Fil-jiem ta’ wara d-dimostrazzjoni storika f’Pariġi bħal-lum ġimgħa kontra l-attakki terroristiċi fuq il-magazin satiriku Charlie Hebdo, is-sens ta’ xokk baqa’ jinħass fi Franza u madwar. Tista’ tgħid li ma kienx hemm laqgħa waħda jew diskors fil-Parlament Ewropew miġbur fi Strasburgu dil-ġimgħa li direttament jew indirettament ma għamilx referenza għall-qtil tal-ġurnalisti u l-karikaturisti, taċ-ċittadini Lhud u tal-pulizija.
Il-gazzetti, televixins u l-mezzi l-oħra kollha tal-komunikazzjoni baqgħu għaddejja bl-istorja. Ma naqsux il-kummenti kontroversjali, kif wieħed jistenna f’sitwazzjoni straordinarja bħal din; kif ukoll il-kalkoli politiċi, spejalment fix-xena interna Franċiza.
Il-President Franċiz Francois Hollande li kien qed jara l-popolarità tiegħu tiċċajpar sew fl-aħħar xhur, jidher li reġa’ kiseb ftit tar-rankatura minħabba r-reazzjoni dinjituza u qawwija li sostna. Il-mexxej tal-partit lemini fl-Oppozizzjoni (UMP) u eks-President Sarkozy li kien qed izomm silenzju strateġiku fl-aħħar ġimgħat, għamel dikjarazzjonijiet qawwija f’kummenti dwar dak li kien għaddej (ftit seta’ jzomm sieket fiċ-ċirkostanzi).

L-ARGUMENTI

L-argumenti politiċi u soċjali li tqanqlu dwew mal-Ewropa kollha. Fuq quddiem nett, l-għajta ġenerali kemm fi Franza, kemm barra, kienet li m’għandu jkun hemm l-ebda dgħufija quddiem it-terrorizmu u li l-libertà tal-kelma għandha tiġi difiza kontra kull attakk. Il-libertà kienet, għadha u tibqa’ wieħed mil-ogħla valuri tal-wirt Ewropew.
Fl-istess waqt, tqawwa l-leħen ta’ dawk li ilhom jinsistu biex is-sigurtà kontra attakki terroristiċi tissaħħaħ. Marbuta magħha, qamet mewġa ġdida ta’ sentiment kontra l-immigrazzjoni. Għalkemm il-poplu Franċiz (u popli oħra Ewropej) kienu għadhom imdamdma bl-enormità tal-ġrajjiet li seħħew f’Pariġi, ma naqsux sejħiet kontra l-ftehimiet bħal ta’ Xengen li neħħew il-fruntieri. Dawn il-ftehimiet għandhom jew jitwarrbu jew jerġgħu jiġu negozjati mill-ġdid, hekk kien hemm min saħaq. Ma kinux biss rapprezentanti tal-lemin estrem li ħarġu b’din is-sejħa.
Sadattant, qam biza’ li r-rabja li xterdet minħabba l-attentati se ddur kontra ċittadini Musulmani. Filfatt seħħew numru ta’ attakki fuq azjendi u indirizzi Izlamiċi. Kien hemm biza’ ukoll li magħhom se jikbru attakki fuq postijiet mizmuma mil-Lhud. Biex irazznu t-tensjoni mexxej wara l-ieħor, minn Hollande ’l isfel, baqgħu jisħqu fuq kif it-theddida ma kinitx ġejja mil-Izlam imma minn nies li qed iħassru u jibdlu l-messaġġ ta’ dik ir-reliġjon.
Fi ħdan l-opinjoni publika jidher li nfirxet sew il-fehma li s-sigurtà kontra t-terrorizmu għandha tingħata attenzjoni akbar. Il-gvern Franċiz issa qed jgħid li se jpoġġi lill-armata fil-qalba ta’ din il-ħidma u mhux se jkompli jnaqqas in-nefqa fuq sigurtà. Min-naħa l-oħra, il-gvern Franċiz qed ikun imbuttat minn Brussell biex izomm il-wegħdi tiegħu ħalli jnaqqas id-defiċit tal-gvern, wegħdi li baqa’ mhux jonora. Imma jew ħaġa, jew oħra…
Fil-ħafna diskors li sar dwar ħtieġa għal sigurtà akbar u ma nafx xiex, sibtha ħaġa kurjuza li ftit issemma l-punt li dawk li ħadu sehem fl-attentati kienu ċittadini Franċizi – jiġifieri l-ftehim ta’ Xengen ftit jidħol fl-istorja tagħhom. Aktar minn hekk, it-terroristi kollha jew kwazi kollha, kienu ġejja minn familji fqar jew imfarrka. Kienu qattgħu ħajjithom f’komunitajiet fejn l-opportunitajiet u l-kundizzjonijiet tal-għajxien kienu mizerabbli. Ħafna minn dawn il-komunitajiet li jizgħudu lil Franza jinsabu f’subborgi tal-bliet prinċipali u huma magħmula l-aktar minn tfal ta’ immigranti u t-tfal tagħhom.
Kont nimmaġina li waħda mil-akbar prioritajiet f’dal-qasam, kellha tkun li l-gvern jara kif jista’ jwassal biex fi ħdan komuntajiet bħal dawn, ixettel tama u opportunitajiet ġodda. B’hekk, il-gran mastri u l-profeti tat-terrorizmu ma jsibux lil min jistgħu jimmanipulawlu ħsibijietu u jibgħatuh iservi ta’ kamikaze.

