Il-ħajja dejjem tibqa’ għaddejja. Fl-Ewropa wkoll. Dil-ħaġa nħasset sew fl-aħħar ġimgħa. L-entużjażmu kien batut imma r-rieda biex l-affarijiet li kellhom isiru jibqgħu isiru, kienet hemm. U l-affarijiet baqgħu għaddejja, minkejja d-dubji dwar il-ftehim li qed jitwettaq mat-Turkija dwar l-immigranti; minkejja l-inċertezza dwar x’deċiżjoni se jieħu l-poplu Ingliż fuq is-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea; minkejja l-biża’ dwar it-terroriżmu li kif jemmen kulħadd, se jerġa’ jattakka; minkejja l-furur li għadu għaddej dwar l-iskandlu tal-karti tal-Panama.
Nagħtu ħarsa fuq fuq lejn uħud mill-proġetti ewlenin tal-Unjoni Ewropea bħalissa.

IMMIGRAZZJONI

Bil-mod qed jitwettqu l-kondizzjonijiet tal-ftehim mat-Turkija. In-numru ta’ refuġjati jaslu fil-Greċja naqas sew. Xi mijiet ta’ immigranti rregolari li m’għandhomx dritt għall-ażil reġgħu ntbagħtu lura lejn it-Turkija. Fil-Greċja madankollu hemm xi ħamsin elf refuġjat u l-ħidma li qed issir biex tinkwadrahom qed tittella’ bl-mod. Sadattant, għadha ma ngħatatx tweġiba ċara għall-mistoqsija: fejn se jintbagħtu dawn l-eluf?
Bir-raġun, il-gvern Grieg għadu jilmenta li ma jistax iġorr il-piż finanzjarju waħdu. L-Unjoni Ewropea bagħtet xi għexieren ta’ miljuni ta’ ewro biex tiffinanzja l-ħidma umanitarja.
L-anqas ma kkalmat il-kontroversja li qamet dwar il-fatt li l-Unjoni Ewropea issa qed tagħmel minn kollox biex tinħabb mat-Turkija. Anzi ħraxet wara li fuq it-televixin Ġermaniż kummidjant tella’ skeċċ dwar il-President Erdogan li waqqgħu għaċ-ċajt bil-goff ħafna. It-Turkija pprotestat mal-gvern Ġermaniż. Iżżeffnet fin-nofs il-kanċellier Merkel li nqabdet bejn id-difiża li kienet mistennija minnha tal-libertà ta’ espressjoni f’pajjiżha, u l-għan li tibqa’ ħabiba almenu għalissa ta’ Erdogan.
Punt ieħor li baqa’ jittqajjem kien fuq kemm l-Unjoni Ewropea verament se twettaq dak li qablet miegħu dwar li ċittadini Torok ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn l-Unjoni Ewropea bla ħtieġa ta’ viża sa min-nofs dis-sena. L-Ewropej għadhom jisħqu li dil-ħaġa trid issir wara li t-Torok ikunu daħħlu fis-seħħ aktar minn sittin miżura teknika fil-mod kif joħorġu l-passaporti u l-karti tal-identità. Ftit trid tkun ċiniku biex tifhem kif it-tama tagħhom x’aktarx hi li t-Turkija mhux se tlaħħaq iddaħħal dawn il-miżuri. Skont l-Unjoni Ewropea, kull pajjiż li ċ-ċittadini tiegħu jidħlu fl-Unjoni bla viża, iwettaq dawn il-kondizzjonijiet. Dan hu suġġett li għal li ġej, se nibqgħu nisimgħu dwaru.

