Il-President ta’ Franza Emanuel Macron sa mil-bidu nett ppreżenta ruħu bħala vuċi qawwija favur progress ta’ malajr lejn għaqda akbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għamel diskors twil fl-università tas-Sorbonne ta’ Pariġi fejn ipproklama l-ħtieġa ta’ ħidma ġdida u qawwija lejn miżuri ta’ federaliżmu fl-Unjoni Ewropea fl-oqsma pereżempju tat-tmexxija taż-żona tal-ewro, tal-politika tal-immigrazzjoni, tal-għaqda bankarja, tal-ambjent, tad-difiża Ewropea… fost oħrajn…
Il-proposti tiegħu qajmu interess kbir. Ħafna stennew kif se jirreaġġixxi l-gvern Ġermaniż. Imma dan kien imħabbat jara kif se jkompli jmexxi għax wara l-elezzjonijiet tal-ħarifa tas-sena 2017, il-Ġermaniżi damu xhur twal sakemm setgħu jwaqqfu gvern. Fl-aħħar, il-gvern “ġdid” Ġermaniż li ssawwar bejn il-kristjan demokratiċi, is-soċjal kristjani (tal-Bavarja) u s-soċjalisti demokratiċi baqa’ jħoss l-istess dwejjaq għall-proposti ta’ għaqda akbar li ressaq Macron daqs kemm kienu jagħmlu l-gvernijiet ta’ qablu bi proposti simili li saru fl-imgħoddi. Xorta l-Franċiżi u l-Ġermaniżi bdew negozjati bejniethom biex jaraw kif it-tnejn li huma, flimkien, setgħu jressqu proposti għal għaqda akbar kif xtaq il-President Franċiż.
Sadattant, Macron innifsu nqabad fit-twegħir tal-protesti li bdew jagħmlu kontra t-tmexxija tiegħu l-ġgajtiet tal-ġakketta safra fi Franza stess. Minn politiku ġdid bl-akbar ħerqa biex iqanqal riformi kbar mal-Ewropa kollha, Macron għal numru ta’ ġimgħat, ta dehra ta’ politiku li jkollu jagħmel minn kollox biex ma jitlifx kull kontroll fuq il-pajjiż li suppost qed imexxi. Għalkemm sa issa rnexxielu jegħleb l-agħar parti ta’ din l-isfida, laħaq tilef ħafna mill-kapital morali u politiku li kien rabba malajr malajr fl-Ewropa.
Dix-xitwa, Macron reġa’ tellaq l-isforz biex iqajjem kuxjenza politika favur bidliet ġodda fit-tmexxija Ewropea. F’artiklu li xandar f’għadd kbir ta’ ġurnali Ewropej saħaq fuq il-ħtieġa li biex jinżamm lura l-avvanz tal-estremisti, għandu jkun hemm rinaxximent tal-Ewropa. Ftit hemm dubju li Macron irid iressaq lejn Ewropa aktar federali.
Did-darba ma baqax bla tweġiba immedjata. Is-segretarja l-ġdida tal-partit kristjan demokratiku Ġermaniż Annette Kramp Karrenbauer (magħrufa bħala AKK) kitbet artiklu f’ġurnal Ġermaniż fejn fissret l-ideat tagħha dwar x’għandu jsir. Xejn ma dehret entużjasta għall-għaġla li Macron irid jirriforma biha. Baqgħet prudenti ħafna dwar is-suġġerimenti li ressaq għal federaliżmu akbar. Wara, anke l-kanċellier Merkel tat lil kulħadd x’jifhem li tbierek il-fehmiet ta’ AKK.
Ir-rinaxximent tal-Ewropa li jixtieq Macron se jibqa’ mwaħħal fil-kolla tal-prudenza Ġermaniża?

***
TKABBIR EKONOMIKU GĦAN-NIŻLA?

Sa ftit tax-xhur ilu, fiż-żona tal-ewro l-pronostku kien li l-ekonomiji se jibqgħu jikbru b’rata aktar minn sodisfaċenti. Kien jissemma kif xi darba jew oħra, trid tasal riċessjoni bħala parti miċ-ċiklu naturali ta’ kif jinħmew l-affarijiet. Imma l-istennija kienet li matul dis-sena u anke sal-bidu tal-2020 mhux se jkun hemm twegħir.
Tant hu hekk li l-Bank Ċentrali Ewropew qatagħha fl-aħħar li ma jkomplix bil-programm li ilu jmexxi għal kważi tliet snin. Kien jixtri kull xahar biljuni fuq biljuni ta’ ċedoli ta’ self mis-swieq finanzjarji. B’hekk kien jippompja flejjes kbar fl-ekonomiji. Dan baxxa l-ispiża tal-impriżi meta jiġu biex jissellfu ħalli jinvestu u għalhekk inkoraġġihom jinvestu aktar. Il-programm tal-Bank Ċentrali Ewropew irnexxielu jirranka bil-kbir l-ekonomiji Ewropej.
F’daqqa waħda imma, l-klima donnha nbidlet għall-agħar. Il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali baxxew bil-qawwi l-istimi tagħhom għal kemm se tkun qed tikber dis-sena l-ekonomija Ewropea. Biex tgħaxxaqha, l-istess ħaġa kellha ssir dwar l-istimi ta’ kemm se tikber l-ekonomija Ċiniża (li magħha fl-aħħar snin issaħħu r-rabtiet tal-Ewropej) u dik Amerikana.
Fl-Istati Uniti, il-Federal Reserve… li jiġi l-bank ċentrali Amerikan… ħa miżuri biex jinkoraġġixxi l-attività ekonomika. U reġa’ qam dibattitu dwar jekk il-bank ċentrali tal-Ewropa għandux jerġa’ jħaddem il-programm tiegħu ħalli jippompja aktar fondi fl-ekonomija Ewropea u ma jħallihiex togħtor.
Din id-darba, għall-iskantament ta’ ħafna, il-Ġermaniżi ma dehrux daqstant kontra dil-miżura. Sa issa huma kienu l-aktar vuċi qawwija kontriha għax qisuha bħala li qed torbot it-tkabbir ekonmiku ma’ politika ta’ ħala.
Uħud qed jissuspettaw li hemm problemi aktar profondi fit-tmexxija ekonomika Ġermaniża milli fhimna sa issa.