***

CHARLIE

Kien hemm stennija kbira għall-ewwel ħarġa tal-magazine Charlie Hebdo li kellha tidher wara l-qerda tal-aqwa imħuħ tiegħu. Fi ħwienet fejn kont l-Erbgħa filgħodu fi Strasburgu ġew nies biex jixtru u sabu li mhux se jinqdew. Il-ħarġa ngħatat pubbliċità enormi mil-midja kollha. Intqal li l-istampar se jitla’ għal 3 miljun kopja, rekord assolut.
B’sens ta’ sfida, Charlie Hebdo zamm l-istess stil tal-ħarġiet li qajmu kontroversja fl-aħħar snin. Ippubblika karikaturi ġodda tal-profeta Mawmettu kif ukoll ta’ figuri qaddisa minn reliġjonijiet oħra. Qajjem sens ta’ offiza anki fost musulmani li kienu ħarġu jikkundannaw bla ebda rizerva l-attakk fuq il-magazine.
Il-midja internazzjonali rraportat bil-kbir dwar is-suċċess fenomenali tal-ħarġa. Osservaturi Franċizi nnotaw kif uħud mil-ġurnali barranin, l-aktar mill-Amerika u mir-Renju Unit, baqgħu lura milli juru l-karikaturi l-ġodda fil-prezentazzjonijiet tagħhom.
Forsi wasal iz-zmien li ssir riflessjoni aktar profonda dwar it-tifsira tal-libertà tal-kelma. Fi Franza u f’pajjizi Ewropej oħra hemm liġijiet stretti kontra diskors u kitba li jippromwovu r-razzizmu u l-anti semitizmu jew li jħeġġu d-delitti ta’ “mibegħda”: dan fil-qafas tal-ħarsien tal-libertà tal-kelma. Fl-istess ħin, issir id-difiza tal-jedd li bi kliemek toffendi, kif jiġri per ezempju bis-satira u bid-daħq li jqanqlu l-karikaturi. Min-naħa l-oħra, is-satira u d-daħq ta’ ċertu tip jistgħu jwasslu biex jekk ma jxerrdux il-mibegħda, jxerrdu d-disprezz u z-zeblieh. Forsi dawn ukoll jistgħu jitqiesu bħala elementi li fl-aħħar mil-aħħar qed iressqu lejn il-mibegħda.

***
ĊAQLIQ TAR-REGOLI

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret bidla fir-regoli li bihom se tkun qed tqis in-nefqa li jagħmlu fuq investiment il-pajjizi membri. Huma r-regoli li tinqeda bihom meta tiġi biex tara jekk humiex josservaw il-ftehimiet taz-zona ewro fit-tħejjija tal-baġit tagħhom. Jekk jiddejnu jew jonfqu biex jagħmlu kontribut lill-fond ta’ investiment li jrid iwaqqaf il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker, dan id-dejn jew nefqa ma jitqisux li qed izidu mad-deficit jew mad-dejn li diġà jkollhom.
Il-biċċa tħabbret bħala xi mizura eċċezzjonali – intqal li se ddaħħal flessibiltà ġdida fil-mod kif jiġu sorveljati l-inizjattivi tal-gvernijiet fil-baġits tagħhom. Effettivament, hi mizura utli li tipprova tħajjar lill-gvernijiet membri biex jikkontribwixxu għall-fond “ta’ Juncker”. Sal-lum, l-ebda gvern ma għadu impenja ruħu li se jagħmel xi kontribuzzjoni.
Sħabi fil-grupp parlamentari soċjalista kienu kollha ferħanin b’din id-deċizjoni teknika tal-Kummissjoni. Rawha bħala sinjal ieħor li qed tidħol flessibiltà siewja, u li sa issa kienet nieqsa, fit-tmexxija ekonomika Ewropea. Influwenzata bil-kbir mill-Ġermanja, din baqgħet l-aktar sa issa tagħfas fuq l-ssikkar taċ-ċinturin.
Ikolli ngħid li bqajt pjuttost biered għal din l-aħbar; ma tantx nara kif tista’ taffettwa sostanzjalment l-istaġnar ekonomiku attwali fl-Ewropa.

***

INTERVENT

Matul il-laqgħa plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, sibt l-okkazjoni biex nitkellem dwar kif sa issa, iz-zona ewro tqieset bħala proġett politiku li hu kbir wisq biex jitħalla jfalli. Iddaħħlu mizuri tekniċi komplikati biex jiddefendu l-proġett hekk li ngħatat l-impressjoni li issa tpoġġa fuq sisien sodi għal kollox. Għaliex mela, meta tqum xi kwistjoni bħall-elezzjonijiet bikrija fil-Greċja, jerġgħu jitqanqlu dubji kbar dwar iz-zona ewro?
Fl-intervent, sostnejt li bħala proġett politiku, l-ewro u l-problemi tiegħu jridu jiġu ttrattati b’mod politiku. Il-kondizzjonijiet li fuqhom issawwar imorru lura għal kwazi kwart ta’ seklu ilu. Kemm inbidlet id-dinja minn dak iz-zmien! B’hekk hemm ħtieġa kbira li naraw jekk il-premessi li magħhom intrabtet il-binja tal-ewro għadhomx jgħoddu: jekk hemmx bzonn jinbidlu.
Biss, ezami bħal dan u d-deċizjonijiet li joħorġu minnu jridu jitwettqu b’mod politiku mhux tekniku. M’hemm xejn ġdid f’dan kollu. Hi idea bħall-oħrajn li ilhom jissemmew u li dwarhom ma jsir xejn.

18 ta’ Jannar 2015

Facebook Comments

Post a comment