Spiċċaw kif spiċċaw, sakemm iltaqa’ l-Kunsill Ewropew il-Ħamis u l-Ġimgħa, l-aħħar sebagħt ijiem raw negozjati komplikati fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Iffokaw fuq il-kompromess li nstab bejn il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-Prim Ministru Ingliż David Cameron. Fin-nofs kien hemm it-talba tal-Ingliż biex pajjiżu jikseb kondizzjonijiet ta’ sħubija fl-Unjoni li jippermettulu jagħti parir f’referendum li se jorganiżża, biex il-votanti tar-Renju Unit jaqblu li jibqgħu fl-Unjoni Ewropea.
It-talba tal-Ingliżi spiċċat tippernja fuq erba’ oqsma: sostenn tal-kompetittività tal-Unjoni Ewropea f’dinja globalizzata; qbil li min jinsab fl-Unjoni Ewropea ma jistax jiġi obbligat li jaċċetta miżuri ġodda li jġibu għaqda akbar Ewropea; arranġament li bih jiġi żgurat li membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex fiż-żona tal-ewro, ma jintlaqtux ħażin minn deċiżjonijiet li ż-żona tista’ tieħu; arranġament biex ir-Renju Unit ma jkunx obbligat li jagħti aċċess minnufih għall-benefiċċji soċjali tiegħu lil kull min jiġi joqgħod fih mill-partijiet l-oħra tal-Unjoni.
L-abbozz ta’ ftehim milħuq bejn Cameron u Tusk jirrispondi għal dawn l-erba’ talbiet. Cameron u Tusk żaru tista’ tgħid il-kapitali Ewropej kollha biex jispjegaw sa fejn kienu waslu. Kull fejn marru, sabu rieda biex isir kull ma hu possibbli ħalli r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni. Imma dan ma fissirx li ma ltaqgħux ma’ riżervi dwar il-proposti tagħhom.
Pereżempju fi Franza, id-dwejjaq ġew ikkaġunati mill-ħsieb li l-abbozz donnu qed jagħti saħħa kbira lil pajjiżi mhux membri taż-żona ewro, fuq quddiem nett ir-Renju Unit, biex ifixklu deċiżjonijiet meħtieġa fiż-żona tal-ewro. Ħaġa bħal din ma tkunx aċċettabbli. Ħsibijiet simili tqanqlu fil-Ġermanja għalkemm b’mod aktar kawt. Waqt li reġgħet stqarret ix-xewqa ta’ pajjiżha biex ir-Renju Unit ma jitlaqx mill-Unjoni, il-kanċellier Merkel għamlitha ċara li kien għad hemm ntoppi li riedu jkunu ċċarati qabel jintlaħaq ftehim.

IL-PAJJIŻI TAL-VISEGRAD

Biss forsi l-aktar żvilupp li laqat l-għajn kien meta nġabru flimkien il-mexxejja ta’ erba’ pajjiżi biex jikkordinaw il-pożizzjoni tagħhom. L-Ungerija, il-Polonja, ir-republika Ċeka u l-Islovakkja qed jipprovaw iżommu front magħqud kemm dwar il-kwistjoni Ingliża, kemm dwar il-kriżi tar-refuġjati. Il-gvernijiet tagħhom, bil-pożizzjonijiet li ħadu dwar ir-refuġjati, diġà kienu fl-aħħar ġimgħat ħolqu kuntrast mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej. Dehru li mhumiex lesti jimxu mal-kurrent imma se jingħaqdu flimkien biex jekk hemm bżonn, jiddefendu politika komuni għalihom, li taqtagħhom mill-bqija.
Issa l-grupp tal-Visegrad twaqqaf snin twal ilu, wara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika. Kien maħsub biex joħloq ħidma komuni ħalli l-pajjiżi konċernati jqarrbu malajr kemm jista’ jkun lejn l-Unjoni Ewropea. Meta dan l-għan intlaħaq bis-sħubija tagħhom fl-Unjoni, il-grupp tal-Visegrad bħala grupp donnu nħall jew intesa. Issa qed jerġa’ jiġi rxoxtat mhux biex iqarreb il-pajjiżi “tiegħu” lejn l-Unjoni, imma biex iżomm distanza minn dak li jkunu qed iħasslu l-aqwa muturi tal-Ewropa, l-aktar il-Ġermanja u Franza.
Għax se jkunu l-pajjiżi tal-Visegrad, flimkien mal-pajjiżi membri l-oħra fil-Lvant tal-Ewropa li jistgħu jintlaqtu l-aktar mill-ftehim li tħejja mal-Ingliżi dwar it-tħaddim fir-Renju Unit tas-servizzi soċjali hemm fir-rigward ta’ ħaddiema immigranti mill-pajjiżi tal-Unjoni. Għalhekk riedu li flimkien iqisu kif se jiġu affettwati mill-ftehim ta’ Tusk u Cameron. Dawn it-tnejn għamlu mill-aħjar tagħhom biex jikkonvinċuhom li mhumiex se jintlaqtu ħażin, imma Tusk, eks-Prim Ministru tal-Polonja ma tantx kien f’pożizzjoni komda. Il-mexxejja Pollakki tal-lum, huma u kienu fost l-aktar avversarji akkaniti tiegħu f’pajjiżu.

