Fil-kampanja ta’ sittax-il sena ilu dwar jekk Malta għandhiex issir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea jew le, issemmew ħafna raġunijiet għaliex dan kellu jiġri jew le. Kollha b’xi mod jew ieħor kienu jorbtu ma’ fehma dwar xinhi tassew l-Unjoni, bil-kisbiet u bl-għanijiet tagħha għall-futur. Kienu jorbtu wkoll ma’ fehma dwar fejn Malta kellha tieħu postha fil-proċess ta’ għaqda tal-kontinent Ewropew li l-Unjoni kienet qed twettaq.
Biss l-akbar argumenti kienu jitressqu dwar x’benefiċċji jew il-maqlub tagħhom setgħu jirriżultaw għal Malta mis-sħubija. X’kienu qed jistennew il-Maltin mill-Ewropa? Naħseb li fuq hekk ippernjat id-deċiżjoni finali ta’ ħafna votanti. U fit-tweġiba li dawk li kienu favur sħubija sħiħa taw għal dil-mistoqsija, kien hemm żewġ aspetti. Wieħed kellu x’jaqsam ma’ kif Malta kellha ġġib ruħha bħala pajjiż Ewropew. L-ieħor kellu x’jaqsam mal-benefiċċji ekonomiċi u finanzjarji li Malta kellha tiggwadanja bħala pajjiż mis-sħubija.

IĊ-ĊITTADINI
Dwar it-tieni aspett tkellimna ħafna matul is-snin f’din il-paġna u m’inix illum se nirrepeti l-argumenti li qajjimna. Fil-fehma tiegħi l-benefiċċji mistennija kienu ħafna anqas milli pprospettat u damu wisq biex jaslu. Għandhom ukoll jitqabblu mal-iżvantaġġi li s-sħubija ġabet magħha f’qafas fejn wieħed irid jifhem li ċerti żviluppi f’pajjiżna kienu jiġru xorta waħda, anke kieku ma konniex membri tal-Unjoni Ewropea. Imma kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu…
Hu dwar l-ewwel aspett li nixtieq nikteb illum. Għax sa mill-bidu nett, dehret ħaġa ċara li l-idea tal-“Ewropa” kienet waħda li tattira bil-kbir lill-poplu Malti. Donnu fil-fond tal-fond, baqa’ biża’ fostna li ma nqisux lilna nfusna… jew ma nitqisux… bħala Ewropej. Forsi kien fdal dan ta’ kif storikament l-ewwel immigranti Maltin lejn l-Awstralja, il-Kanada u anke l-Afrika ta’ Fuq kienu jiġu ttrattati. Mhux bħala “Ewropej” imma bħala “Afrikani”.
Li tingħaqad mal-Unjoni Ewropea kienet allura tinħass bħala l-aqwa siġill fuq il-karattru “Ewropew” tal-gżejjer Maltin. Ma setax ikun hemm bażi oħra għal dil-premura: kieku bla problemi ta’ xejn, ħassejna lilna nfusna “Ewropej” u żguri li se nintgħarfu bħala tali mill-barranin, ma kienx se jkollna għalfejn nimmaġinaw li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea se timmarka darba għal dejjem il-karattru tagħna.
Ma’ din il-fehma, intrabat ukoll imbagħad il-ħsieb li l-futur tal-pajjiż seta’ jiġi garantit biss mis-sħubija. Fl-Ewropa konna se nsibu s-sigurtà, u ħbiberiji li jkattru l-ġid fostna. Hawn veru li dil-biċċa torbot mal-benefiċċji ekonomiċi u finanzjarji li kienu prospettati għas-sħubija; imma mhux biss. Fin-nofs tnisslet il-fehma li “ankrati” kif kellna nkunu mal-“Ewropa” kien se jkollna nġibu ruħna bħall-bqija tal-Ewropa, jiġifieri b’mod ċivili, trasparenti u modern. Permezz ta’ din l-imġiba ġdida tagħna, meħuda mill-Ewropej, konna se nsiru soċjetà aktar ċivili, aktar żgura minnha nnifisha u aktar lesta biex tirbaħ l-isfidi li se jkollha taffaċċja fil-futur.
Sal-lum għadni bla dubju li din il-viżjoni kienet mibnija fuq ħrafa doppja. L-ewwel ħrafa kienet li fl-Ewropa hemm xi mudell mill-isbaħ ta’ kif isiru l-affarijiet bl-aqwa effiċjenza, onestà u ġustizzja. Fil-verità, l-affarijiet isiru la ħafna aħjar u lanqas ħafna agħar mill-bqija tad-dinja. L-iskandli finanzjarji, ambjentali u kummerċjali Ewropej tal-aħħar snin – li ftit kienu differenti minn dawk li seħħew fid-deċennji ta’ qabel – urew dil-ħaġa bl-aktar mod ċar.

