Bit-tluq tar-Renju Unit, se tkun it-tielet l-akbar ekonomija fl-Unjoni Ewropea. Kienet waħda mill-ewwel sitta fl-Unjoni u fil-fatt it-trattat tal-bidu ġie ffirmat Ruma. Matul is-snin, numru ta’ politiċi tagħha kienu fost il-mexxejja ewlenin ta’ Brussell – Altero Spinelli, Franco Maria Malfatti, Romano Prodi, Mario Monti – li kollha kienu appostli għal unjoni dejjem eqreb bejn il-pajjiżi membri.
Hu minnu li l-Italja għal ħafna miż-żmien kienet tidher qisha timxi fil-passi tal-Ġermanja u ta’ Franza, bla ma tara wisq problemi f’dil-ħaġa. Terġa’, fl-aħħar snin – wara li ntlaqtet mill-kriżi taż-żona ewro u wara li l-Kanċellier Ġermaniża Merkel u l-President Franċiż Sarkozy raw kif jaqilgħu ’il barra lill-Prim Ministru Berlusconi – il-prestiġju tal-pajjiż donnu naqas sew. Biss, xorta waħda, kien ikun żball kbir kieku l-Italja ġiet injorata jew ittieħdet “for granted” mill-membri l-oħrajn. Il-gvernijiet li nħatru wara ta’ Berlusconi baqgħu jistinkaw biex jagħtu kontribut lill-binja Ewropea li kien imiss. Taħt il-gvernijiet ta’ Renzi u Gentiloni, l-Italja ressqet il-proposti tagħha għal żviluppi ġodda fiż-żona tal-ewro li ma kinux wisq imbiegħda minn dawk li wara, ħareġ bihom il-President Macron.

MATUL IS-SNIN

Sa ftit taż-żmien ilu, fil-maġġoranza tagħhom, il-mexxejja politiċi Taljani kienu jqisu li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet bla ebda dubju, ta’ ġid għal pajjiżhom. Għenithom iżommu għaqda akbar fl-istess Italja, li għalkemm pajjiż wieħed, għadha maqsuma f’reġjuni diversi li mhux dejjem jaraw għajn ma’ għajn, speċjalment fil-qasma bejn in-nord u s-sud. Ippermettiet avvanz fl-iżvilupp industrijali tal-Italja waqt li pprovdiet nifs ġdid lill-biedja tal-pajjiż. Ħolqot firxa ġeografika ġdida ta’ ftehim u “solidarjetà” fl-Ewropa, fejn tul is-snin ħamsin u sittin tas-seklu l-ieħor, il-ħafna Taljani li emigraw lejn il-pajjiżi Ewropej “tat-tramuntana” sabu ambjent li fih setgħu jintegraw. Hekk għamlu; biżżejjed wieħed iħares lejn l-esperjenza tat-Taljani li marru joqgħodu fil-Belġju.
Dan wassal biex f’kull livell, rappreżentanti Taljani mil-lemin u x-xellug (ġieli anke l-komunisti) kienu saru jaqblu li kull pass lejn l-għaqda Ewropea hu minnu nnifsu xi ħaġa tajba. Dal-pass seta’ jieħu s-sura ta’ żieda fil-membri tal-Unjoni jew tisħiħ tal-irbit li diġà kien jeżisti bejn il-membri. Għadni niftakar kif bejn l-1996 u l-1998, spiċċa ċempilli d-dar il-Prim Ministru Taljan Prodi biex jipprova jikkonvinċini nibdel il-politika tal-gvern Laburista ta’ dak iż-żmien li jwarrab l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Nemmen li Prodi kien sinċier fl-isforz tiegħu għalkemm ftit kien attent għal x’kienu l-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali ta’ Malta. Sempliċement assuma li la s-sħubija kienet irnexxiet daqstant għall-Italja, ma setax jonqos li se jiġri l-istess f’Malta.

X’INBIDEL?

