Xieraq li hekk kif fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-istituzzjonijiet Ewropej jagħlqu għall-vaganzi tas-sajf, nagħtu ħarsa qasira “ta’ malajr” lejn diversi oqsma fejn kien hemm jew kellu jkun hemm żviluppi matul l-aħħar sena. Fir-realtà, għalkemm dieħel l-istaġun tal-vaganzi, insibu oqsma fejn wieħed jistenna li l-ġrajja mhux se torqod. Fuq quddiem nett, l-immigrazzjoni, il-Brexit u r-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Amerika. Biss, jaqbel aktar illum li nqisu għelieqi oħra ta’ ħidma li, wieħed jistħajjel, se jkunu anqas imqanqla.

IŻ-ŻONA TAL-EWRO
Ta’ spiss fl-aħħar sena, imma anke qabel, tkellimna hawn dwar iż-żona tal-ewro mill-perspettiva ta’ stennija: dik li wasal iż-żmien għal riformi ġodda li jsaħħu t-tmexxija tagħha. Fis-sew, ħafna minn dak li sar kien jikkonsisti f’li dan jew dak, jew dawn u dawk, jipproponu x’għandu jinbidel għall-aħjar u kif. Min ried aktar bidliet, min ried anqas. U bqajna fis-saltna tal-proposti.
L-aktar ħaġa li dehret fattibbli u li messha saret kienet it-tkomplija tal-unjoni bankarja. Din kellha tikkonsisti fit-twaqqif ta’ organizzazzjonijiet li jissorveljaw lill-banek Ewropej; li jiddeċiedu jekk għandhomx jiġu salvati jekk ikunu se jikkollassaw; li jgħinuhom jirpiljaw jekk id-deċizjoni tkun li għandhom jiġu salvati. B’dal-mod kellu jiġi evitat li meta xi bank kbir ikun se jikkollassa, jidħlu l-gvernijiet biex iwieżnuh bir-riskju li l-finanzi tal-istat infushom jaqilgħu daqqa kbira – kif kien ġara fi żmien il-kriżi tas-sena 2008. L-unjoni bankarja kellha twassal ukoll għall-ħruġ ta’ garanzija lid-depożitanti Ewropej fil-banek biex jekk il-bank fejn iħallu flushom jegħreq, huma ma jitilfux flushom.
Fuq dan l-aħħar pilastru tal-unjoni bankarja ftit jidher li se jkun hemm progress fis-sena li baqa’ sakemm Parlament Ewropew u Kummissjoni Ewropea jinbidlu. Fuq il-pilastri l-oħra (ta’ sorvelja u appoġġ lill-banek kontra l-falliment) ukoll, il-progress qed ikun kajman.
Il-kanċellier Merkel ħarġet tinsisti li hemm bżonn ta’ żviluppi pożittivi. Issa naraw. Kienu d-diffikultajiet politiċi li nqalgħu f’pajjiżha, kif ukoll ir-riżervi ta’ ħafna minn sħabha dwar dak li għandu jsir, li l-aktar taqqlu l-pass tal-bidliet li kellhom jitwettqu.

IL-BALKANI TAL-PUNENT
Wieħed mill-punti li l-presidenza Bulgara xtaqet timbotta ’l-quddiem fl-ewwel sitt xhur ta’ dis-sena, kien li tissaħħaħ il-qrubija bejn il-pajjiżi Balkani “tal-punent” u l-Unjoni Ewropea. Dan biex jitħaffef il-pass ħalli dawn il-pajjiżi jsiru membri tal-Unjoni. Kulħadd qabel li l-għan kien wieħed xieraq u jistħoqqlu jingħata importanza. Saru laqgħat utli bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi involuti (fosthom is-Serbja, il-Montenegro, l-Albanija eċċ, li kollha ħlief għal tal-aħħar, kienu parti mill-eks Jugoslavja).
Imma mir-riżultati li ħarġu minn dawn il-laqgħat, il-konklużjoni hi li ftit li xejn sar progress. L-Unjoni Ewropea qed tisħaq fuq li dawn il-pajjiżi jridu jgħaġġlu fir-riformi meħtieġa biex l-istituzzjonijiet u t-tmexxija ekonomika tagħhom jaqirbu aktar lejn dawk tal-Unjoni Ewropea. Stqarrija ta’ dat-tip hi mod kif trażżan ir-rankatura lejn sħubija għal dawn il-pajjiżi bla ma tidher wisq ikreh. Hekk kien deher Jean Claude Juncker meta fil-bidu tal-mandat tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Ewropea għamilha ċara li matul dal-mandat, ma kienx se jkun hemm dħul ta’ membri ġodda. Kellu raġun jagħmel dik l-istqarrija, imma ħolqot ħafna dwejjaq. Jista’ jkun li ġara li pajjiżi li ntlaqtu minnha, minflok żiedu fir-rankatura lejn is-sħubija, ma raw l-ebda vantaġġ filli jdaħħlu malajr wisq riformi li setgħu qalgħulhom problemi politiċi.