KRIŻI FIL-BIEDJA U FL-AZZAR

Fuq front ieħor tal-ħidma Ewropea, il-kriżijiet fl-oqsma tal-biedja u tal-azzar mhux se jinħallu malajr. Dak donnu qed ikun il-messaġġ tal-Kummissjoni Ewropea quddiem l-ilmenti tal-bdiewa, kumpaniji u trejd unjins. Għal raġunijiet differenti, il-problemi li qed jaffaċċjaw iż-żewġ setturi huma simili.
Wara li r-Russja għamlet embargo fuq l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli mill-Unjoni Ewropea, kienu saru tentattivi biex jinstabu swieq oħra barranin u dawn irnexxew imma ma kinux biżżejjed. Ħxejjex, prodotti tal-ħalib u tal-majjal ma sabux bejgħ biżżejjed u l-prezzijiet tbaxxew wisq, waqt li bdew jinġemgħu provisti mhux mibjugħa. Il-ħażna ta’ dawn il-provisti tfisser ukoll nefqa ta’ aktar flus.
Fil-każ tal-azzar, il-produzzjoni mad-dinja kollha telgħet ħafna aktar mill-bejgħ li hemm għalih. Miċ-Ċina, ħirġin kwantitajiet kbar ta’ azzar bi prezz baxx li qed joqtlu l-kompetizzjoni kollha. Il-fabriki Ewropej ma jistgħux jibqgħu jipproduċu bit-telf azzar li ma jinbiegħx.
Fil-kaz tal-biedja, il-Kummissjoni Ewropea tidher li kkonkludiet li m’hemmx triq oħra ħlief dik tal-illipazzar. Ħarġet flejjes mill-fondi tagħha biex tgħin lill-bdiewa l-aktar magħkusa, imma tinsab determinata li mhux se tibdel is-sistema lura għal kif kienu jsiru l-affarijiet fis-snin tal-bidu tal-politika agrikola tal-Unjoni. Is-settur tal-biedja jrid jibqa’ jagħmel il-bidliet strutturali li jippermettulu jipproduċi skont il-bżonnijiet tas-suq. L-għajnuniet finanzjarji jridu jingħataw skont regoli konsistenti li ma jiftħux il-bibien tal-ħala. Il-bdiewa xejn mhuma jieħdu gost b’din l-attitudni.
Dwar il-kriżi tal-azzar, il-proposta ta’ fabrikanti u trejd unjins kienet li l-importazzjoni miċ-Ċina tiġi mrażżna bil-kbir. Peress li ċ-Ċina issa hi membru sħiħ tal-Organiżazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ħaġa bħal din ma tistax issir mil-lum għal għada għax tkun illegali. Il-Kummissjoni Ewropea fetħet negozjati maċ-Ċina dwar il-problema imma n-naħa Ċiniża xejn ma dehret lesta li tagħmel favuri. Baqgħet issostni li l-produzzjoni tagħha qed issir b’mod kummerċjali u skont ir-regoli tas-suq ħieles.
Dis-sena, ċ-Ċina kellha tiġi rikonoxxuta bħala pajjiż li jmexxi l-ekonomija tiegħu skont il-prinċipji tas-suq ħieles. Malli ċ-Ċina tingħata dan ir-rikonoxximent, tkun tista’ twassal l-esportazzjoni tagħha lejn kull rokna tal-Unjoni Ewropea u fil-bqija tad-dinja mingħajr aktar xkiel — żgur żvilupp li jqajjem il-bard fost ħafna setturi tal-industrija Ewropea, mhux l-azzar biss. Hemm mewġa qawwija fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex liċ-Ċina jiċċaħdilha dan ir-rikonoxximent. Fiċ-ċirkostanzi, iċ-Ċina ftit jaqblilha taċċetta volontarjament li tnaqqas l-esprtazzjoni tal-azzar tagħha, għax dan jitqies bħala li qed taqbel li dak li joħroġ miċ-Ċina qed ikun sussidjat, u li hi mhux qed tosserva r-regoli tas-suq ħieles.

DWAR L-EWRO

Kieku ma kienx hemm il-problemi tal-immigrazzjoni, tat-terroriżmu u xi problemi oħra, il-qagħda taż-żona ewro żgur kienet tissemma aktar. Bħalissa f’dal-qasam hemm frustrazzjoni għax ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku taż-żona ewro baqgħet relattivament baxxa. U dan minkejja l-isforzi kbar tal-Bank Ċentrali Ewropew immexxi mill-President tiegħu Mario Draghi, biex iqanqal l-ekonomija Ewropea. Għal dan il-għan, Draghi qed jippompja l-biljuni ta’ ewro kull xahar fiha. Mhux talli r-rati ta’ tkabbir ekonomiku baqgħu baxxi. Talli anki l-prezzijiet baqgħu staġnati, ħaġa li f’moħħ ħafna ekonomisti tfisser li mhux se jkun hemm rankatura fl-investimenti.
Il-ministru tal-finanzi Ġermaniż Schauble mar aktar bogħod minn hekk. Ilu jgerger bil-miftuħ kontra l-politika ta’ Draghi. Dan l-aħħar beda jsemmi kemm marru lura dawk — fosthom pensjonanti — li kienu jiddependu mill-imgħax li jagħtuhom il-banek fuq id-depożiti li jagħmlu magħhom tal-flus li jkunu faddlu. Bil-politika ta’ Draghi b’kollox, l-imgħaxijiet tal-banek naqsu bil-kbir. Ħafna minn dawk li qed isofru minn dat-tnaqqis, sostna Schauble, jinsabu rrabjati u qed jibdew jivvotaw għal partiti “estremisti”.
Għal din il-kritika tiegħu, Schauble innifsu ġie kkritikat. Mhuwiex jirrispetta, qalu d-difensuri ta’ Draghi, l-indipendenza tal-Bank Ċentrali. Issa, jekk hemm min jisħaq fuq il-ħtieġa li l-indipendenza ta’ bank ċentrali għandha titqies bħala sagrosanta, huma l-Ġermaniżi. Dan l-episodju serva biex juri kif ħin bla waqt, iż-żona tal-ewro għad tista’ terġa’ tiżżerżaq lejn kontroversji akuti.

Facebook Comments

Post a comment