Fil-ġimgħa li għaddiet, għamilt l-aħħar żjara fi Brussell hekk kif resqin lejn it-tmiem tal-mandat attwali tal-Parlament Ewropew bix-xoljiment tiegħu li jsir il-ġimgħa li ġejja wara l-aħħar plenarja fi Strasburgu. Imbagħad titlaq il-kampanja uffiċjali li twassal sal-elezzjonijiet Ewropej tal-25 ta’ Mejju.
Għal dawn l-aħħar ħames snin, bħal sħabi d-deputati Laburisti l-oħra, kont nitla’ Brussell mat-tliet darbiet fix-xahar, għal laqgħat tal-kumitati li kont membru tagħhom, tal-grupp parlamentari tas-soċjalisti u d-demokratiċi, u tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet nazzjonali. Darba fix-xahar ukoll, kien ikollna mini plenarja ta’ ġurnata li fiha kien jitkompla xogħol mibdi ħafna drabi fi Strasburgu. Ix-xogħol kien isir minn uffiċċji fil-Parlament li fihom miegħi kienu jaħdmu għall-bidu żewġ assistenti. Wara, meta tlaqt biex insegwi mill-qrib il-ħidma li bdiet tintensifika fil-Parlament dwar it-taxxi ċċarġjati fl-Unjoni Ewropea, b’kumitat li twaqqaf apposta dwar taxxi u li fih kont imdaħħal, żidt fl-assistenti għal tlieta. Barra minn dal-kumitat dwar taxxi, segwejt il-ħidma fil-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament u fil-kumitat dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea.
Ħidma oħra kellha x’taqsam ma’ kumitati konġunti bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Istati Uniti (il-Kungress u s-Senat) u l-Parlament Russu, li kont membru tagħhom.
Biss ikolli ngħid li dawn il-kumitati konġunti kienu anqas interessanti milli ħsibt li se jkunu. Bl-elezzjoni tal-President Trump u l-bidliet kaotiċi tal-amministrazzjoni tiegħu, sar diffiċli ħafna biex il-kumitat Ewro-Amerikan ikollu taħditiet “produttivi” man-naħa Amerikana, mhux l-anqas minħabba li anke senaturi u membri tal-Kungress Amerikan, ftit li xejn kienu jafu x’inhi tagħmel tabilħaqq l-amministrazzjoni Amerikana. Dan wara li ġew abbandunati n-negozjati bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea dwar ftehim ġdid ta’ kummerċ u investiment. Min-naħa tar-Russi, wara l-invażjoni tal-Krimea mir-Russi, r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja qishom ġew iffriżati, inkluż fuq livell parlamentari, u ftit kien hemm skambji bejn iż-żewġ naħat.
Effettivament, l-aqwa interess “Ewropew” f’dak li dħalt għalih kien jikkonċerna t-tmexxija ekonomika tal-pajjiżi membri taż-żona tal-ewro, speċjalment fejn – skont ir-regoli ta’ tmexxija taż-żona – il-baġits tagħhom iridu jiġu mgħarbla mill-Kummissjoni Ewropea, li mbagħad tagħti l-ġudizzji tagħha dwar li qed isir. Qiest u għadni nqis li dan hu aspett mill-aktar importanti fil-ħidma ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, jew biex inkun aktar preċiż taż-żona tal-ewro. Fil-fatt fl-aħħar ħames snin ħriġt żewġ kotba – “Malta u l-ewro” – li taw rendikont dettaljat tal-iżviluppi li seħħew f’dal-qasam. Nemmen li l-poplu Malti għadu wisq sajjem minn għarfien ċar ta’ kif dak li qed jiġri dwar l-ewro, qed jaffetwalu bil-kbir il-futur tiegħu.

