Fil-konferenza bejn il-pajjiżi Afrikani u Ewropej li nżammet dil-ġimgħa f’pajjiżna spikkat ħaġa li kienet ċara sa mill-bidu nett. Il-pajjiżi Afrikani m’għandhomx il-kapaċità biex jipprovdu impjiegi biżżejjed għall-popli tagħhom. L-industriji tagħhom matul is-snin ċkienu minflok naqsu. L-investimenti barranin li resqu lejhom kienu l-aktar interessati filli jtellgħu l-minerali u prodotti oħra li għandhom taħt l-art (bħal żejt, ħadid, faħam), u li jikkoltivaw prodotti tal-klima tropikali bħal kafe u kokotina. L-aqwa profitti jibqgħu għand l-investituri waqt li l-opportunitajiet ta’ xogħol anki f’ħidmiet bħal dawn qiegħdin jonqsu.
L-għajnuniet finanzjarji u oħrajn li l-pajjiżi Ewropej żammew għaddejja matul is-snin ma rnexxilhomx jibdlu din l-istampa. Il-bliet Afrikani ġibdu lejhom familji u żgħażagħ mill-irħula fejn ma kellhomx xogħol. Xorta sabu li lanqas fl-ibliet ma kien hemm xogħol għalihom. Il-ħaddiema Afrikani bdew jitilqu lejn fejn stennew li se jsibu x-xogħol: il-Libja ta’ dari u l-Ewropa.
Sadattant, fit-taqlib soċjali li baqa’ jinqala’ f’uħud mill-pajjiżi skoppjaw gwerer li ġagħlu lil ċittadini Afrikani oħrajn jaħarbu minn fejn kienu jgħixu, biex ifittxu l-kenn. Il-problema aktar aggravat bit-tisħiħ ta’ gruppi estremisti Iżlamiċi li pariġġ id-Daex fl-Iraq u s-Sirja, jorganiżżaw ħidmiet tal-akbar brutalità.
Fl-Unjoni Ewropea, din il-mewġa ta’ immigrazzjoni rregolari, magħquda ma’ dik ġejja mis-Sirja bħala refuġjati, qajmet l-inkwiet li nafu bih. Il-konferenza li nżammet dil-ġimgħa f’Malta kienet maħsuba biex il-pajjiżi konċernati jaraw x’jista’ jsir ħalli jidħol xi kontroll fuq dak li jinsab għaddej. Fuq quddiem nett fil-ħsieb tal-Ewropej kien hemm il-punt li immigranti li jiġu b’mod irregolari fl-Ewropa misjuqa mix-xewqa li jsibu impjieg, ikunu jistgħu jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi minn fejn ġew, bil-qbil ta’ dawn tal-aħħar.

BLA MEZZI REALI

Malajr instab iżda li attitudni bħal din kienet se tnaffar lill-pajjiżi Afrikani, mhux twassalhom biex jikkoperaw. Għalhekk beda jintqal li l-kwistjoni ma kinitx li l-pajjiżi Afrikani se jitpoġġew quddiem xi ultimatum: jew jaqblu li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom, jew ma jingħatawx aktar għajnuniet finanzjarji. Le, li kellu jsir kien djalogu bejn iż-żewġ naħat ħalli jaraw kif se jtaffu l-problemi li nqalgħu. Dan billi fost oħrajn, l-Ewropej anki jipprovdi fondi ġodda ħalli l-ekonomiji Afrikani jkunu jistgħu jiżviluppaw aktar u joħolqu l-impjiegi.
Ħafna mid-diskorsi formali li saru matul il-konferenza li nżammet f’Malta telqu f’din id-direzzjoni. Kemm waslu viċin ta’ xi soluzzjoni konkreta hu dubjuż. Anki jekk l-Unjoni Ewropea jirnexxielha timmonta l-fondi li qed twiegħed ħalli tiffinanzja aktar proġetti fl-Afrika, fir-realtà ftit li xejn għandha mezzi reali biex tibdel bil-kbir għall-aħjar il-qafas ekonomiku tal-pajjiżi konċernati.
L-istati Ewropej m’għandhomx għodod effettivi biex bihom joħolqu impjiegi, la fis-soċjetajiet tagħhom, wisq anqas barra mill-fruntieri tagħhom. L-aktar li jistgħu jaslu hu billi jaraw kif joħolqu inċentivi u għajnuniet biex investituri u kumpaniji privati jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment fl-aħjar interess tagħhom infushom. L-ebda krizi fl-Ewropa minħabba fl-immigrazzjoni mhi se titqies minn investituri privati bħala raġuni għaliex għandhom jikkommettu ruħhom għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Afrika.
Il-fatt li l-kumpaniji qed joperaw fi swieq bla fruntieri, fejn l-irħas jista’ jasal kullimkien bla wisq problemi, jsaħħaħhom f’dil-linja. L-istess swieq Afrikani jinsabu diġà għad-dispozizzjoni tagħhom minħabba l-mudell “neo-liberali” ta’ kif qed tinfirex il-globalizzazzjoni. U allura għalfejn jinvestu fl-impjiegi għall-Afrika? L-istati, kemm Ewropej, kemm Afrikani, ftit jistgħu jistgħu jagħmlu biex jizguraw li l-impjiegi tassew se jinħolqu.
F’dal-qafas, is-summit tal-belt Valletta irnexxielu jqanqal dibattitu importanti bejn l-istati kollha konċernati dwar il-krizi fondamentali tal-immigrazzjoni rregolari li tikkonċernahom ilkoll. Lil hinn minn hekk, baqa’ ħafna xi jsir.