X’inbidel daqstant biex fl-aħħar snin, qamu kurrenti qawwija f’dal-pajjiż “kontra” l-Unjoni Ewropea? Ta’ min jibda billi jgħid li dil-bidla ma ġratx fost kulħadd jew kullimkien. L-elites politiċi, ekonomiċi u soċjali Taljani għadhom jemmnu fl-Unjoni Ewropea. Fil-maġġoranza tagħhom, il-mexxejja industrijali jisħqu li ma jistax ikun hemm futur żgur għall-pajjiż barra ż-żona tal-ewro.
Biss ġara li fi ġgajtiet dejjem akbar, eluf ta’ ċittadini fin-nord u fis-sud tal-pajjiż ikkonvinċew ruħhom li xortihom ħżienet minħabba s-sħubija fl-Unjoni. Biex isaħħuhom f’dal-ħsieb, ifformaw u kibru partiti hekk imsejħa “estremi” jew “populisti” li ma kinux taħt il-kontroll tal-elites u tal-mexxejja tradizzjonali.
Kawża ewlenija ta’ kollox kienet il-kriżi finanzjarja tal-2008. Mingħajr ma wasslet lill-Italja sax-xifer tal-kollass bħal ma ġara f’pajjiżi oħra, tatha diksata sew, bil-qgħad jiżdied u ma jridx jittaffa. Id-dejn tal-gvern sar wieħed mill-aktar qawwija tal-Ewropa. Dan seta’ jfisser li malli l-imgħaxijiet jogħlew, il-baġit tal-gvern Taljan jitgħabba bi spejjeż qawwija ta’ imgħaxijiet li ried iħallas bla ma jkollu minn fejn. Għalhekk, minn Ruma l-gvernijiet mexxew politika ta’ awsterità maħsuba biex tiżgura li l-pajjiż se jkun jista’ jonora l-obbligi tiegħu skont ir-regoli taż-żona tal-ewro. Sa minn qabel l-2008, uħud sostnew li d-dħul fiż-żona tal-ewro kien żball għall-Italja imma ftit ingħataw widen. Wara l-2008, din il-fehma xterdet bil-kbir mhux biss fost il-poplu imma anke fost ċittadini ta’ isem.
U minkejja l-miżuri ta’ awsterità, l-ekonomija baqgħet ma rpiljatx – talanqas f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħolqien ta’ impjiegi. L-agħar li ntlaqtu (u dan sal-lum) huma ż-żgħażagħ. Ħafna u ħafna minnhom kellhom jikkonkludu li m’għandhomx futur…
Hu minnu li l-ewro wkoll (mhux waħdu) jaħti għal dan. Fl-imgħoddi, meta l-ekonomija Taljana kienet tistaġna, kienet tfittex li żżid il-bejgħ fis-swieq internazzjonali, u allura x-xogħol, billi tiżvaluta l-lira. Ma kinitx soluzzjoni “ideali” imma tat riżultati. Din it-triq kienet issa magħluqa għax minflok il-lira, daħal l-ewro, u t-tmexxja tiegħu ma kinitx tiddependi biss mill-awtoritajet Taljani. Biex tagħqad, kif għedna, l-ewro ġab miegħu esiġenzi fuq il-gvern biex dan irażżan in-nefqa tiegħu u mhux jonfoq ħalli jixpruna l-ekonomija.
F’qagħda diffiċli bħal din, forsi kienet ħaġa minn ewl id-dinja li d-differenzi bejn ir-reġjuni se jkomplu jiżdiedu. Min qiegħed aħjar minn ħaddieħor, ma jridx li tal-aħħar jispiċċa jirkeb fuq dahru biex iżomm fil-wiċċ. Min qiegħed minn taħt, se jissusspetta li hu l-ieħor li rikeb fuq dahru. U ma’ kullimkien, infirxet sfiduċja fil-politikanti. Diġà Berlusconi u sħabu bl-iskandli tal-ġiri man-nisa u buffunati simili kienu qanqlu sentiment konfuż. Stejjer ta’ korruzzjoni u abbuż ta’ poter minn naħa u oħra baqgħu jagħqdu. Meta ekonomija tkun irrankata, in-nies ftit tinkwieta bil-korruzzjoni. Fi żminijiet iebsa, din toħloq klima splussiva. Biex tagħqad, il-Partit Demokratiku (pjuttost soċjal demokratiku) li kien fil-gvern, insista li jdaħħal “riformi” li komplew iżidu mal-piżijiet u l-ansjetajiet tal-familji u ż-żgħażagħ.
Kibru għalhekk bil-qawwi żewġ partiti barra miċ-ċirku politika qadim: tal-Lega, mil-lemin estrem, li bdiet bħala moviment tan-Nord u fl-aħħar żminijiet riedet li titkellem għall-Italja kollha. U l-moviment tal-Ħamest Ikwiekeb, li kien varat bħala protesta mill-kummidjant Beppe Grillo, telaq bil-kbir per mezz tal-internet, rabba għeruq mifruxa man-nofsinhar tal-Italja u ħa s-sura ta’ partit rebbieħ. Hawn ukoll, il-messaġġ kien kontra politikanti korrotti u falluti, kontra l-ewro, u kontra Unjoni Ewropea li ma tqisx it-tbatijiet taċ-ċittadin komuni.

PROSPETTI

Madankollu, il-forzi “populisti/estremisti” ma kinux jagħmlu l-avvanzi li għamlu kieku fl-istess snin ta’ wara l-2008, l-immigrazzjoni ma saritx problema enormi għall-Italja. Resqin mill-Afrika ta’ isfel mis-Saħara u mil-Lvant Nofshani – deħlin miċ-ċentru tal-Mediterran – refuġjati u immigranti “irregolari” fl-għexieren tal-eluf waslu fl-Italja mingħajr ma din kienet f’pożizzjoni biex tilqagħhom. It-Taljani jsostnu li t-talbiet li għamlu biex il-piżijiet li rriżultaw jitqassmu bil-fier fost il-pajjiżi Ewropej baqgħu fl-ajru. Hemm ħafna verità f’dix-xilja.
Il-problema tal-immigrazzjoni serviet biex kabbret il-popolarità tal-forzi politiċi “estremi” jew “anti-sistema” – kif bdew jissejħu tal-Ħamest Ikwiekeb. Rajna l-konsegwenzi fil-ġimgħat ta’ kontroversja politika wara l-aħħar elezzjonijiet Taljani.
Issa hemm gvern ewro-xettiku fl-Italja – l-aktar pajjiż li kien favur l-“Ewropa” sa ftit taż-żmien ilu – bi programm ta’ gvern li ftit jista’ jibqa’ konformi mar-regoli Ewropej. Il-gvernijiet l-oħra qed jagħmlu minn kollox biex juru li lesti jkunu raġonevoli u jiddiskutu kif jistgħu jinstabu xi toroq ta’ kompromess għall-futur. Se jaslu?
L-Italja mhijiex il-Greċja. Hi bil-wisq akbar. Tliet snin ilu, minkejja l-biżgħat li se jqum rebus, il-gvern ta’ Tsipras seta’ jinġab għar-rkubbtejh bla ma jikkrolla xejn u ħadd. Kieku jistgħu, il-bqija tal-gvernijiet Ewropej, speċjalment taż-żona ewro, se jipprovaw jagħmlu l-istess mal-gvern Taljan tal-lum. Jafu li tqum kriżi liema bħalha jekk ma jaslux. Se jkollhom joqgħodu b’seba’ għajnejn.

Facebook Comments

Post a comment