IL-GREĊJA
Fl-aħħar saru d-dikjarazzjonijiet meħtieġa u mistennija: wara dawn is-snin li l-Greċja qattgħet għaddejja mill-manglu ta’ self u djun u aktar self u djun, biex tħallas is-self u d-djun li ġemmgħet matul is-snin, iż-żona tal-ewro stqarret il-fiduċja tagħha fil-fejqan tal-Greċja. Fl-aħħar, il-pajjiż qed jieħu n-nifs. Dawk li sellfu lill-Greċja aktar flus biex tħallas lura l-flus li kienet issellfet qabel mingħandhom stess – jiġifieri l-membri l-oħra taz-zona tal-ewro – jinsabu sodisfatti. Issa l-Greċja waslet f’qagħda li tista’ tilqa’ waħidha għall-bżonnijiet finanzjarji tagħha.
Id-dħul u l-ħruġ fil-baġit tal-gvern bdew isibu bilanċ sostenibbli. Wara ħafna tqanfid, anke l-Ġermaniżi kellhom jaċċettaw dil-ħaġa. Il-kontrolli fuq kif il-gvern Grieg jista’ jonfoq u jissellef se jillaxkaw. Il-biċċa hi mitqiesa bħala rebħa għaż-żona tal-ewro… u għall-Greċja.
Mil-lat tekniku tal-ekonomija u l-finanzi, hekk hu. Wara kollox, sa ftit taż-żmien ilu, ħafna kienu jbassru li l-Greċja se tikkollassa finanzjarjament u magħha ż-żona tal-ewro. Il-ministri tal-finanzi Ewropej, inklużi ta’ Malta, baqgħu jinsistu li qed isellfu biex idaħħlu flushom lura. Qed jirnexxilhom f’dan.
Finanzjarjament, għall-fini taz-zona tal-ewro, jidher li l-Greċja se “ssalva”.
Imma l-piżijiet u d-danni li kellu jġorr, u għadu jġorr, il-poplu Grieg kienu u għadhom enormi. L-aktar li batew… u għadhom ibatu… huma dawk li jifilħu l-anqas.

L-ELEZZJONIJIET EWROPEJ
Għall-elezzjonijiet Ewropej riesqa f’Mejju li ġej, il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jinsabu msakkra f’pożizzjoni li meta tifliha mill-qrib, ftit tagħmel sens. Din hi li kull grupp jinnomina l-kap tiegħu fuq bażi Ewropea għall-elezzjoni, u l-grupp li jispiċċa bl-aqwa numru ta’ siġġijiet fil-Parlament il-ġdid, jispiċċa bil-kap elettorali (“spitzen kandidat”) tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Qatt ma qbilt ma’ din is-sistema, li kien imbottaha bil-kbir il-kap tal-grupp tas-soċjalisti Martin Schulz ħames snin ilu. Jekk titwettaq għal darb’oħra, il-grupp tal-Popolari jerġa’ jmissu l-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, bil-persuna li jaħtru bħala l-kap elettorali tagħhom.
Dis-sistema suppost li tagħmel l-istutuzzjonijiet Ewropej aktar demokratiċi għax in-nies se tivvota għal din jew għal dik il-persuna u allura tentużjażma ruħha aktar dwar ir-riżultat. Ara kemm nies jimportahom… f’Malta jew fl-Awstrija jew ma nafx fejn… minn persuna li ftit li xejn ikunu jafu jew jinteressaw ruħhom dwarha, u li tiġi nominata bħala l-i“spitzen kandidat” ta’ dan jew dak il-grupp!
Jidher li numru ta’ gvernijiet se jikkontestaw dan l-arranġament li miexi bih il-Parlament Ewropew. Mhuwiex parti mill-kondizzjonijiet tat-trattati li bihom titmexxa l-Unjoni Ewropea. Diġà erba’ snin ilu, l-idea qajmet l-oppożizzjoni ta’ diversi gvernijiet. Sew jagħmlu jibqgħu jirrifjutaw l-idea… u mhux biss għax jekk nibqgħu sejrin hekk, it-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea se tibqa’ f’idejn il-partiti tal-lemin.

Facebook Comments

Post a comment