***

TAJANI U L-FAXXIŻMU

Meta Antonio Tajani ġie elett President tal-Parlament Ewropew, ir-rappreżentanti tal-Partit tal-Popolari Ewropej ftit setgħu jgemgmu. Il-partit (jew il-familja politika tagħhom, kif ta’ spiss jitlaqqmu dawn il-partiti pan-Ewropej) tal-Popolari diġà kellu f’idu t-tmexxija tal-Kunsill Ewropew (per mezz tal-Pollakk Donald Tusk) u tal-Kummissjoni Ewropea (Jean Claude Juncker), it-tnejn membri tal-Popolari. L-istess kien Tajani. Jiġifieri f’idejhom il-Popolari ħadu r-riedni tal-istituzzjonijiet kollha Ewropej.
Qabel daħal fil-politika ta’ pajjiżu, Tajani kien ġurnalist. Sar wieħed mill-fundaturi ta’ Forza Italia, il-partit ta’ Berlusconi, li għamel żmien mitqies bħala “populist” u “xettiku” fi ċrieki Ewropej. Fl-aħħar snin, spiċċa mitqies bħala “moderat” quddiem il-pożizzjonijiet li bdew jieħdu tal-Lega Nord u tal-moviment tal-Ħamest Ikwiekeb fl-Italja. Tant hu hekk li qabel ma’ Tajani ġie elett President tal-Parlament Ewropew, rebaħ elezzjoni fi ħdan il-grupp tad-deputati Popolari biex jaraw min se jkun il-kandidat tagħhom għal dil-presidenza.
Għal xi żmien, deher li r-riħ kien baqa’ jonfoħ fid-direzzjoni tiegħu. Qabel saru l-aħħar elezzjonijiet Taljani, Berlusconi li kellu koalizzjoni ma’ tal-Lega Nord (ta’ Salvini), ħaseb li l-partit tiegħu Forza Italia kien se jġib voti aktar mil-Lega. Għamilha ċara li jekk jiġri hekk, Tajani se jkun l-għażla tiegħu biex isir Prim Ministru tal-Italja. Tajani deher li għoġbitu sew dil-ħaġa u reġa’ impenja ruħu dejjem akar fil-politika Taljana.
Ġara iżda li fl-elezzjonijiet Taljani, tal-Lega Nord ġabu ħafna aktar voti minn Berlusconi. Kienu se jkunu huma li jagħżlu l-Prim Ministru waqt li Forza Italia spiċċat forza imdgħajfa ħafna. Salvini u l-Lega Nord abbandunaw Forza Italia u għamlu koalizzjoni ta’ gvern mal-Ħamest Ikwiekeb. Tajani żamm postu bħala President tal-Parlament Ewropew imma jista’ jkun li xi forma ta’ dwejjaq jew frustrazzjoni politika bdew jaffettwawlu imġibtu. Deher li qed ikun wisq impenjat fil-politika Taljana akkost tal-pożizzjoni li kellu fil-Parlament Ewropew.
Forza Italia qed tara kif ittejjeb il-qagħda politika tagħha fost l-elettorat tal-pajjiż għax il-Lega fl-aħħar xhur, żiedet fil-popolarità tagħha taħt it-tmexxija ta’ Matteo Salvini. F’dan l-isforz, daħal anke bir-ras il-mexxej tal-partit innifsu, Berlusconi. Dan ħiereġ għall-elezzjonijiet Ewropej, ħaġa li tikkomplika aktar il-pożizzjoni tal-istess Tajani.
Ftit tal-ġimgħat ilu, hu kien prezenti għal kommemorazzjoni nazzjonali fiż-żona ta’ Istria, fir-reġjun tad-Dalmazja, mal-kosta tal-baħar Adrijatiku. Tkellem b’entużjażmu dwar kif l-Italja għandha sehem nazzjonali f’dawk l-inħawi. Qajjem rabja liema bħalha fil-Kroazja u fis-Slovenja li qiesu li Tajani qed iqanqal kwistjonijiet qodma li jattakkaw is-sovranità tagħhom. Ħidmietu, sostnew, ma kinitx dennja tal-qagħda tiegħu bħala President tal-Parlament Ewropew. Filfatt, Tajani kellu jitlob skuża…
Imbagħad, waqt intervista ma’ radjo Taljan, il-President tal-Parlament Ewropew stqarr li l-faxxiżmu ta’ żmien Mussolini kien wettaq ukoll miżuri tajba. Dan qajjem rebus fil-plenarja tal-Parlament Ewropew b’ilħna min-naħat kollha, jew kważi, jikkritikaw l-aġir tiegħu. Il-Popolari sabu ruħhom f’imbarazz kbir. Mill-ġdid, Tajani kellu jagħmel l-ispjegi tiegħu.
Sa ftit taż-żmien ilu, hu kien qed jimmanuvra biex jerġa’ jinħatar President tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet li jmiss. Issib min iqis li jekk kellu xi ċans jilħaq din il-mira, issa mhux aktar!