Kif mistenni, qanqal interess u diskussjoni… imma mhux wisq… id-diskors ġimgħa u nofs ilu tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker quddiem il-Parlament Ewropew dwar il-qagħda tal-Unjoni Ewropea. Id-drawwa li jsir dan id-diskors bdiha l-President tal-Kummissjni Ewropea ta’ qablu, Manuel Barroso, fuq il-mudell tad-diskors li jagħmel kull sena l-President Amerikan quddiem il-Kungress ta’ pajjiżu.
Mhux kulħadd jaqbel li dan hu mudell ta’ min isegwih fl-Ewropa llum. Il-President Amerikan għandu kariga eżekuttiva qawwija fi ħdan sistema federali bil-Kungress bħala pjattaforma parlamentari b’poteri wiesgħa. Ma jistax jingħad l-istess għall-Parlament Ewropew jew għall-Kummissjoni Ewropea. Allura l-President ta’ din tal-aħħar ftit jista’ jissettja linji ta’ ħidma definittiva kif jagħmel il-President Amerikan. Li jista’ jitlaq biex jagħmel hu li jfisser proposti ta’ ħidma u żvilupp għall-Unjoni, marbuta fi strateġija ta’ ħidma. Imma fuqha ma jistax ikollu kontroll sħiħ jekk ħafna minnha se tiddependi minn x’iridu jagħmlu jew ma jagħmlux il-gvernijiet tal-istati membri.
Min-naħa l-oħra, il-President tal-Kummissjoni Ewropea jaf kważi kollox dwar x’jinsab għaddej fl-Unjoni. Li jgħid tiegħu dwar x’jidhirlu mill-ġrajjiet li qed jiżviluppaw u li jippreżenta proġetti għall-futur ibbażati fuq dak li jaf u jemmen bilfors iqanqal interess. Jista’ wkoll jinfluwenza l-fehmiet ta’ diriġenti oħra. Fid-diskors tiegħu ta’ dax-xahar, hekk ipprova jagħmel Juncker.

FEDERALIŻMU MIT-TIEQA

Kienet ħaġa magħrufa sew li fil-qiegħ, Juncker iħaddan fehmiet federalisti dwar l-għaqda Ewropea. Matul l-aħħar snin, bħala President tal-Kummissjoni (imma anke qabel minħabba li l-klima politika ma kinitx tiġbed lejn il-federaliżmu), baqa’ kawt f’kif jesprimi ruħu. Is-sena li għaddiet, fid-diskors dwar il-qagħda tal-Unjoni wera ruħu mdejjaq sew b’li kien qed jiġri. Barra l-Brexit, kien qam diżgwid serju bejn il-pajjiżi membri dwar kif se tiġi trattata l-immigrazzjoni dieħla fl-Ewropa. Partiti ewro xettiċi jew populisti donnhom kellhom ir-riħ fil-poppa, waqt li l-ekonomija Ewropea dehret qed taħdem b’muturi mgħaxxa.
Did-darba, Juncker seta’ jara l-affarijiet differenti. Il-proċess ta’ kif il-Brexit jintlaqa’ daħal fil-binarju ta’ negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea mingħajr ma sa issa qajjem taħwid fost il-pajjiżi membri. Id-deni tal-immigrazzjoni baqa’ jtektek imma ma kkawżax terremoti. L-isfida tal-partiti populisti (li fil-fehma tiegħi, dejjem tqieset b’mod esaġerat) battiet. Fuq kollox, imqabbla mal-ekonomiji ta’ kontinenti oħra, l-ekonomija Ewropea ħadet nifs ġdid. Quddiem il-Parlament Ewropew, Juncker wera ruħu ottimist sew. Stqarr li nfetħet tieqa ta’ opportunità biex l-Unjoni ssaħħaħ il-binja tagħha – naturalment, skont hu, f’direzzjoni federali.
Imma għamilha ċara li ma jaqbilx li dan isir per mezz ta’ proposti kbar li jeħtieġu bidliet fit-trattati li jmexxu l-Unjoni Ewropea.

MAĠĠORANZA KWALIFIKATA

Bidliet hekk jirrekjedu konsultazzjonijiet popolari f’ħafna pajjiżi, bir-riskju li jintilfu referenda u elezzjonijiet. Għal Juncker jagħmel sens li l-bidliet jiġru permezz ta’ deċiżjonjiet li jistgħu jittieħdu bla kjass, billi jiġu użati proċeduri li jinsabu diġà miktuba fit-trattati Ewropej. Semma f’dil-linja, ftehim biex aktar deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma jibqgħux jiddependu fuq qbil unanimu tal-membri imma jittieħdu skont maġġoranza kwalifkata. Din tintrabat man-numru ta’ pajjiżi li jivvotaw favur u mal-proporzjon tal-popolazzjoni ta’ Unjoni kollha kemm hi li jkunu jirrapreżentaw.
Miżura bħal ma qed jipproponi Juncker tqanqal ħafna problemi għal numru ta’ pajjiżi (mhux l-anqas Malta). Speċjalment għax fost il-miri li donnu jrid idaħħal il-President tal-Kummissjoni nsibu waħda li tipprova tressaq lill-membri tal-Unjoni biex jissettjaw l-istess struttura ta’ taxxi fuq id-dħul tal-kumpaniji u taċ-ċittadini. Dil-proposta ilha tinħema. Għandu jkun hemm limitu minimu tat-taxxa li għandha tiġi ċċarġjata fuq il-profitti tal-kumpaniji kullimkien fl-Ewropa, hekk jintqal minn ċerti pajjiżi membri, bi Franza fuq quddiem nett. L-Irlanda fost oħrajn ilha tirreżisti imbuttaturi f’dan is-sens. Qabel, kien hemm ir-Renju Unit biex jilqa’ kontra. Issa, l-istampa nbidlet.
Juncker bħala Prim Ministru tal-Lussemburgu kien wieħed minn dawk li jżommu lura. Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea u federalist fi twemminu, ma baqagħlux riżervi.
Fuq l-istess binarju, Juncker stqarr li mhux biss jaqbel li għandha tibqa’ tinżamm is-sistema li biha jinħatar President tal-Kummisjoni Ewropea dak il-bniedem li jitpoġġa bħala l-kandidat ewlieni tiegħu mill-partit li jkun kiseb l-akbar numru ta’ siġġijiet fl-elezzjonijiet Ewropej. Talli jipproponi li dil-persuna għandha titlaħħaq ukoll President tal-Kunsill Ewropew.

