Fi ħdan il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi ta’ spiss iqum l-argument dwar jekk il-mod kif isiru l-arranġamenti bejn il-partiti fil-Parlament Ewropew jammontax għal koalizzjoni. Ġeneralment, il-kwistjonijiet jinqatgħu billi kemm jista’ jkun, isir qbil fuq test li jgħaddi għall-votazzjoni. Partijiet minnu jiġu approvati b’vot ta’ konfront bejn il-partiti u “tirbaħ” il-maġġoranza.
Fil-biċċa l-kbira tagħhom madankollu, l-klawsoli jkunu jirriflettu diċituri ta’ kompromess milħuqa bejn il-gruppi mil-lemin saċ-ċentru u x-xellug.
Hu veru li dan ma jammontax għal koalizzjoni kif nifhmuha fil-kaz ta’ tmexxija ta’ gvern. Biss ir-rizultat hu li jiġu addottati linji ta’ deċizjoni li jidhru komuni bejn id-deputati li jivvotaw favur mozzjoni.
Jien wieħed minn dawk li ma tantx insibni konfortabbli b’din il-proċedura. Qed tagħti l-impressjoni li m’hemmx għazla bejn lemin u xellug – ħalli ma nfakkrux iċ-ċentru.

***

BDIEWA MALTIN

In-numri li nħarġu mill-Eurostat ftit aktar minn ġimgħa ilu ma ssemmew kwazi xejn. Jikkonċernaw id-dħul reali (jiġifieri meta tneħħi minnu l-effetti tal-għoli fil-prezzijiet) tal-irziezet fil-pajjizi tal-Unjoni Ewropea bejn is-snin 2006 u 2014.
Id-dħul medju tagħhom bejn is-snin imsemmija zdied bi kwazi 30 fil-mija.
Fl-istess zmien, dejjem b’kejl ta’ prezzijiet reali, id-dħul tal-irziezet Maltin naqas bi kwazi 23 fil-mija.
Din xejn mhi aħbar sabiħa. Il-bdiewa Maltin u Għawdxin, li kienu ġew imwiegħda l-ġenna fl-art ftit aktar minn għaxar snin ilu, tassew ġew ittraduti.

***

EWTANASJA

Hi kwistjoni li qed tqajjem dilemmi morali u politiċi kbar, forsi akbar minn tat-terrorizmu: l-ewtanasja. L-istat għandu jħalli lil nies li jkunu tilfu kull tama li għad jistgħu jgħixu ħajja bla uġigħ jew ħajja li fiha xi tifsira, jiddeċiedu li jtemmu ħajjithom?
Il-liġijiet tal-Olanda u l-Belġju jippermettu dan. Fi Franza, qed isiru proposti li jmorru fl-istess direzzjoni. Imma hawn sadattant, għaddejja kontroversja personali u legali dwar persuna li m’għandha l-ebda ċans toħroġ mill-koma li tinsab fiha biex terġa’ għal ħajja “normali”: nofs il-familja jridu li dil-persuna ma tibqax tinzamm “artifiċjalment” ħajja; in-nofs l-ieħor qed jinsisti li tibqa’ tingħata t-trattament mediku li jzommha ħajja, anke jekk tibqa’ bil-kuxjenza ta’ karrotta.
Fil-Belġju, ħabsi kundannat għal għomru minħabba delitti sesswali mill-aktar ħorox, talab biex jiġi meħlus mill-ħajja għax jaf li qatt mhu se jkun jista’ jikkontrolla l-impulsi vjolenti li jaħkmuh. Skont il-liġi, it-talba tiegħu ġiet aċċettata, imma t-tobba iddeċidew li ma jistgħux jieħdu sehem fil-“qtil” tiegħu.
F’soċjetà fejn il-medda tal-ħajja dejjem titwal, neħtieġu riflessjoni matura u profonda dwar dawn il-kwistjonijiet.

Alfred Sant
12 ta’ Jannar 2015

Facebook Comments

Post a comment