Ilhom snin fil-Parlament Ewropew, fil-Kummissjoni u anke fost stati membri tal-Unjoni Ewropea jitqajmu ideat u proposti dwar kif jistgħu jiġu ntaxxati ċerti servizzi finanzjarji – dawk jiġifieri li impriżi bħall-banek jipprovdu meta jixtru u jbigħu għall-klijenti l-ishma li jkollhom f’azjendi differenti. L-intaxxar ta’ dawn is-servizzi jservi ta’ għajn ġdida ta’ dħul għall-Unjoni Ewropea waqt li jrażżan il-ferneżiji li bil-wasla tal-internet, ta’ spiss iqumu fis-swieq finanzjarji, fejn isir il-bejgħ u x-xiri ta’ ishma u prodotti finanzjarji oħra. Huma ferneżiji li jwasslu għal taħwid fl-Ewropa u lil hinn minnha għax irendu s-swieq finanzjarji xejn aħjar minn kasino.
Imbagħad fl-aħħar snin, bil-publikazzjoni tal-Lux Leaks, tal-karti tal-Panama u ta’ diversi skandli oħra, xterdet il-fehma li jeżistu oqsma fejn taxxi dovuti mhumiex qed jitħallsu. Allura żdiedet pressjoni politika biex jiġu kontrollati l-attivitajiet ta’ kumpaniji u individwi li qed jeħilsu milli jħallsu t-taxxi f’ammonti ta’ biljuni.
Qasam li tpoġġa quddiem nett f’dil-mira kien dak tas-servizzi diġitali – jew il-provista ta informazzjoni bl-internet; il-konnessjonijiet ta’ ħbiberija li jinbnew bih; ix-xiri u l-bejgħ li jsir b’dal-mezz; il-provista ta’ tagħmir u informazzjoni fuq kompjuters fid-djar u fl-azjendi… Kumpaniji enormi li telqu mill-Istati Uniti jiddominaw dawn is-servizzi. L-aqwa fosthom huma Google, Amazon, Facebook u Apple, li saru magħrufa bħala l-GAFA. Sena wara l-oħra, baqgħu jżidu fil-bejgħ u fil-profitti tagħhom. U aktar ma jżidu fihom, donnhom anqas ikollhom taxxi xi jħallsu.
Ir-raġuni kienet li l-ħidma għaddejja fuq l-internet ma ssirx bl-istess mod bħal ngħidu aħna f’fabrika. Hawn, il-produzzjoni ssir f’post li kulħadd jista jarah, u l-istess il-bejgħ. Fil-każ tal-internet, diffiċli tgħid fejn tinġema’ l-produzzjoni diġitali u minn fejn tinbiegħ. Dan jipprovdi skop sħiħ lill-kumpaniji diġitali biex iċaqalqu spejjeż u profitti minn post għal post ħalli juruhom fejn jaqblilhom juruhom: jiġifieri f’postijiet b’liġijiet li jippermettulhom iħallsu taxxi mill-anqas. Bir-raġun, dil-biċċa dejqet lil ħafna gvernijiet u deputati Ewropej.

PROPOSTA

Żvilupp ieħor marbut ma’ li qed ngħidu u li seħħ fl-istess żmien, kien sforz immexxi mill-Kummissjoni Ewropea biex tassigura li fl-Ewropa jinbena suq diġitali wieħed, jiġifieri li l-kummerċ li jsir bl-internet fl-Ewropa jiġi soġġett għall-istess kondizzjonjijiet, regoli u inċentivi. B’hekk kellhom jiżdiedu l-opportunitajiet għall-inizjattivi kollha f’dal-qasam. L-Ewropej se jrawmu l-istess ħila tad-ditti Amerikani biex isostnu u jwessgħu is-servizzi li joffru bl-internet. Il-proġett tal-Kummissjoni qed ikopri numru wiesgħa ħafna ta’ inizjattivi, mit-telefowns, għall-programmi televiżivi, għall-bejgħ u xiri bl-internet sa fost oħrajn, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-użu bl-internet ta’ stampi, kitbiet u mużika.
Wieħed seta jissopponi li ħidma maħsuba biex tassigura wkoll li l-GAFA jħallsu t-taxxi fuq profitti dovuti minnhom kienet se ssib appoġġ sħiħ minn kulħadd. Mhux hekk ġara. Tqanqlu dubji kbar dwar kemm dan seta’ jsir bla ma l-Unjoni Ewropea tispiċċa tagħmel preferenzi bejn ditta u oħra li t-tnejn joperaw fis-suq tagħha. Ukoll, kien hemm biża’ li l-Istati Uniti xejn ma jieħdu gost jaraw lid-ditti kbar tagħhom “attakkati” b’dal-mod. Il-Ġermanja li għandha esportazzjoni qawwija ta’ prodotti (fosthom karozzi) u servizzi lejn l-Istati Uniti kienet waħda milli xejn ma għoġbitha t-tattika li l-GAFA jitqiesu b’kejl speċjali.
U fuq kollox, baqgħet il-mistoqsija kbira: kif teknikament se jiġu mkejla l-profitti tal-Gafa u fejn qed jinqalgħu meta kollox, jew kważi, qed isir b’kompjuters li jistgħu jinsabu fi kwalunkwe tarf tal-Ewropa jew barra minnha. Taħditiet bejn l-aktar pajjiżi ekonomikament sodi fid-dinja kienu qed isiru fuq dan is-suġġett fi ħdan l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) ta’ Pariġi. L-aħjar triq — intqal — kienet li wieħed jistenna t-tmiem tagħhom qabel iħassel xi ħaġa. Mhux kulħadd qabel ma’ dil-fehma.
Ftit wara l-elezzjoni tiegħu, il-President Macron ta’ Franza ħareġ b’suġġeriment ġdid: Sakemm tinstab soluzzjoni tajba għal kif se jiġu kkalkolati l-profitti li qed jagħmlu l-GAFA ħalli jiġu intaxxati bis-sew, għandha tiddaħħal taxxa ta’ xi 3 fil-mija fuq il-bejgħ li jagħmlu. Għax hu aktar faċli li tkejjel dal-bejgħ u fejn isir, milli tkejjel il-profitti. Anqas faċli “taħbi” l-bejgħ, milli l-profitti.