TMEXXIJA TAŻ-ŻONA TAL-EWRO

L-ideat federalisti ta’ Juncker ikomplu joħorġu fil-bidliet li jixtieq li jara jitwettqu fiż-żona ewro. L-argument tiegħu (anke jekk ma jgħidux daqstant fiċ-ċar) issa hu li bit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, l-affarijiet jistgħu jsiru malajr malajr. Hawn, itellaq ideat għal bidla li ilhom jissemmew… fosthom il-ħatra ta’ ministru tal-finanzi taż-żona ewro. Imma jrid li dan ikun membru tal-Kummissjoni Ewropea, bil-baġit tiegħu bħala parti mill-baġit tal-Unjoni. B’hekk, il-kontroll taż-żona ewro jaqa’ taħt il-Kummissjoni, skont l-hekk imsejjaħ “metodu komunitarju”.
Juncker ħeġġeġ is-sħubija malajr kemm jista’ jkun tal-membri kollha tal-Unjoni fiż-żona ewro – qisu ftit jimportah li dan għandu mnejn itenni l-problemi kbar li nqalgħu fl-aħħar snin, minħabba l-fatt li l-pajjiżi membri ma kellhomx l-istess livell ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali. Filfatt qed jipproponi t-twaqqif ta’ fond ġdid speċjali maħsub biex jgħin lill-pajjiżi li għad iridu jingħaqdu maż-żona ewro imma jinsabu lura.
Huma proposti dawn li jagħtu l-impressjoni ta’ għaġla mqanżħa. Numru ta’ diriġenti Ewropej, anke mill-istess grupp politiku ta’ Juncker – bħal fl-Awstrija u l-Olanda – malajr ħarġu jikkritikawhom.

BIS-SENS

X’hemm tajjeb fl-aġenda li Juncker ippropona? Żgur ma rridux nitolqu mill-fehma li kull ma poġġa ’l quddiem jistona.
L-emfażi li għamel fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea għandha tuża aktar l-għodda li tipposjedi biex tkattar il-kummerċ internazzjonali hu importanti u jagħmel sens. Dejjem sakemm dal-kummerċ ma jitħalliex jaqa’ taħt il-kontroll tal-kumpaniji multinazzjonali l-kbar, kif naħseb li ġara fil-ftehimiet li tħasslu mal-Istati Unitu u mal-Kanada (bit-Ttip u s-CETA). Imma fi żmien bħal tal-lum, tidhirli ħaġa tajba li l-Unjoni Ewropea tkun lesta biex tiddikjara li hi favur kummerċ aktar mifrux bejn il-partijiet differenti tad-dinja.
Il-veduti ta’ Juncker dwar l-immigrazzjoni ukoll huma validi. Jidher li l-President tal-Kummissjoni Ewropea hu konvint li hemm bżonn ta’ bidla fit-trattat ta’ Dublin dwar l-immigrazzjoni. Ma jistax ikun li l-immigranti llegali jitwaħħlu fil-pajjiż fejn jaslu l-ewwel, kif jgħid it-trattat. Juncker għadu wkoll konvint mill-ħtieġa ta’ politika li biha l-immigranti deħlin fl-Unjoni Ewropea jitqassmu b’mod “ġust” bejn il-pajjiżi membri – għalkemm hu dubjuż kemm dil-ħaġa tista’ titħaddem faċilment fil-prattika, anke meta kulħadd ikun aċċettaha. Fuq kollox, il-President tal-Kummissjoni qed jisħaq bir-raġun, li l-Unjoni għandu jkollha politika dwar l-immigrazzjoni legali.
Imbagħad ippropona miżura “federalista” li anke anti-federalista bħali jkollu jaqbel li hi meħtieġa. Fil-ħarsien kontra t-terroriżmu, li għandha tkun priorità, u fis-sostenn taż-żona ta’ Xengen, li kulħadd jaqbel magħha, hemm bżonn ta’ aġenzija ċentrali li tikkordina l-ħidma ta’ sigurtà u investigazzjoni mal-Unjoni kollha. Ma jistax ikun li l-ħidmiet tas-servizzi tas-sigurtà jibqgħu sparpaljati fuq bażi nazzjonali, ġieli reġjonali, kif inhuma bħalissa.
Kollox ma’ kollox, bid-diskors tiegħu Juncker ried jipprovdi qafas għad-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa li jmur lil hinn mill-ħames “xenarji” li l-Kummissjoni tiegħu ipproponiet aktar kmieni dis-sena. Ħataf l-ottimiżmu li qed jissensel mit-titjib ekonomiku tal-aħħar xhur biex jagħti rankatura lill-kawża tal-għaqda Ewropea li tul il-karriera tiegħu kien baqa’ jappoġġjaha. Għad irridu naraw kemm se jsib min jaqbel tassew mal-proposti li ressaq.

Facebook Comments

Post a comment