IN-NEGOZJI
It-tieni ħrafa kienet li bl-eżempju tal-Ewropa meta nkunu fiha, Malta kienet se ġġarrab qabża ta’ kwalità fil-mod kif tara l-affarijiet, kif tmexxihom u tiżviluppahom. (Effettivament dik il-frazi “qabża fil-kwalità” kienet tissemma ta’ spiss fid-diskorsi politiċi li kienu jsiru matul is-snin ta’ qabel sirna membri tal-Unjoni Ewropea.) Skont dil-fehma, ir-regoli ta’ “sħabna” fl-Unjoni Ewropea kienu se jwasslu biex il-gvern u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jiffunzjonaw aħjar. Dan ma ġarax u ma setax jiġri.
Għax tgħid, fil-qasam tan-negozji ntlagħbet l-istess logħba. It-tama hawn kienet li l-valuri Ewropej se jiggwidaw kif il-qasam ekonomiku jitmexxa bi trasparenza akbar, u kif l-azjendi se jsiru aktar kompetittivi u rebbieħa fis-swieq. Tpoġġa valur kbir fuq il-fatt li bħala parti minn suq wieħed kontinentali kbir, in-negozji Maltin u Għawdxin kienu se jissaħħu u jsibu opportunitajiet liema bħalhom.
Madankollu, bħala stat ta’ fatt, baqgħu jiddominaw iċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-punt li bħala gżira aħna ninsabu ftit jew wisq f’pożizzjoni maqtugħa mill-kontinent Ewropew. B’hekk, minkejja li konna sirna parti mis-suq wieħed Ewropew, fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-ħajja ta’ kuljum, ftit inbdilna minn qabel. Baqgħu jsaltnu l-ħbieb tal-ħbieb, il-monopolji moħbija, il-bażużlar. Dwar hekk, ir-regoli ta’ tmexxija tal-Unjoni Ewropea ftit kellhom effett. Biex tagħqad, dawn daħlu l-aktar f’oqsma fejn ftit li xejn kien hemm influwenzi okkulti li jiffavorixxu lil dak in-negozjant jew lill-ieħor — bħall-biedja, l-Air Malta, it-tarznari, it-trasport bejn Malta u Għawdex. Kienu u għadhom oqsma fejn is-sussidji tal-istat messhom baqgħu jingħataw, minħabba l-istess ċokon tal-gżejjeer tagħna. Imma dak kien ikun kontra l-“valuri” kummerċjali tal-Unjoni Ewropea u s-sussidji twaqqfu.
Li żgur għadu ma jeżistix… wara dawn is-snin li ilna fl-Unjoni… huma garanziji ta’ trasparenza fil-kummerċ u fir-relazzjonijiet kummerċjali. Effettivament ħafna mis-swieq tal-pajjiż huma dominati minn ismijiet barranin waqt li l-Maltin speċjalizzaw l-aktar fis-servizzi. U l-industrija ħadet diksata.

X’FUTUR?
Jibqa’ l-fatt li maġġoranza mhux żgħira ta’ Maltin jinstemgħu sodisfatti bl-Ewropa. Dil-ħaġa tinħass b’akbar qawwa fi żmien meta bħal ma qed jiġri llum, l-ekonomija tkun qed tikber qatigħ u jkun ilha tagħmel hekk. Ħalliha li dan qed jiġri wkoll għax matul l-ewwel għaxar snin tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, t-tkabbir ekonomiku baqa’ – kontra dak li ġie mwiegħed – pjuttost dgħajjef.
Kollox ma’ kollox, jibqa’ dubju kbir dwar kemm fl-aħħar ħmistax-il sena ersaqna lejn il-valuri “Ewropej” li tant ġew imfaħħra u mwegħda qabel dħalna fl-Unjoni Ewropea. Xi kultant naħseb li aktar kienu l-avvanzi fil-mezzi ta’ kumnikazzjoni (telefown, midja elettronika, vjaġġar bl-ajru…) li huma responsabbli għall-immodernizzar tas-soċjetà Maltija li baqa’ għaddej b’rata imgħaġġla.