BEJN L-1970 U L-1975

Din kienet it-tieni darba li qattajt daqstant żmien fi Brussell fuq xogħol. Fil-bidu tas-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor kont hemm għal ħames snin oħra, bħala diplomatiku fl-ambaxxata ta’ Malta hemmhekk. Kienet tinsab in-naħa ta’ Avenue Louise u Place Stephanie. Il-binjiet tal-lum tal-Parlament Ewropew kienu għadhom ma jeżistux imma l-binja tal-Berlaymont, is-sedja tal-Kummissjoni Ewropea, kienet diġà sserdaq fuq il-kwartier “Ewropew” ta’ Brussell, li kien għadu fil-bidu tiegħu.
Bħala uffiċjal żagħżugħ tas-servizz Malti, x-xogħol li kelli nagħmel f’dak iż-żmien ma setax ikun aktar differenti minn tal-aħħar ħames snin. Ibda biex, għall-ewwel sena u nofs, ftit kelli x’nagħmel. Dan kien iż-żmien meta l-gvern Nazzjonalista ta’ Dr Ġorġ Borg Olivier kien qed jinnegozja mas-Suq Komuni Ewropew – kif kien magħruf dak iż-żmien – biex idaħħal ftehim kummerċjali li bih, Malta setgħet tesporta lejn l-Ewropa prodotti tal-fabriki tagħha bla ma jkollha għalfejn tħallas dazji fuqhom. Ħafna min-negozjati kienu jsiru f’Malta jew direttament minn Malta mal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell. Ma kont involut xejn fihom. Lejn tmiem is-sena 1970, ġie ffirmat f’Malta ftehim ta’ “assoċjazzjoni” bejn Malta u s-Suq Komuni.
Kien ukoll iż-żmien meta r-Renju Unit kien riesaq lejn ftehim mas-Suq Komuni biex isir membru tiegħu. Dan kien se jirrekjedi bidla fl-arranġamenti kummerċjali bejn Malta u l-Gran Brittanja (imsejsa fuq l-arranġamenti kummerċjali tal-Commonwealth, miruta mill-Imperu Brittaniku), kif ukoll fl-arranġamenti bejn Malta u s-Suq Komuni Ewropew akont il-ftehim ta’ assoċjazzjoni. Hawn, bdejt ningħata aktar sehem f’li kien għaddej. Imma sadattant, bl-elezzjoni ta’ Ġunju 1971 u l-wasla fil-gvern tal-Partit Laburista, is-sitwazzjoni nbidlet għal kollox. Barra milli l-gvern Laburista telaq biex jinnegozja mar-Renju Unit u n-NATO ftehim ġdid dwar iż-żamma f’Malta tal-forzi militari Ingliżi, ried ukoll li jinbidel il-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn Malta u s-Suq Komuni. Ried li dan jagħti trattament aħjar lil Malta.
Meta ntemmu n-negozjati dwar il-bażi militari, infetħu t-taħditiet dwar din it-talba. Bil-wasla bħala ambaxxatur Malti tas-sur Joe Attard Kingswell, jien bdejt ningħata sehem dejjem akbar fix-xogħol ta’ negozjati li telqu mas-Suq Komuni. Kont preżenti waqt il-battibekki li ma qatgħux tul tliet snin u nofs. Kelli sehem dirett f’ħafna minnhom, waqt li bil-mod ħadt ir-reputazzjoni ta’ “espert” f’materji Ewropej.
Imma l-proċessi ta’ diskussjoni u kompromess fis-Suq Komuni ta’ disa’ membri kif saru minn sitta sa nofs is-snin sebgħin, kienu jtawlu u jtawlu – l-istess bħal ma għadhom sa issa fl-Unjoni Ewropea bit-triplu ta’ membri. Meta wasal iż-żmien biex inħalli Brussell wara ħames snin naħdem f’dik il-belt, u mort fl-Istati Uniti, kien għadu ma ntlaħaqx ftehim ġdid dwar l-assoċjazzjoni ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea.

DEJJEM L-ISTESS STORJA?

Fl-ewwel nofs tas-snin sebgħin, ma niftakarx li min-naħa tal-PN meta spiċċa fl-Oppożizzjoni, saru attentati biex jattakkaw il-gvern Laburista b’xi kampanja publiċitarja barra. Kieku għamlu hekk fuq il-mudell ta’ x’ġara tul dawn l-aħħar ħames snin, kienu jsibu art fertili għall-ħidma tagħhom. Matul in-negozjati dwar it-tmiem tal-bażi militari Brittanika, Malta kienet soġġetta għal kritika u attakki qawwija fil-midja tal-Punent. Ingħatajna l-laqam ta’ “Kuba fil-Mediterran”.
Fl-ambaxxata ta’ Brussell, konna abbonati ma’ servizz li jiġbor mill-medja stampata l-artikli u l-aħbarijiet li jirreferu għal Malta. U kuljum fuq l-iskrivanija tiegħi, kien jasal pakkett ta’ biċċiet maqtugħa mill-gazzetti li ħlief Kuba u Malta telgħin u neżlin ma kienx ikun hemm.
Dak iż-żmien, imexxi l-Partit Nazzjonalista kien għad hemm Dr Ġorġ Borg Olivier. Għamel tajjeb, għamel ħażin, li ma telaqx fit-triq li jħammeġ l-isem tal-pajjiż?
Nemmen li għamel tajjeb. Dis-sitwazzjoni baqgħet sa ftit wara l-elezzjoni tas-sena 1976. Meta din inżammet, jien kont ili sena u nofs li ħallejt l-ambaxxata ta’ Brussell. Il-PN bidel il-mexxej tiegħu. L-istrateġija li segwa fil-ħidma tiegħu barra l-pajjiż inbidlet bil-kbir. Tnedew attakki barra l-pajjiż fuq it-tmexxija tal-gvern Laburista Malti u komplew jiqlielu minn xahar għal xahar. Sal-lum, il-PN baqa’ jsostni dil-linja li hi waħda tal-mistħija.