***

BEJN FRANZA U L-ĠERMANJA

Sadattant, qamu inċidenti strambi bejn Franza u l-Ġermanja fl-aħħar jiem. Matul konferenza ta’ mexxejja politiċi u opinjonisti influwenti miżmuma fi Munich, il-Ġermanja, ma setax jonqos li d-diskors idur bil-kbir dwar il-kriżi tar-refuġjati. Fl-istess Ġermanja, din ilha għal ġimgħat sħaħ l-aqwa kontroversja politika u qed tagħmel dannu politiku personali qawwi lill-kanċellier Merkel.
Il-Prim Ministru Franċiż Manuel Vals f’intervent matul il-konferenza, reġa’ għamilha ċara li Franza mhix biħsiebha taċċetta li jkun hemm sistema regolari li biha r-refuġjati li jaslu fl-Ewropa jitqassmu mal-pajjiżi membri tal-Unjoni skont kwoti. Qal li Franza qablet mat-tqassim tal-ewwel ġemgħa ta’ refuġjati li kienu waslu s-sena li għaddiet. Sejra tirrispetta l-wegħda li tat. Imma aktar minn hekk, le. Qal li pajjiżu ma kien għamel l-ebda sejħa lir-refuġjati biex jiġu għandu. Il-botta kontra Merkel ma setgħetx tkun aktar ċara.
Aktar tard, Vals ġie rapportat li qal li politika Ewropea dwar ir-refuġjati ma tistax tidher qisha sforz biex xi ħadd jikseb il-Premju Nobel. Dawn il-battuti nħassu bħala provokazzjoni anti-Ġermaniża. Madankollu, l-uffiċċju ta’ Merkel f’Berlin sempliċement innota li l-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet tal-Ġermanja u Franza tinsab għaddejja b’mod sodisfaċenti u normali.
Problema hi li hemm Prim Ministru ieħor li publikament, tkellem fuq kif dak li tgħid u tagħmel il-Ġermanja hu ben fatt, imma ta’ ħaddieħor le: Renzi tal-Italja, f’ittra miftuħa pubblikata fil-ġurnal La Repubblica. Tajjeb jew ħażin, dawn it-tip ta’ inċidenti bilfors joħolqu klima ta’ inċertezza.

***

TKOMPLI TAGĦQAD

U dwar il biedja, il-problema kompliet tagħqad. Hi Franza li l-aktar qed tagħmel pressjoni: il-bdiewa u r-raħħala tagħha, speċjalment iċ-ċkejkna, qed inaqqsu l-bejgħ u jaraw il-prezzijiet jinżlulhom f’oqsma bħal tal-ħalib u l-majjal. Pajjiżi oħra fiċ-ċentru u n-nord tal-Ewropa qed jgħaddu mill-istess esperjenza. Magħhom ingħaqdet l-Italja fejn setturi ewlenin tal-produzzjoni tal-biedja, bħat-tadam, jinsabu milquta sew. Bdiewa u raħħala qed jitolbu aktar protezzjoni minn esportaturi ta’ ikel lejn l-Ewropa u aktar għajnuniet. Il-Kummissjoni Ewropea qed tara kif tista’ sserraħ minn dan il-gwaj, mingħajr ma timmina l-politika dwar biedja li bdiet tiġi segwita fl-aħħar snin, maħsuba biex tnaqqas is-sussidji u l-produzzjoni żejda.
Problema tixbah lil tal-biedja qamet fil-qasam tal-manifattura ta’ prodotti tal-azzar. Dan qed jitqagħbar bil-kbir minn importazzjoni ta’ azzar irħis, dieħel mill-Asja, l-aktar iċ-Ċina. Il-kumpaniji u l-unjins Ewropej qed jilmentaw bil-kbir li ċ-Ċina qed tmexxi kompetizzjoni żleali, billi tissussidja l-fabrikanti tagħha, mentri l-Ewropej ma jistgħux jagħmlu hekk. Ħaddiema fl-industriji tal-azzar minn diversi pajjiżi ħarġu jipprotestaw fit-toroq ta’ Brussell quddiem l-uffiċċji tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni.
Dis-sena trid tittieħed deċiżjoni dwar jekk iċ-Ċina hix se tingħata l-istatus ta’ pajjiż b’ekonomija tas-suq, skont ir-regoli tal-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Jekk l-Unjoni Ewropea taċċetta li tagħmel hekk, iċ-Ċina tkun tista’ żżid qatigħ l-esportazzjoni tagħha ta’ azzar lejn l-Ewropa. Fil-ġimgħat li ġejjin, nistennew aktar protesti minn ħaddiema tal-azzar fit-toroq ta’ Brussell.

Facebook Comments

Post a comment