KIF INTLAQGĦET
Għall-bidu, l-Kummissjoni Ewropea weriet ruħha bierda għall-proposta Franċiża. Bil-mogħdija tax-xhur, x’aktarx għax ħasset il-pressjoni tal-Parlament Ewropew u tal-unjins li baqgħu jinsistu li jsir xi ħaġa dwar it-telf ta’ taxxi “diġitali”, il-Kummissjoni daret favur. Fil-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament, tħejjew rapporti li appoġġjaw l-idea ta’ taxxa fuq il-bejgħ diġitali.
L-inizjattiva ma sabitx l-istess entużjażmu fost l-istati membri. Għal xi żmien, inqabdet fiċ-ċassiżmu politiku Ġermaniż waqt li l-kanċellier Merkel ipprovat twaqqaf koalizzjoni ta’ gvern fil-ħarifa tas-sena 2017. Imbagħad intlaqgħet b’riżervi Ġermaniżi fuq il-qofol tal-proposta. Dikjarazzjoni tal-President Trump fis-sens li t-taxxa ġdida suġġerita kienet attakk fuq in-negozju Amerikan kompliet tħawwad il-bigħa.
Fost l-argumenti kontra li tqanqlu reġa’ kien hemm dak li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex iddaħħal it-taxxa waħidha imma flimkien mal-pajjiżi l-oħra membri tal-OECD. Biex tintlaqa’ dil-kritika, is-suġġeriment kien li t-taxxa tiddaħħal wara ċertu żmien, sakemm forsi fil-frattemp il-membri tal-OECD ikunu waslu għal deċiżjoni komuni. Imbagħad jekk dan ma jsirx, tidħol fis-seħħ biss għal xi tliet snin, u titneħħa qabel malli u jekk jintlaħaq qbil dwar it-taxxi diġitali fl-OECD. Quddiem kompromessi bħal dawn, il-Ġermanja bdiet ittaffi r-rifjut tagħha.
Franza sadattant baqgħet tagħfas biex it-taxxa tiġi aċċettata malajr kemm jista’ jkun. Il-ministru Bruno Lemaire għamel dawra mal-kapitali Ewropej, inkluża Brussell, biex jikkonvinċi lil dawk li kienu għadhom dubjużi. Ironija f’din l-istorja hi li mingħajr ma tant interveniet fid-diskussjonijiet għaddejja, il-Gran Brittanja daħħlet it-taxxa fuq il-bejgħ diġitali fil-baġit tagħha għas-sena 2019…
Dil-ġimgħa b’maġġoranza kbira, il-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament Ewropew ivvota qbil mat-taxxa proposta. Fl-istess ħin, il-Kunsill tal-Ministri baqa’ bla qbil aħħari minkejja l-isforzi ta’ Franza biex twassal għal deċiżjoni. F’kompromess bejn Franza u l-Ġermanja, saret proposta oħra biex it-taxxa tkun limitata għar-riklamar li jsir online. L-Irlanda, l-Isvezja, l-Finlandja u d-Danimarka għadhom dubjużi. Oħrajn qanqlu problemi oħra anke dwar l-aħħar proposta ta’ kompromess.
Fiċ-ċirkostanzi diffiċli tbassar li x-xewqa Franċiża se tinqata’ u li se jkun hemm qbil dwar taxxa fuq il-bejgħ diġitali qabel l-aħħar tas-sena.

IL-VERDETT

X’verdett jista’ jingħata dwar dit-taxxa li għadha mdendla?
Personalment, fuq bażi ta’ ġustizzja soċjali, ma narax li wieħed jista’ jkun kontra tagħha. Il-ħsieb warajha hu li kumpanji tal-internet li qed jagħmlu qligħ ġganti jħallsu t-taxxi dovuti minnhom. Kif għandu jkun.
Minn perspettiva Maltija, il-problema hi li l-introduzzjoni ta’ dit-taxxa tista’ – jew sejra – ġġib magħha bidla fil-politika Ewropea dwar it-taxxi fuq il-profitt. Mill-mod kif tiddaħħal, tista’ fost affarijiet oħra, timmina l-indipendenza li għad baqagħlhom il-pajjiżi membri biex jissettjaw it-taxxi tagħhom. Din hi raġuni għaliex l-Irlanda baqgħet mill-bidu sal-aħħar, titkellem kontra tagħha.
Aħna wkoll f’Malta ma jaqblilniex inħallu titlaq minn taħt idejna l-awtonomija ta’ deċiżjoni li għad għandna fuq it-taxxi, waħda mill-ftit li baqagħlna taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea. Jekk nitilfu din l-awtonomija, ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet li jaffetwaw bil-kbir, għall-ħażin, is-servizzi finanzjarji f’Malta. Jidhirlek x’jidhirlek minnhom, dawn is-servizzi għadhom l-aqwa mutur tal-ekonomija Maltija u ma jagħmel l-ebda sens li tpoġġihom f’periklu. Dwar il-proposta biex tiddaħħal taxxa fuq il-bejgħ diġitali, jagħmel sens li fl-interess Malti, jinżammu riżervi qawwija sakemm jitneħħa minnha kull ma jqanqlilna tħassib.

Facebook Comments

Post a comment