żgħar, pensjonanti – imma l-interessi ta’ Ewropa magħquda.
Fuq livell nazzjonali, bil-qbil mat-twaqqif taż-żona ewro u wara mal-ħarsien tagħha kontra l-ħalel li qamu bil-kriża tal-2008, is-soċjalisti dehru li qed iwettqu jew jappoġġjaw politika ta’ awsterità mill-aktar selvaġġa, li ħaqret l-aktar lill-partitarji tagħhom. Lil hinn mill-problemi tal-qgħad, awsterità u l-ewro, l-istess ħaġa ġrat matul il-kriżi tal-immigrazzjoni. Waqt li l-votanti tas-soċjalisti kienu nkwetati b’li qed jiġri, il-partit tagħhom kienu qed jipproklamaw solidarjetà li ħafna mill-istess votanti baqgħu jqisu bħala imprudenti u għamja.
Donnu li ma kienx hemm aktar differenza bejn il-lemin u x-xellug, ħaġa li birdet sew lil dawk li tradizzjonalment appoġġjaw lis-soċjalisti. Il-kandidat tal-partit soċjalista għal kanċellier Martin Schulz, eks-president tal-Parlament Ewropew, qed jgħaddi bħalissa minn din l-esperjenza fil-kampanja Ġermaniża elettorali li tinsab għaddejja.
Biex tagħqad, is-soċjalisti Ewropej għadhom kburin bil-bidla li daħħal Schulz innifsu fiż-żmien meta kien imexxi l-grupp. Kif semmejna l-ġimgħa li għaddiet, din kienet biex il-Parlament Ewropew jinsisti li jilħaq President tal-Kummissjoni Ewropea l-mexxej ta’ dak il-grupp politiku li jirbaħ l-akbar numru ta’ siġġijiet fl-elezzjonijiet Ewropej. Il-mossa rnexxiet. Imma fiċ-ċirkostanzi tal-lum, jien inqisha bħala formola li se twassal ħalli l-President li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea jerġa’ jkun, bħal fil-każ ta’ Juncker, politiku tal-lemin. Sal-lum dan wassal biex it-tliet karigi ewlenin tal-Unjoni Ewropea jinsabu f’idejn il-lemin. Ma neħodhiex bi kbira jekk l-affarijiet jerġgħu jispiċċaw b’dan il-mod wara Mejju 2019.
Forsi agħar minn hekk, żball li jagħmlu s-soċjalisti hu li għadhom jaħsbu li l-pożizzjoni tagħhom favur “aktar” Ewropa hi xi ħaġa li għandha tagħtihom vantaġġ politiku fil-kampanji elettorali Ewropej. Mentri kif naraha jien, naħseb li ħafna votanti huma kontra li l-interessi ta’ Ewropa magħquda jitpoġġew ’il fuq mill-interessi personali tagħhom.
Biex is-soċjalisti u d-demokratiċi itejbu ċ-ċansijiet tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, jeħtieġu bidla fid-diskors u l-atteġġjament. Lil hinn mid-diskors dwar l-iżvilupp tal-Ewropa, li ftit jinteressa lill-kotra, iridu jikkonċentraw fuq diskors dwar miżuri nazzjonali u Ewropej maħsuba biex itejbu b’mod konkret id-dinja tax-xogħol. Wieħed ma jistax jgħid li dan mhux qed isir xejn. Żgur mhuwiex qed isir biżżejjed u żgur mhuwiex isir b’mod iffokat fuq l-aktar issues li jinteressaw lill-popli — miżuri bħall-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi, il-pensjonijiet, l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ.
Qabel jiftħu d-diskors fuq l-għaqda Ewropea is-soċjalisti u demokratiċi jeħtieġ jitkellmu u jaġixxu dwar is-sitwazzjoni konkreta li n-nies tax-xogħol qed jaffaċċjaw f’pajjiżhom.

Facebook Comments

Post a comment