***

KOMPETITTIVI?

Qed jizdiedu d-diskussjonijiet fl-Unjoni Ewropea dwar x’jeħtieġ isir biex il-pajjizi fiha jsiru aktar kompetittivi. Hu minnu li bil-mod, ir-rata tat-tkabbir ekonomiku f’uħud mill-pajjizi ewlenin u oħrajn tal-Ewropa qed titjieb. Imma għadha baxxa, u dan wara li l-Bank Ċentrali Ewropew ilu x-xhur jippompja biljuni ta’ ewro kull xahar fl-ekonomiji biex jistimola l-attività tal-azjendi.
Il-mistoqsija tibqa’: kif se jsiru aktar kompetittivi l-prodotti u servizzi Ewropej? X’inhu jxekkilhom milli jkunu irħas u aħjar minn ta’ żoni oħra?
Jissemmew ħafna argumenti, l-aqwa fosthom dak li s-swieq tax-xogħol fl-Ewropa mhumiex “flessibbli” biżżejjed. Meta jintqal hekk, trid tifhem li l-ħsieb ikun li jaqbel li jitnaqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema u li jiddaħħlu miżuri li jnaqqsu mis-saħħa tal-unjins. Biss, miżuri bħal dawn ilhom għaddejja f’diversi pajjiżi u xorta ma tantx kien hemm titjib.
Proposta oħra li qed iddur bħalissa hi li f’kull pajjiż, tingħata aktar saħħa li xi forma ta’ kunsill nazzjonali dwar il-kompetittività. Dan jifli b’mod “indipendenti” l-iżviluppi soċjo-ekonomniċi li jkunu għaddejja fil-pajjiż, biex jagħti l-parir tiegħu dwarhom. Terġa’ qed jissemma’ wkoll kumitat Ewropew dwar kompetittività li jikkordina l-ħidma tal-kunsilli nazzjonali.
Ma jidhirlix li trid tkun wisq għaref biex tikkonkludi li dan kollu mhu xejn aħjar minn logħob bil-ballun li ftit se jwassal bogħod.

***

IT-TALBIET INGLIŻI

Fl-aħħar dil-ġimgħa, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron ressaq formalment f’ittra lill-President tal-Kunsill Ewropew Tusk it-talbiet ta’ pajjiżu għal bidla fil-mod kif irid li jiġi trattat bħala membru tal-Unjoni Ewropea. Ftit kien hemm sorpriżi fit-talbiet ta’ Cameron. Jinkludu li pajjiżu jingħata garanzija li ma jintlaqatx ħażin mill-iżviluppi fiż-żona ewro biex issir aktar magħquda; li ma jibqax marbut mal-impenn li jappoġġja għaqda dejjem akbar fl-Ewropa; u li jkun jista’ jrażżan il-wasla għandu ta’ ċittadini Ewropej li jmorru fir-Renju Unit biex jibbenefikaw mill-benefiċċji tal-qgħad.
Kien hemm reazzjonijiet differenti għat-talba ta’ Cameron. Uħud qalu li t-talbiet tiegħu setgħu jintlaqgħu, wara li jkunu saru diskussjonijiet li għal għajn kulħadd, jidhru bħala diffiċilissimi. U kien hemm min sostna li kien impossibbli tilqa’ t-talbiet tal-Prim Ministru Ingliż, speċjalment dwar immigrazzjoni mill-Ewropa. Issa naraw.
Sadattant, mill-Olanda tfaċċat komplikazzjoni ġdida. B’saħħet liġi ġdida li m’ilhiex li ddaħħlet, grupp ta’ ċittadini ġabru firem biżżejjed biex jiskattaw referendum f’dak il-pajjiż dwar il-ftehim li l-Unjoni Ewropea kkonkludiet xi żmien ilu mal-Ukrajna dwar għaqda doganali bejniethom. Kummentaturi qed “jibżgħu” li r-referendum Olandiż jinbidel fi plebixxit dwar l-Unjoni Ewropea. Se jinżamm f’April tas-sena d-dieħla, ftit qabel suppost li David Cameron ikun qed ivara r-referendum tiegħu. Tal-Olanda jista’ jinfluwenza r-riżultat Ingliż…

Facebook Comments

Post a comment